It-Trasfużjonijiet tad-Demm—Ġrajja Twila taʼ Kontroversji
‘Kieku llum iċ-ċelluli ħomor tad-demm kienu xi mediċina ġdida, kien ikun diffiċli ħafna li tiġi awtorizzata.’—Dr. Jeffrey McCullough.
FIX-XITWA taʼ l-1667, raġel miġnun u vjolenti jismu Antoine Mauroy ittieħed għand Jean-Baptiste Denis, tabib magħruf tas-Sultan Lwiġi XIV taʼ Franza. Denis kellu l-“kura” ideali għall-ġenn taʼ Mauroy—trasfużjoni tad-demm t’għoġol, li hu ħaseb li kienet se tikkalma lill-pazjent. Imma l-affarijiet ma tantx irnexxew għal Mauroy. Veru, wara t-tieni trasfużjoni, il-qagħda tiegħu tjiebet. Imma l-ġenn malajr reġaʼ ħakem lil dan il-Franċiż, u fi żmien qasir miet.
Avolja iktar tard kien ġie determinat li Mauroy fil-fatt kien miet minn avvelenament bl-arseniku, l-esperimenti taʼ Denis bid-demm taʼ l-annimali qajmu kontroversja taħraq fi Franza. Fl-aħħar, fl-1670 il-proċedura ġiet projbita. Maż-żmien, il-Parlament Ingliż u saħansitra l-Papa għamlu l-istess. It-trasfużjonijiet tad-demm ma ssemmewx iktar għall-150 sena taʼ wara.
Perikli tal-Bidu
Fis-seklu 19, it-trasfużjonijiet tad-demm tfaċċaw mill-ġdid. Dak li kien minn taʼ quddiem f’li jintroduċihom mill-ġdid kien l-ostetriku Ingliż bl-isem taʼ James Blundell. Bil-metodi mtejbin u l-istrumenti avanzati tiegħu—u l-fatt li insista li kellu jintuża demm uman biss—Blundell reġaʼ daħħal fix-xena t-trasfużjonijiet tad-demm.
Imma fl-1873, F. Gesellius, tabib Pollakk, reġaʼ tefaʼ lura l-popolarità tat-trasfużjonijiet permezz taʼ skoperta tal-biżaʼ: Iktar minn nofs it-trasfużjonijiet li saru kienu spiċċaw fi mwiet. Malli saru jafu b’dan, tobba prominenti bdew jikkritikaw din il-proċedura. Il-popolarità tat-trasfużjonijiet battiet għal darb’oħra.
Imbagħad, fl-1878, it-tabib Franċiż Georges Hayem lesta taħlita taʼ likwidu mielaħ (saline solution), li sostna li din kienet se sservi bħala sostitut għat-trasfużjonijiet tad-demm. Kuntrarju għad-demm, dan il-likwidu mielaħ ma kellux effetti negattivi, ma kienx jagħqad, u kien faċli biex jinġarr. Bir-raġun, dan il-likwidu mielaħ taʼ Hayem beda jintuża minn ħafna. Madankollu, l-istramberija kienet li l-opinjoni malajr reġgħet iffavoriet id-demm. Għala?
Fl-1900, il-patologu Awstrijak Karl Landsteiner skopra l-eżistenza tat-tipi taʼ demm, u sab li ċertu tip taʼ demm mhux dejjem ikun jaqbel maʼ tip ieħor. Mhux taʼ b’xejn li dawk it-trasfużjonijiet kollha fil-passat kienu spiċċaw fi traġedji! Issa dan setaʼ jinbidel, sempliċement billi jintgħamel ċert li t-tip taʼ demm tad-donatur ikun jaqbel maʼ taʼ min ikun se jieħdu. B’dan l-għarfien, it-tobba ġeddu l-fiduċja tagħhom fit-trasfużjonijiet—eżatt fil-ħin għall-Ewwel Gwerra Dinjija.
It-Trasfużjonijiet tad-Demm u l-Gwerer
Matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, is-suldati feruti ngħataw trasfużjonijiet tad-demm bir-radam. M’għandniex xi ngħidu, id-demm jagħqad malajr, u qabel kien ikun kważi impossibbli li jinġarr lejn il-kamp tal-battalja. Imma kmieni fis-seklu 20, Dr. Richard Lewisohn, mill-Isptar Mount Sinai fi New York City, irnexxa fl-esperimenti tiegħu b’sustanza li ma tħallix id-demm jagħqad, imsejħa ċitrat tas-sodju (sodium citrate). Dan l-iżvilupp eċċitanti kien meqjus minn xi tobba bħala miraklu. “Kien kważi bħallikieku x-xemx ġiet imġagħla tieqaf,” kiteb Dr. Bertram M. Bernheim, tabib distint fi żmienu.
Mat-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħtieġa għad-demm kibret iktar. Il-pubbliku kien bombardjat b’kartelluni li kienu jġorru messaġġi bħal “Agħti d-Demm Issa,” “Demmek Jistaʼ Jsalvah,” u “Hu Ta Demmu. Int se Tagħtih Tiegħek?” Ħafna kienu dawk li rreaġixxew għas-sejħa tad-demm. Matul it-Tieni Gwerra Dinjija nġabru mat-13,000,000 flixkun demm fl-Istati Uniti. Huwa stmat li f’Londra nġabru u tqassmu iktar minn 260,000 litru. M’għandniex xi ngħidu, it-trasfużjonijiet tad-demm kien fihom għadd taʼ riskji għas-saħħa, kif malajr intgħamel ċar.
