Ħarsa Lejn id-Dinja
Il-Krema Protettiva taʼ l-Ippopotami
“L-ippopotami jipproteġu mix-xemx il-ġilda tagħhom, li hi bla xagħar, billi jegħrqu għaraq li għandu żjut protettivi li huma simili għall-prodotti kummerċjali użati mill-bnedmin,” tirrapporta The Independent taʼ Londra. Wara li ttestjaw il-likwidu li ħareġ mill-ġilda t’annimal fi ġnien żooloġiku f’Tokyo, xjenzati fi Kyoto, il-Ġappun, tgħallmu kif dan il-likwidu jipproteġi l-ġilda taʼ l-ippopotamu mill-ħsara li tiġi mix-xemx tropikali u mill-ħmieġ. Dan il-likwidu magħqud u jwaħħal ikun trasparenti għall-ewwel u bil-mod il-mod isir ħamrani, u mbagħad isir kannella u qisu plastik. X’ħin jibda jsir kannella, jinbidel minn alkalin għal aċiduż ħafna, u b’hekk jaġixxi bħala antisettiku qawwi. Il-kisja kannella sservi wkoll bħala protezzjoni mix-xemx billi tassorbi d-dawl ultraviolet, bħalma jagħmlu l-kremi protettivi kummerċjali. Iżda l-gazzetta kkonkludiet li ma tantx hemm ċans li fil-futur qarib il-kumpaniji kummerċjali tal-kosmetika jipproduċu krema protettiva taʼ l-ippopotami, l-ewwelnett għax fid-dinja hawn ftit wisq ippopotami, u t-tieni għax il-likwidu għandu riħa tinten wisq.
Il-Weight Lifting Inaqqas id-Dipressjoni tal-Pensjonanti
Fi studju li sar intwera li l-“weight lifting jistaʼ jnaqqas id-dipressjoni fl-anzjani b’50 fil-mija,” tirrapporta l-gazzetta The Australian. B’hekk, il-weight lifting jistaʼ jħabbatha mal-kura bid-drogi biex jikkumbatti d-dipressjoni fil-kbar, skond Dr. Nalin Singh mir-Royal Prince Alfred Hospital taʼ Sydney. Fl-istudju, li kien jinvolvi 60 raġel u mara li kellhom medja taʼ 72 sena, anki dawk li għamlu eżerċizzji ħfief esperjenzaw “30 fil-mija taʼ serħan mid-dipressjoni, l-istess bħal dawk li ma kinux jagħmlu l-weight lifting iżda kienu jirċievu kura medika normali,” tgħid The Australian. Minbarra li jikkumbatti d-dipressjoni, il-weight lifting isaħħaħ “l-għadam u l-muskoli li jkunu qed jixjieħu, u b’hekk jgħin lill-anzjani jevitaw xi waqgħa. Jgħin ukoll biex jiġu kontrollati l-artrite, id-dijabete, u l-pressjoni għolja tad-demm,” tgħid il-gazzetta. Singh jissuġġerixxi li l-weight lifting “għandu jiġi offrut bħala l-kura primarja għad-dipressjoni, speċjalment lill-anzjani.”
It-TV Jgħallem l-Aggressività
“Meta jaraw it-telenovelli, it-tfal jiġu inkuraġġiti biex iġibu ruħhom b’mod antisoċjali, li jinkludi li jgħidu fuq in-nies, iqasqsu, ixerrdu l-qlajja’, ikissru r-relazzjonijiet taʼ oħrajn, jheddu u jgħajru,” skond studju deskritt fil-gazzetta taʼ Londra, The Times. L-istudju li kien preżentat lill-British Psychological Society, sab li hemm “rabta sinifikanti” bejn l-imġiba antisoċjali taʼ l-adoloxxenti u l-aggressività indiretta li jaraw fuq it-TV, tgħid il-gazzetta. L-agħar telenovelli kien fihom bejn wieħed u ieħor 14-il każ taʼ qasqis fis-siegħa. Sarah Coyne, lecturer tal-psikoloġija fil-University of Central Lancashire, l-Ingilterra, tinkwieta li x-xeni kontinwi taʼ aggressività indiretta li jintgħamlu jidhru bħala tajbin, sbieħ, jew premjati b’riżultati pożittivi, jagħtu liż-żgħażagħ eżempji ħżiena biex jimitawhom.
