Ħarsa Lejn Id-dinja
Karozza li ma Tikkaġuna Ebda Tniġġis
Il-karozzi huma sors ewlieni tat-tniġġis taʼ l-arja fl-ibliet kbar tad-dinja. Biex jittratta din il-problema, wieħed inġinier Franċiż ivvinta karozza urbana li hi silenzjuża u mingħajr irwejjaħ u “taħdem sempliċement bl-arja taʼ madwarna,” tirrapporta The Guardian Weekly taʼ Londra. Id-disinjatur tal-magna, Guy Nègre, ħoloq magna li taħdem bl-arja kompressata. Taħli inqas minn kemm jiswa 75 ċenteżmu elettriku biex timla t-tank tagħha bl-arja kompressata, u bih il-karozza tkun tistaʼ taħdem għal għaxar sigħat f’kundizzjonijiet urbani b’veloċità massima taʼ madwar 100 kilometru fis-siegħa. Il-karozza tiġbed l-arja taʼ barra hekk kif jingħafas il-brake. Minħabba s-sistema tal-carbon tagħha biex issaffi l-arja, l-arja li tarmi hija iktar pura minn dik li tiġbed ’il ġewwa. Wara li għamlu diversi provi fuq karozzi oħrajn li ma jniġġsux, l-awtoritajiet Messikani għażlu din il-karozza biex tieħu post is-87,000 taxi tal-Belt tal-Messiku.
L-Ikla mal-Familja
Fi stħarriġ li sar dwar 527 adolexxent, dawk li kienu jieklu l-ikla mal-familji tagħhom minn taʼ l-inqas ħames darbiet fil-ġimgħa kellhom “inqas probabbiltà li jabbużaw mid-droga jew li jkunu dipressi, kienu iktar immotivati fl-iskola u kellhom relazzjonijiet aħjar maʼ dawk taʼ mparhom,” tgħid il-gazzetta tal-Kanada Toronto Star. “L-adolexxenti li ssejħu bħala ‘mhux azzettati’ kienu jieklu mal-familji tagħhom tliet darbiet jew inqas fil-ġimgħa.” Il-psikologu Bruce Brian jistqarr li l-ħin taʼ l-ikla tal-familja huwa “karatteristika taʼ familja b’saħħitha.” Ir-rapport jgħid li meta familja tiekol flimkien tippromwovi l-għaqda, l-abbiltà tal-komunikazzjoni, kulħadd iħossu parti mill-familja, u jipprovdi opportunità biex wieħed jitgħallem kif iġib ruħu fuq il-mejda u jieħu sehem fil-konversazzjoni, fl-umoriżmu, u fit-talba. Tfajla li kibret ġewwa familja li kienu regolarment jieklu flimkien tgħid illi kieku huma ma kinux jagħmlu dejjem hekk, “ma naħsibx li kont inkun daqshekk qrib tagħhom daqs kemm jien issa.”
Għajnuna Elettronika għal Dawk Waħedhom
Fil-Ġappun, l-iktar mod reċenti biex xi ħadd li jħossu waħdu jiltaqaʼ maʼ xi ħaddieħor bħalu huwa permezz taʼ “love beeper,” tirrapporta l-Mainichi Daily News. Il-beeper tistaʼ tissettjah skond liema attivitajiet tippreferi: karaoke (li tkanta flimkien maʼ mużika rrekordjata), ħbieb, u konversazzjoni. Nagħtu każ li żagħżugħ ikun irid isib xi tfajla biex joqgħod jitkellem magħha. Hu jissettja l-beeper elettroniku tiegħu li ma fihx iktar mill-pala taʼ l-id fuq “konversazzjoni.” Jekk ikun ftit metri ’l bogħod minn tfajla li hi wkoll għandha love beeper issettjat fuq “konversazzjoni,” il-beepers jibdew idoqqu u jixegħlu dawl aħdar. Dan il-beeper diġà xtrawh 400,000 persuna. Dawk li huma kkonċernati dwar x’tip taʼ persuna għandhom mnejn jikkuntattjaw jistgħu jitfu s-sawnd u jistrieħu fuq id-dawl li jixgħel biss. Takeya Takafuji, id-direttur li jippjana għall-manifatturier jgħid: ‘Jekk dan ir-raġel taʼ mezz’età ma jkunx it-tip tiegħek, jew taħseb li ma tridx tkellmu, sempliċement ibqaʼ miexja.’
