LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g98 7/8 p. 28
  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn Id-​Dinja
  • Stenbaħ!—1998
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Theddida għal-​Libertà Reliġjuża fl-​Ewropa
  • Twieqi Intelliġenti
  • L-​Effett tat-​TV fuq it-​Tfal
  • Il-​Mixi Jistaʼ Jtawwal il-​Ħajja
  • L-​Ekoloġija taʼ Xatt il-​Baħar
  • Nuqqas taʼ Ikel Antiċipat mad-​Dinja Kollha
  • Il-​Qawwa Meraviljuża tal-​Kwiekeb
  • Il-​Libertà Reliġjuża fil-​Greċja Kkunsidrata mill-​Ġdid
  • Il-​Latin Għadu Ħaj
  • Statwi “Kkopjati”
  • Konservazzjonisti Ideali
  • L-​Istress Iżid l-​Aċċidenti tat-​Traffiku
  • Il-​Bibbja Disponibbli f’2,197 Lingwa
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2005
Stenbaħ!—1998
g98 7/8 p. 28

Ħarsa Lejn Id-​Dinja

Theddida għal-​Libertà Reliġjuża fl-​Ewropa

F’konferenza stampa li saret reċenti f’Washington, D.C., fl-​Istati Uniti, Massimo Introvigne, studjuż Kattoliku Ruman minn Turin, l-​Italja, qal li f’diversi pajjiżi qed jiġu kkompilati listi jew rapporti kontra s-​setet. L-​organizzazzjonijiet li ġew ittimbrati bħala “setet perikolużi” jinkludu lill-​Battisti, Buddisti, kariżmatiċi Kattoliċi, Lhud Ħasidiċi, ix-​Xhieda taʼ Jehovah, il-​Quakers, u l-​Assoċjazzjoni tan-​Nisa Żgħażagħ Kristjani. Rapport mill-​Ġermanja jsemmi 800 grupp; ieħor mill-​Belġju, 187; u ieħor minn Franza, 172. Introvigne jikteb li fi Franza “għalliema ngħataw is-​sensja mill-​iskejjel pubbliċi wara li kienu ilhom is-​snin jagħtu servizz onorabbli, u dan sempliċement għax kienu membri tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” Bħalma ġie rrapportat mill-​aġenzija taʼ l-​aħbarijiet Compass Direct, Introvigne esprima tħassib dwar min kien qiegħed jisponsorja pubblikament dawn il-​movimenti taʼ kontra s-​setet. Hu qal: “M’hemm ebda dubju li dawn il-​movimenti huma responsabbli għat-​tixrid taʼ informazzjoni li m’hijiex eżatta u li taʼ spiss hija kompletament falza dwar il-​minoranzi reliġjużi, u taʼ opinjoni dinjija intolleranti.”

Twieqi Intelliġenti

Riċerkaturi fl-​Università taʼ Sydney, ġewwa l-​Awstralja, ivvintaw tieqa li tingħalaq awtomatikament meta joqrob xi ajruplan li jkun qed itir fil-​baxx. Wara li jkun għadda s-​sors taʼ dak l-​istorbju li jtarrax, it-​tieqa terġaʼ tinfetaħ. Mikrofonu fuq barra, megħjun minn software ikkonnettjat mat-​tieqa, jistaʼ jiddistingwi wkoll il-​frekwenzi partikulari taʼ ħsejjes li jtarrxu oħrajn, bħal ngħidu aħna, il-​ħoss taʼ trakkijiet kbar. Xi testijiet jindikaw li dawn it-​twieqi jistgħu jnaqqsu l-​ħsejjes b’massimu taʼ 20 deċibel, li huwa ttamat li jkun biżżejjed biex jassigura raqda trankwilla. Ir-​rivista New Scientist tikkummenta: “Wieħed mill-​vantaġġi kbar taʼ din is-​sistema huwa li l-​bini jistaʼ jkun kemm ivventilat u kemm protett mill-​ħsejjes mingħajr ebda ħtieġa li jiġi installat xi apparat taʼ l-​arja kkundizzjonata li jiswa ħafna flus.”