L-Effetti fit-Tul taʼ Dieta Nieqsa mill-Karboidrati
Għalkemm in-nies għandhom mnejn jonqsu permezz taʼ dieti neqsin mill-karboidrati, ftit għandna informazzjoni dwar l-effetti fit-tul taʼ dawn id-dieti. Xi riċerkaturi jinkwetaw li dieta bbażata fuq il-proteini tistaʼ twassal għal problemi fil-fwied u l-kliewi, l-osteoporożi, u problemi serji tas-saħħa oħra. “Ħafna mill-ikel li jħajrek fid-dieti neqsin mill-karboidrati—bħal xi biċċa laħam imħawra b’xi zalza rikka—ikun mimli b’xaħmijiet li jsoddu l-arterji. . . , fattur taʼ riskju ewlieni għall-mard tal-qalb u l-puplesija,” tinnota r-rivista Time. B’kuntrast maʼ dan, Dr. David Katz tal-Yale University School of Public Health jgħid: “Dieti abbundanti fil-fiber u varjetà taʼ karboidrati, li jinsabu fil-frott, il-ħaxix, il-fażola, u l-whole grains, intwerew f’għadd kbir taʼ studji li huma assoċjati maʼ ħajja twila, kontroll fit-tul tal-piż, riskju inqas taʼ kanċer, riskju inqas taʼ mard tal-qalb, riskju inqas taʼ dijabete, riskju inqas taʼ problemi gastrointestinali, u avanz ġenerali taʼ saħħa.”
Kamaleonti bi Lsien Ħafif
Kif jagħmel il-kamaleont biex joħroġ ilsienu b’tant ħeffa biex jaqbad il-vittma tiegħu? “Is-sigriet jinsab f’mekkaniżmu bħal molla li jaħżen l-enerġija bħal-lastku taʼ wadab qabel ma jintelaq,” tirrapporta l-gazzetta New Scientist. Ix-xjenzati kienu jafu li l-ilsien tal-kamaleont fih tessuti mdawrin b’“muskolu tal-veloċità.” Issa, permezz taʼ vidjo bis-slow-motion, xi riċerkaturi Olandiżi skoprew li fi frazzjoni taʼ sekonda qabel jattakka, “kamaleont juża l-muskolu tal-veloċità biex jimla t-tessuti taʼ lsienu bl-enerġija, billi jibnihom fuq xulxin bħal sezzjonijiet taʼ teleskopju. Meta l-kamaleont jattakka, l-enerġija miġbura tistaʼ toħroġ fi frazzjon taʼ sekonda u titfaʼ b’saħħa l-ilsien ’il barra” biex jaqbad l-ikla tiegħu.
Britanniċi bla Twemmin
Fi stħarriġ li sar fuq 10,000 persuna f’għaxar pajjiżi, il-Britannja nstabet “fost l-iktar waħda li għandha nies li ma jemmnux b’Alla. . . , bl-iktar livelli baxxi taʼ twemmin u attivitajiet reliġjużi,” issostni The Times taʼ Londra. Filwaqt li 46 fil-mija mill-Britanniċi qalu li minn dejjem kienu jemmnu b’Alla, żewġ pajjiżi biss, ir-Russja u r-Repubblika tal-Korea t’Isfel, kellhom inqas kredenti. Iktar minn 90 fil-mija min-nies fin-Niġerja, l-Indoneżja, u l-Libanu jemmnu li l-alla tagħhom hu l-uniku Alla veru, iżda fil-Britannja tlieta minn kull għaxra biss iħossuhom b’dan il-mod. Fil-biċċa l-kbira mill-pajjiżi iktar minn 80 fil-mija qalu li t-twemmin f’Alla jagħmlek persuna aħjar, iżda 56 fil-mija biss mill-Britanniċi qablu maʼ dan. Filwaqt li 85 fil-mija fl-Istati Uniti, 99 fil-mija fl-Indoneżja, u 83 fil-mija fil-Messiku jemmnu li Alla ħalaq l-univers, fil-Britannja 52 fil-mija biss jemmnu dan. Meta ġew mistoqsijin jekk id-dinja jkollhiex iktar paċi mingħajr reliġjon, sitta fil-mija fl-Istati Uniti, disgħa fil-mija fl-Indja, u 11 fil-mija fl-Iżrael qalu iva, iżda fil-Britannja l-figura kienet 29 fil-mija.