Mard Trasmess mid-Demm
Wara t-Tieni Gwerra Dinjija, permezz t’avvanzi kbar fil-mediċina, xi operazzjonijiet li qabel kienu jidhru impossibbli saru possibbli. Minħabba f’hekk, nibtet industrija globali li kienet iddaħħal ħafna biljuni taʼ dollari fis-sena, biex tipprovdi d-demm għat-trasfużjonijiet li t-tobba bdew jikkunsidraw bħala proċedura normali fl-operazzjonijiet.
Madankollu, it-tħassib dwar mard konness mat-trasfużjonijiet malajr ħareġ fil-beraħ. Per eżempju, matul il-Gwerra fil-Korea, kważi 22 fil-mija taʼ dawk li ngħataw it-trasfużjonijiet tal-plażma żviluppaw l-epatite—kważi t-triplu tar-rata matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Sas-snin 70, iċ-Ċentri Amerikani għall-Kontroll tal-Mard ikkalkulaw li n-numru taʼ mwiet mill-epatite konnessa mat-trasfużjonijiet kien taʼ 3,500 kull sena. Oħrajn taw ċifra għaxar darbiet akbar.
Peress li d-demm beda jiġi eżaminat aħjar u dawk li jagħtu d-demm bdew jintgħażlu b’iktar attenzjoni, in-numru taʼ każi taʼ kontaminazzjoni mill-epatite-B naqas. Imma mbagħad għamla ġdida u xi drabi fatali taʼ dan il-virus—l-epatite Ċ—ikkaġunat effetti koroh. Huwa kalkulat li erbaʼ miljun Amerikan laqqat il-virus, u bosta mijiet t’eluf minnhom laqqtuh mit-trasfużjonijiet tad-demm. Ngħiduha kif inhi, b’testijiet stretti l-epatite Ċ eventwalment saret inqas komuni. Xorta waħda, xi wħud jibżgħu li se jqumu perikli ġodda u se nsiru nafu x’jikkaġunahom meta jkun tard wisq.
Skandlu Ieħor: Demm Kontaminat bl-HIV
Fis-snin 80 instab li d-demm jistaʼ jkun kontaminat bl-HIV, il-virus li jwassal għall-AIDS. Għall-ewwel, dawk li kienu jieħdu ħsieb il-banek tad-demm ma kinux jistgħu għaliha l-idea li l-provvista tagħhom setgħet kienet kontaminata. Ħafna minnhom għall-ewwel laqgħu t-theddida taʼ l-HIV b’xettiċiżmu. Skond Dr. Bruce Evatt, “kien qisu xi ħadd tfaċċa lura mid-deżert u qal, ‘Rajt estraterrestrijali.’ Semgħu, imma ma ridux iniżżluha.”
Madankollu, f’pajjiż wara l-ieħor qamu skandli li kixfu każijiet taʼ demm kontaminat bl-HIV. Huwa stmat li fi Franza, bejn 6,000 u 8,000 ruħ ġew infettati bl-HIV minn trasfużjonijiet li ngħataw bejn l-1982 u l-1985. It-trasfużjonijiet tad-demm jaħtu għal 10 fil-mija taʼ l-infezzjonijiet taʼ l-HIV fl-Afrika kollha u għal 40 fil-mija tal-każijiet taʼ AIDS fil-Pakistan. Illum, minħabba li d-demm jiġi eżaminat aħjar, huwa rari li f’pajjiżi żviluppati l-HIV jiġi trasmess mit-trasfużjonijiet tad-demm. Madankollu, f’pajjiżi li qed jiżviluppaw u fejn id-demm ma jiġix eżaminat b’dawn il-proċessi, il-problema taʼ trasmissjoni b’dan il-mod għadha teżisti.
Nistgħu nifhmu għala f’dawn l-aħħar snin kiber l-interess fil-mediċina u l-kirurġija mingħajr demm. Imma hija din alternattiva bla periklu?
[Kaxxa f’paġna 6]
It-Trasfużjonijiet tad-Demm—L-Ebda Regoli Mediċi
Kull sena fl-Istati Uniti biss, iktar minn 11,000,000 flixkun taʼ ċelluli ħomor jingħataw lil 3,000,000 pazjent. Meta tqis dak in-numru kbir, dak li jkun għandu mnejn jassumi li hemm xi regoli stretti fost it-tobba meta jiġu biex jagħtu d-demm. Madankollu, The New England Journal of Medicine jinnota li b’mod sorprendenti teżisti ftit informazzjoni “biex tiggwida d-deċiżjonijiet dwar it-trasfużjonijiet.” Fil-fatt, hemm varjazzjoni kbira f’kif isiru, mhux biss f’dak li jirrigwarda x’għandu u kemm għandu jiġi trasfuż eżattament imma wkoll jekk fuq kollox għandhiex tingħata trasfużjoni. “It-trasfużjoni tiddependi mit-tabib, mhux mill-pazjent,” jgħid il-ġurnal mediku Acta Anæsthesiologica Belgica. Meta nikkunsidraw dan, m’huwiex sorprendenti li studju pubblikat f’The New England Journal of Medicine sab li “huwa kalkulat li 66 fil-mija tat-trasfużjonijiet ma jingħatawx kif u meta suppost.”
[Stampi f’paġna 5]
Mat-Tieni Gwerra Dinjija, il-ħtieġa għad-demm kibret iktar
[Sorsi]
Imperial War Museum, Londra
U.S. National Archives photos