L-​Effett tat-​TV fuq it-​Tfal

“Il-​kartuns u l-​logħob tal-​kompjuter jinfluwenzaw l-​imġiba tat-​tfal taʼ bejn is-​sitta u t-​tnax-il sena iktar milli tinfluwenzahom l-​iskola, għar-​raġuni li huma jqattgħu 38 siegħa fil-​ġimgħa jaraw it-​TV waqt li fil-​klassi jqattgħu biss 23 siegħa,” tirrapporta l-​gazzetta Messikana El Universal. Ir-​riċerkatur Omar Torreblanca nnota li t-​TV jgħallem lit-​tfal liema attitudnijiet għandhom jadottaw f’sitwazzjonijiet partikulari​—imma mingħajr ma t-​tfal jindunaw jekk dawk l-​attitudnijiet humiex tajbin jew ħżiena. Hu spjega: “Jekk it-​tfal jaraw xi kartun jew film fejn ikunu rabtu lil xi ħadd mill-​protagonisti b’riżultati sodisfaċenti, it-​tfal x’aktarx li jimitaw din l-​azzjoni.” L-​investigazzjoni taʼ Torreblanca indikat li “t-​tfal japplikaw fil-​ħajja taʼ kuljum tagħhom dak li jitgħallmu kuljum mit-​TV imma mhux dak li jitgħallmu mill-​iskola, ladarba l-​iskola jqisuha sempliċement bħala obbligu.”

Il-​Mixi Jistaʼ Jtawwal il-​Ħajja

L-​Asiaweek tgħid li l-​mixi taʼ kuljum jistaʼ jtawwal il-​ħajja b’mod sinjifikanti. Studju li dam sejjer 12-il sena ffoka fuq 707 irġiel li ma jpejpux bejn l-​età taʼ 61 u 81 sena li kienu kapaċi jimxu. Dawk “li kienu jimxu biss 3.2 kilometri kuljum​—anki b’pass komdu—​naqqsu r-​riskju li jmutu minn kwalunkwe kawża bin-​nofs,” jinnota r-​rapport. Dawk li ma kinux jimxu kellhom ċans imutu minn kull tip taʼ kanċer darbtejn u nofs iktar minn dawk li kienu jimxu minn taʼ l-​inqas 3.2 kilometri kuljum. F’dan l-​istudju, li ġie ppubblikat f’The New England Journal of Medicine, instab li anki jekk wieħed jimxi mqar 805 metri kuljum dan ikun qed inaqqas il-​mortalità. Qabel, xi esperti dwar l-​eżerċizzju fiżiku ddubitaw kemm kellu valur eżerċizzju li ma tantx jaħlilek enerġija. Issa, dan l-​istudju ġdid jikkonkludi: “Jekk l-​anzjani jiġu inkuraġġiti biex jimxu, dan se jkun taʼ benefiċċju għal saħħithom.”

L-​Ekoloġija taʼ Xatt il-​Baħar

Jistaʼ jkun li xtajta tinqered minħabba li jnaddfuha żżejjed? Iva, jgħid studju li sar fi Swansea Bay, f’Wales. Il-​qofol taʼ xtajta f’kundizzjoni tajba huwa tarf il-​baħar, fejn il-​laqx jakkumula darbtejn kuljum fil-​ħin meta l-​livell tal-​baħar ikun l-​iktar għoli. Il-​laqx jistaʼ jinkludi siġar, bċejjeċ taʼ njam, alka, ħaxix, u saħansitra annimali mejtin, kollha mħalltin mal-​ħaxix tal-​baħar. F’din it-​taħlita jgħixu invertebrati żgħar li jgħinu biex jisseparaw il-​veġitazzjoni li tkun qed tiġi dekomposta, u li mbagħad tiġi mferrxa mir-​riħ u l-​mewġ biex isservi bħala l-​element attiv li jgħaqqad lir-​ramel. Tarf il-​baħar jipprovdi wkoll ikel għall-​għasafar u għall-​annimali bħalma huma l-​voles (dawk mir-​razza tal-​ġrieden), il-​ġrieden, il-​fniek salvaġġi, u saħansitra l-​volpijiet. Kien it-​tnaqqis fl-​għasafar tal-​baħar li kienu jiddependu minn tarf il-​baħar għall-​ikel tagħhom, li ġibed l-​attenzjoni tal-​konservazzjonisti għall-​fatt li t-​tindif regulari tax-​xtajtiet iħarbat il-​bilanċ ekoloġiku delikat. Ħafna nies li jħobbu x-​xtajtiet jixtiequ xtajta nadifa tazza u dan xejn m’hu realistiku. The Times taʼ Londra tirrapporta li kien hemm viżitatur li ppretenda li anki ċ-​ċagħaq kellu jitneħħa mir-​ramel.