It-Tabakk Jisponsorja l-Isports
L-użu estensiv li l-industrija tat-tabakk tagħmel minn ġrajjiet sportivi u divertiment ieħor biex tippromwovi l-prodotti tagħha joħloq “sħubija pożittiva bejn l-isports . . . u t-tipjip tas-sigaretti,” tgħid Rhonda Galbally, mill-Victorian Health Promotion Foundation taʼ l-Awstralja. Bħala riżultat, ir-reklamar sottili tat-tabakk li taʼ spiss isir fl-isports jistaʼ jqanqal lin-nies biex ipejpu. Il-Cancer Research Campaign fil-Britannja skopriet li “s-subjien li jieħdu pjaċir jaraw it-tlielaq tal-karozzi tal-Formula One fuq it-televixin għandhom kważi ċans doppju li jibdew ipejpu,” tirrapporta l-gazzetta Panos. “Il-kumpaniji tat-tabakk fl-Ewropa jonfqu ħafna mijiet taʼ miljuni taʼ dollari kull sena biex jappoġġaw it-tlielaq tal-karozzi biss.” U l-karozzi fihom ir-reklami li taʼ spiss jidhru fuq it-televixin.
Abbuż fuq it-Tfal Sar Komuni
“Stħarriġ ġdid dwar is-saħħa taʼ l-adolexxenti subjien fl-[Istati Uniti] wera li iktar minn 1 minn kull 8 subjien taʼ l-età taʼ l-iskola sekondarja qalu li kienu ġew abbużati fiżikament jew sesswalment,” tirrapporta The New York Times. Fl-istħarriġ instab li “l-abbuż fiżiku fuq is-subjien kien bil-wisq iktar komuni mill-abbuż sesswali, u li żewġ terzi taʼ l-abbuż fiżiku sar minn xi membru tal-familja u seħħ fid-dar stess.” Is-subjien Amerikani-Asjatiċi għandhom l-iktar rata għolja t’abbuż sesswali, b’9 fil-mija minnhom jgħidu li kienu ġew abbużati. Fost is-subjien Ispaniċi, 7 fil-mija qalu li kienu ġew abbużati sesswalment, waqt li 3 fil-mija tas-suwed u l-bojod irrapportaw abbuż sesswali. Il-kwestjonarju ma kienx qed jiddefinixxi l-abbuż. Kien sempliċement qed jistaqsi lil dak li jkun jekk xi darba ġiex abbużat fiżikament jew sesswalment.
Tunika għall-Pellegrini
Lit-turisti li jżuru postijiet imqaddsin Kattoliċi fl-Italja taʼ spiss ma jħalluhomx jidħlu minħabba li jmorru, speċjalment matul ix-xhur sħan tas-sajf, libsin flokk u shorts. Issa f’xi postijiet, jistgħu jidħlu jekk jilbsu t-“Tunika tal-Pellegrini,” libsa twila sa l-irkobba, kulur beige. It-tunika disponibbli f’qies wieħed u li tistaʼ tintlibes kemm mill-irġiel u kemm min-nisa, diġà tinsab għall-bejgħ f’Venezja u f’Ruma. Dik taʼ Ruma għandha stampata fuqha l-arma tal-papa u l-frażi “Ġublew 2000.” Imma jistgħu dawn it-tuniċi jintużaw fil-knejjes Kattoliċi kollha? Għalkemm huma aċċettati mill-Kurja Venezjana, xi turisti rġiel li marru jżuru l-Bażilika taʼ San Pietru ma tħallewx jidħlu avolja kienu xtraw u libsu t-tunika. “Il-personell tas-Santa Sede kkunsidra li l-libsa hija addattata biss għan-nisa,” tispjega l-gazzetta Taljana Corriere della Sera. “Lill-irġiel ma jħalluhomx jidħlu—is-saqajn mikxufin kienu kkunsidrati ‘indiċenti.’”
Virus Ġdid fid-Demm
Wara li skoprew virus ġdid fid-demm tad-donaturi Ewropej, l-awtoritajiet tas-saħħa Franċiżi ddeċidew li jaħtru “grupp xjentifiku biex dejjem joqogħdu għassa,” tirrapporta l-gazzetta Franċiża Le Monde. Is-sustanza infettiva, magħrufa bħala virus trasmess minn trasfużjoni (TTV), ġiet identifikata għall-ewwel darba fil-Ġappun fl-1997, fejn 10 fil-mija tad-donaturi tad-demm huma infettati. It-tobba għadhom ma jafux x’inhu l-irwol patoloġiku eżatt tal-virus, imma l-istħarriġ fil-Britannja rrivela l-preżenza tat-TTV f’25 fil-mija taʼ grupp taʼ pazjenti li qed isofru minn infezzjonijiet kbar fil-fwied u li l-oriġini tagħhom mhix magħrufa. Fil-preżent, m’hemm l-ebda proċess taʼ eżaminar stabbilit għal dan il-virus, tistqarr Le Monde.