In-Nagħaġ Jiftakru l-Uċuħ
“Skoprejna li n-nagħaġ jistgħu jagħrfu l-uċuħ taʼ minn taʼ l-inqas 50 nagħġa oħra u taʼ 10 persuni,” jikteb in-newrobijologu Keith Kendrick fi New Scientist. Kendrick u t-tim tiegħu sabu li wara li n-nagħaġ kienu raw l-uċuħ għal ftit ġimgħat, dawn baqgħu jiftakru s-60 wiċċ “għal minn taʼ l-inqas sentejn.” Mhux talli n-nagħaġ għarfu l-uċuħ iżda, bħall-bnedmin, kienu kapaċi ‘jagħrfu ċerti sinjali li jidentifikaw l-istat emozzjonali taʼ l-individwu mill-espressjonijiet taʼ wiċċu.’ Ir-rivista tirrapporta li n-nagħaġ “jistgħu jagħmlu distinzjoni bejn l-espressjonijiet differenti tal-bnedmin, u jistgħu jinnotaw bidliet fil-wiċċ taʼ nagħġa ansjuża. Jippreferu wkoll uċuħ taʼ bnedmin jitbissmu minn dawk irrabjati.” Ir-riċerkaturi sabu li “l-uċuħ taʼ bnedmin li jieħdu ħsieb in-nagħaġ jistgħu jiġu meqjusin bħala nagħġa li jafu sew fil-merħla tagħhom.” Kendrick jgħid: “Bnedmin dħulin isiru aċċettati bħala nagħaġ. Dan juri li n-nagħaġ iħossu relazzjoni mill-qrib mar-ragħaj tagħhom.”
Il-Ġlieda biex Jiksbu Figura Aċċettabbli
“Iż-żgħażagħ—u b’mod partikulari t-tfajliet—għandhom ġlieda biex jiksbu figura aċċettabbli saħansitra minn età dejjem iżgħar, u dan jistaʼ jkollu konsegwenzi serji fuq is-saħħa,” tgħid il-gazzetta Kanadiża Globe and Mail. Sar studju fuq tfajliet taʼ bejn l-10 u l-14-il sena dwar kif iqisu l-ikel, u iktar minn 2,200 wieġbu għal dan l-istudju. Il-Globe tirrapporta: “Inqas minn sebgħa fil-mija mit-tfajliet kellhom piż żejjed, imma iktar minn 31 fil-mija ddeskrivew lilhom infushom bħala li għandhom ‘piż żejjed’ u 29 fil-mija qalu li kienu bid-dieta.” Tfajliet li huma f’saħħithom għala jridu jonqsu? Skond il-gazzetta, ħafna mit-tort għandu jingħata lil ċerti adulti li huma stess il-ħin kollu jagħmlu d-dieta u jwaqqgħu għaċ-ċajt lil uħud li għandhom piż żejjed. “Il-mezzi tax-xandir ukoll għandhom tort għax jinfluwenzaw l-imġiba taʼ l-adoloxxenti, billi l-ħin kollu juru mudelli rqaq iżżejjed,” tgħid il-Globe. Dr. Gail McVey, xjenzata tar-riċerka fl-Isptar għat-Tfal Morda f’Toronto, turi li t-tfal, il-ġenituri, u l-għalliema kollha għandhom bżonn jirrealizzaw li “ż-żjieda fil-piż hija ħaġa normali u neċessarja biex it-tfal isiru adoloxxenti.”