Nuqqas taʼ Ikel Antiċipat mad-​Dinja Kollha

Skond studju li sar mill-​Università taʼ Johns Hopkins, “jekk il-​popolazzjoni ma tnaqqasx ir-​ritmu li bih qed tiżdied u l-​produzzjoni agrikola ma tiżdiedx b’mod drammatiku, sas-​sena 2025 m’huwiex se jkun hemm ikel biżżejjed għat-​tmien biljun ruħ bil-​ġuħ li huwa stmat li se jkun hawn fid-​dinja,” jgħid rapport taʼ l-​Associated Press. Ir-​riċerkaturi jbassru li “jekk ir-​rati tat-​twelid ma jonqsux sa bejn wieħed u ieħor żewġt itfal kull mara,” il-​produzzjoni taʼ l-​ikel ikollha tirdoppja sas-​sena 2025 biex tipprovdi “aċċess għal ikel biżżejjed li jkun nutrittiv u bnin” biex in-​nies ikunu jistgħu jibqgħu b’saħħithom. Barra minn din il-​problema hemm ukoll nuqqas taʼ ilma, tinġis taʼ l-​art, telf kontinwu taʼ ħamrija minn wiċċ ir-​rabaʼ minħabba l-​erożjoni, u tibdil fil-​klima. Anki llum, kull sena madwar 18-il miljun ruħ imutu bil-​ġuħ, avolja l-​art tipproduċi ikel biżżejjed biex tmantni lil kważi sitt biljun ruħ li hawn fuq l-​art illum.

Il-​Qawwa Meraviljuża tal-​Kwiekeb

Immaġni li ġiet osservata reċentement mit-​Teleskopju Spazjali Hubble tipprovdi iktar evidenza li hemm kewkba fil-​galassja tagħna li hi tip rari taʼ kewkba msejħa “luminous blue variable.” Skond l-​astronomi, din il-​kewkba brillanti u n-​nébula taʼ madwarha għandha forma t’arma tan-​nar, u minħabba f’hekk ġiet imsejħa l-​Pistola. Huwa stmat li din il-​Pistola hija minn taʼ l-​inqas 60 darba akbar mix-​Xemx tagħna u kważi 10 miljun darba iktar qawwija. Din x’aktarx li hi “l-​iktar kewkba enerġetika fis-​smewwiet,” tgħid ir-​rivista Science News. Imma minħabba t-​trab li hemm fin-​nofs, il-​kewkba tistaʼ tiġi osservata biss permezz taʼ l-​infrared detectors. Dan jispjega għala l-​Pistola, li tinsab 25,000 sena tad-​dawl ’il bogħod mill-​pjaneta Art, ma ġietx skoperta qabel kmieni fis-​snin disgħin. Sitt kwiekeb oħrajn biss taʼ dan it-​tip ġew skoperti fil-​galassja tagħna.