Il-Headphones Jikkaġunaw Nuqqas taʼ Smigħ
Riċerka mil-Laboratorju tan-National Acoustic taʼ l-Awstralja rrivelat li saħansitra użu normali taʼ headphones persunali taʼ l-istereo jistgħu jikkaġunaw ħsara moħbija fil-widnejn, tirrapporta The Courier-Mail taʼ Brisbane. Ir-riċerkatur Dr. Eric LePage qal li ż-żgħażagħ ma tantx jiħduhom bis-serjetà twissijiet bħal dawn. “Huma jistgħu jesponu lilhom infushom ripetutament għal ħsejjes kbar jew mużika għolja ħafna għal snin sħaħ u jaħsbu li dawn ma jagħmlulhom ebda effett,” hu qal. Stħarriġ wera li t-twissijiet “kellhom ftit li xejn effett sakemm in-nies bdew attwalment jittarrxu,” qalet il-gazzetta. Ir-riċerka l-ġdida tikkonferma l-istħarriġ Ġermaniż li jindika li madwar kwart mill-membri militari hemmhekk, li għandhom bejn 16 u 24 sena, diġà għamlu ħsara lis-smigħ tagħhom billi kienu jisimgħu mużika għolja u li “kważi 10 fil-mija taʼ l-istudenti, li għandhom bejn 16 u 18-il sena, tant tilfu mis-smigħ li kienu jsibuha diffiċli biex jifhmu konversazzjoni normali.”
Invenzjoni li Ġġegħlek Tħossok Anzjan
Waqt li ħafna nies jipprovaw iħossuhom żgħażagħ u dinamiċi, ġie ivvintat tagħmir biex iġiegħel lil dak li jkun iħossu xiħ u fraġli, tirrapporta l-gazzetta Ġermaniża Die Zeit. Intrapriża tal-ħjata li tipprovdi parir professjonali, flimkien maʼ xi tobba, ivvintaw l-invenzjoni li ġġegħlek tħossok anzjan biex tgħin lill-infermiera u lid-disinjaturi tal-prodotti sabiex jifhmu “kif ix-xjuħ josservaw id-dinja.” It-tagħmir jinkludi faxex u ħjatat biex jillimitaw il-moviment, 14-il kilo ċomb biex jagħti l-impressjoni taʼ muskolu dgħajjef, għoqod ibsin ġewwa par ingwanti biex iwebbsu s-swabaʼ, headphones biex jassorbu l-frekwenzi għoljin, u screen biex inaqqas il-vista bin-nofs u jċajparha. Id-Die Zeit tissuġġerixxi: “Kulmin hu taħt is-60 sena għandu jipprova dan it-tagħmir għal ftit sigħat, bħala kontribut biex jistaʼ jifhem id-differenza bejn il-ġenerazzjonijiet.”
Għasafar li Jivvjaġġaw Ineħħu Tagħbija Żejda
Il-kliewi, il-fwied, u organi oħrajn taʼ l-intern taʼ xi għasafar jiċkienu qabel jimmigraw fit-tul, tirrapporta n-New Scientist. Il-griewel taʼ denbhom bl-istrixxi, għasafar taʼ l-ilma id-daqs taʼ gawwija u dawk li jimmigraw bejn l-Alaska u New Zealand, jieklu kemm jifilħu qabel ma jibdew it-titjira bla waqfien tagħhom taʼ 11,000 kilometru. Ir-riċerkaturi Theunis Piersma, mill-Università taʼ Groningen fl-Olanda, u Robert Gill, mill-U.S. Geological Survey, skoprew li l-għasafar ipattu għall-piż li jakkwistaw billi jnaqqsu d-daqs taʼ l-organi tagħhom li jipproċessaw l-ikel b’25 fil-mija. Gill jistqarr: “Huma jżommu kemm għandhom bżonn biex b’hekk, meta jerġgħu jtiru, ikunu jistgħu jħaddmu l-ikel u jerġgħu jkabbru l-organi taʼ l-intern tagħhom.”