Kun Selettiv meta Tagħżel id-Divertiment
X’effett għandu d-divertiment fuq it-tfal? Alvin Poussaint, għalliem u tabib li ħadem mat-tfal għal madwar 30 sena, hu konvint li films li jkun fihom sess u vjolenza jgħallmu liż-żgħar li mġiba bħal din hija normali. Hu jipponta wkoll lejn periklu ieħor: “Rajt tfal li jirritornaw lura d-dar wara li jkunu raw xi film taʼ din il-kwalità jsiru mbeżżgħin—jew estremament aggressivi. Rajt oħrajn li jerġgħu lura għal li jiddendlu maʼ djul ommhom jew li joqogħdu jerdgħu subgħajhom jew li jagħmlu taħthom fis-sodda.” Skond dan it-tabib, xi esperti ddokumentaw ġrajjiet oħrajn li jistgħu jikkaġunaw din l-imġiba—l-abbuż fiżiku jew sesswali jew li jgħixu f’xi żona tal-gwerra, biex insemmu biss xi ftit. “Ħadd minna ma se jpoġġi minn jeddu lil xi tifel jew tifla f’dawk is-sitwazzjonijiet,” hu jispjega, “madankollu, ħadd ma jieħu l-passi meħtiġin biex ma jħallihomx jaraw films dwar affarijiet li jwerwruna kieku kellna nkunu nafu li qed jarawhom fil-ħajja reali.”
Il-Kristjani għandhom kull raġun ikunu selettivi u ċerti li d-divertiment li jagħżlu ma jiksirx il-prinċipji tal-Bibbja. Per eżempju, Salm 11:5 jgħid: “Jgħarbel il-Mulej il-ġust u l-ħażin; hu jobgħod ’il min iħobb id-dnewwa [“vjolenza,” KŻ].” U l-appostlu Kristjan Pawlu kiteb: “Mewwtu ġo fikom dak kollu li hu taʼ l-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-re[għb]a . . . Iżda issa intom ukoll ħallu kollox: korla, passjoni, ħażen, dagħa, u l-kliem mhux xieraq warrbuh minn fommkom.”—Kolossin 3:5, 8.
Għalhekk, il-ġenituri għandhom joqogħdu b’sebaʼ għajnejn biex id-divertiment li jagħżlu għal uliedhom—u għalihom stess—ma jippromwovix “l-għemejjel tal-ġisem.” (Galatin 5:19-21) Għandhom ikunu selettivi, billi jikkunsidraw kemm il-kwalità kif ukoll il-kwantità tad-divertiment tagħhom.—Efesin 5:15-17.