Il-​Libertà Reliġjuża fil-​Greċja Kkunsidrata mill-​Ġdid

“Donnu li dan l-​aħħar il-​gvern [Grieg] jinsab imħasseb fuq kwistjonijiet li jittrattaw dwar id-​dritt għal libertà reliġjuża, billi qed jikkunsidra wkoll l-​emenda kostituzzjonali pendenti,” tirrapporta l-​gazzetta t’Ateni To Vima. “Ġie fformat kumitat mhux uffiċjali taħt il-​ġurisdizzjoni tal-​Ministeru taʼ l-​Affarijiet Barranin biex jeżamina mill-​ġdid il-​qafas legali li jikkonċerna kwistjonijiet taʼ libertà reliġjuża, il-​liġijiet tad-​dittatur Metaksa li jagħmlu lill-​proselitiżmu offiża kriminali, u l-​kundizzjonijiet li taħthom il-​minoranzi reliġjużi li m’humiex Ortodossi jiġu mħollijin jistabbilixxu knejjes u postijiet għal-​laqgħat.” Ir-​rapport ikompli jgħid li dan il-​pass ittieħed prinċipalment minħabba l-​każi legali bla għadd li nġabu mix-​Xhieda taʼ Jehovah quddiem il-​Qorti Ewropea tad-​Drittijiet tal-​Bniedem fil-​Greċja.

Il-​Latin Għadu Ħaj

Il-​Latin għadu l-​lingwa uffiċjali tal-​Belt tal-​Vatikan, avolja ma baqax jintuża fil-​liturġija Kattolika Rumana mis-​snin 60. Speċjalisti jittraduċu d-​dokumenti papali għal-​Latin, imma issa dan ma tantx qed jintuża ġewwa l-​Vatikan innifsu. Madankollu, f’Novembru 1997, il-​papa lmenta li l-​Latin kien qed jispiċċa bħala lingwa mitkellma u ħeġġeġ ir-​ritorn tiegħu. Sadattant, grupp taʼ studjużi mill-​Vatikan lestew proġett taʼ tmien snin li pproduċa dizzjunarju b’Latin aġġornat. Termini moderni bħalma huma “aerosol spray,” “ajruport,” “department stores,” “taxi,” u “traffic jam” issa għandhom l-​ekwivalenti tagħhom bil-​Latin. Saħansitra l-​mobile phone li tistaʼ tieħdu kullimkien isir telephonium cellulare. Għal min hu entużjast tal-​Latin hemm jerġaʼ aħbarijiet aħjar. Qassis f’Ruma issa organizza Web site bil-​lingwa Latina fuq l-​Internet, tirrapporta The Times taʼ Londra

Statwi “Kkopjati”

Sas-​sena 2000, l-​istatwi fil-​ġonna pubbliċi taʼ Ruma għandhom mnejn ikunu kollha kopji. Għala? “M’hemmx alternattivi għall-​kopji jekk irridu nippreservaw il-​monumenti,” tispjega Carla Benocci li tagħmel parti minn waħda mis-​soċjetajiet taʼ l-​istorja taʼ Ruma. Hi żiedet li xi wħud minn dawn l-​istatwi jinsabu fi “stat xokkanti taʼ degradazzjoni, u saritilhom ħsara minħabba ż-​żmien li għadda minn fuqhom, mill-​vetturi, mill-​vandali, u minn dawk li jixtru affarijiet misruqin.” Qed isiru esperimenti biex jiddeterminaw liema materjali jistgħu jiggarantixxu bl-​aħjar mod l-​istess effett estetiku bħal dak taʼ l-​oriġinali u fl-​istess ħin jirreżistu l-​attakki mid-​dħaħen u l-​vandali. Xi “kopji” saru mir-​reżin; oħrajn mis-​siment b’kisja taʼ trab taʼ l-​irħam fuqhom. “Dawn tant jixbhu lill-​oriġinali,” tgħid Benocci, “li minħabba li ħasbuhom l-​oriġinali, xi ħallelin qatgħu ras waħda minnhom biex jisirquha u pprovaw jisirqu oħra sħiħa.” U xi ngħidu għall-​oriġinali? Dawn se jinżammu ġewwa mużewijiet, fejn jistgħu jiġu ammirati mingħajr ma jkunu fil-​periklu.

Konservazzjonisti Ideali

Il-​Flotta Rjali tal-​Britannja qed tuża l-​mogħoż biex jgħinu fl-​ippreservar tal-​ħitan taʼ forti kostali storika, tirrapporta The Sunday Telegraph. L-​għeruq taʼ l-​għollieq, tas-​siġar, u tal-​ħaxix ħażin kienu qed jagħmlu ħsara lill-​ġebel u lill-​qatran. Il-​metodi normali biex jitneħħew kienu jinkludu srieraq taʼ l-​elettriku u erbidiċi li jiswew ħafna flus, u dawn jistgħu jkunu perikolużi. Barra minn hekk, dawn il-​metodi jeqirdu xi xtieli, likeni, u insetti rari. Madankollu, il-​mogħoż ilventi mhux biss jiswew inqas biex timpjegahom imma jagħmlu inqas ħsara lix-​xtieli u lill-​ħajja salvaġġa li tant jinsabu mheddin. Mike Beauchamp, il-​konsulent taʼ din l-​iskema jgħid: “Sa għaxar snin oħra, il-​biċċa l-​kbira tal-​gruppi konservazzjonisti se jkunu qed jużaw il-​mogħoż għal restawr inizjali t’art fejn ikun hemm il-​ħaxix ħażin.”

L-​Istress Iżid l-​Aċċidenti tat-​Traffiku

L-​attitudni taʼ individwu lejn ix-​xogħol li jagħmel għandha influwenza kbira fuq l-​imġiba tiegħu waqt is-​sewqan, jistqarr studju li sar mill-​Assoċjazzjoni Professjonali tas-​Servizz tas-​Saħħa u taʼ l-​Għajnuna Soċjali, fil-​Ġermanja. Süddeutsche Zeitung irrapportat li dawk li għandhom stress minħabba x-​xogħol huma f’riskju akbar min-​normal li jikkaġunaw aċċident tat-​traffiku. “Il-​frustrazzjoni li wieħed jiġmaʼ ġo fih minħabba l-​imgħallem jew il-​kollegi tiegħu tistaʼ twassal għal nuqqas taʼ konċentrazzjoni waqt is-​sewqan,” jinnota dan ir-​rapport. F’dan l-​istudju, 75 fil-​mija tan-​nies li kienu kkaġunaw aċċident tat-​traffiku fi triqithom lejn ix-​xogħol jew lura waħħlu fin-​“nuqqas taʼ konċentrazzjoni, skariġġ żejjed, pressjoni minħabba l-​ħin, jew l-​istress.” Għalkemm jingħad li l-​irġiel huma x’aktarx l-​iktar suxxettibbli li jkollhom aċċident meta jkunu taħt stress negattiv, l-​istudju żvela wkoll li ommijiet taʼ tfal żgħar kienu f’riskju speċjali. Il-​gazzetta tosserva: “Dawn spiss kienu taħt pressjoni kbira, minħabba li kellhom iġibu t-​tfal mill-​kindergardin fil-​ħin jew isajru għal nofsinhar.”

Il-​Bibbja Disponibbli f’2,197 Lingwa

“Is-​sena l-​oħra, ġew tradotti partijiet mill-​Bibbja fi 30 lingwa oħra, u b’hekk in-​numru totali taʼ lingwi li fihom hija disponibbli l-​Iskrittura sar 2,197,” jirrapporta l-​ENI Bulletin, taʼ Ġinevra, l-​Isvizzera. Il-​Bibbja kollha hija issa disponibbli fi 363 lingwa, inkluż lingwi ivvintati bħall-​Esperanto. Il-​United Bible Societies (UBS) iżommu notamenti tal-​lingwi li fihom minn taʼ l-​inqas ġie ppubblikat ktieb wieħed tal-​Bibbja. Fergus Macdonald, is-​segretarju ġenerali taʼ l-​UBS, qal li l-​mira hija li “l-​Kelma t’Alla ssir disponibbli għan-​nies f’ilsien pajjiżhom.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja