Il-Maltempata bir-Ragħad Reġina Straordinarja tas-Sħab
Minn korrispondent taʼ Stenbaħ! fl-Awstralja
ĦAFNA nies ilhom jaffaxxinaw ruħhom bis-sħab minn mindu kienu tfal. Wieħed raġel li għandu 80 sena jiftakar kemm fi tfulitu kien taʼ spiss jintefaʼ fuq il-ħaxix iħares lejn kif ipoġġiha hu, “il-parata fis-sema” tas-sħab. Jiftakar li taʼ sikwit kien joqgħod jaħseb minn xiex kien magħmul is-sħab. Kien tat-tajjar? Kull sħaba għala kienet tidher differenti? Waħda kienet tidher qisha bastiment bil-qlugħ, l-oħra qisha żiemel jippinna. U l-oħra kienet donnha kastell minfuħ. Is-sħab baqaʼ jgħaxxaq l-immaġinazzjoni taʼ tfulitu hekk kif dan jittajjar fis-sema f’filliera taʼ forom u qisien li dejjem jinbidlu. Hu jgħid li għadu sal-lum jieħu pjaċir iħares lejn is-sħab meta jkun qisu qed “jilgħab ħaġa moħġaġa” fis-sema. Forsi anki int jogħġbok dan il-pjaċir sempliċi.
Madankollu, probabbilment l-iktar sħab impressjonanti u straordinarju huwa dak li jistaʼ “jitkellem.” Din il-ġemgħa taʼ sħab oħxon u li jriegħed isejħulha cumulonimbus. Dan is-sħab imdallam u li jeħber għandu mnejn jilħaq 16-il kilometru jew saħansitra iktar fl-għoli fis-sema, u huwa dan is-sħab li jġib il-maltempati bir-ragħad. Sħab tal-maltemp jistaʼ jibbrilla bis-sajjetti u jħabbar maltempata permezz taʼ ragħad ikarwat hekk kif jifforma fis-sema. Bil-lejl jistaʼ jipproduċi wirja li tgħammex taʼ dawl u ħsejjes li tisboq kwalunkwe wirja taʼ ġigġifogu magħmul mill-bniedem. Dan jonfoħ u jbattal ix-xita u s-silġ tiegħu u mbagħad jibqaʼ għaddej, waqt li jħalli warajh ir-riħa taʼ xita friska u nadifa, taʼ spiss fuq art li tkun niexfa.
Kif Jiżviluppaw il-Maltempati bir-Ragħad
Fi żminijiet reċenti, il-bniedem sar kapaċi jara l-pjaneta Art mill-ispazju. Minn hemm jara tapit taʼ sħab jitlajja fuq il-biċċa l-kbira taʼ wiċċ l-art. L-awtur Fred Hapgood jinformana li “fi kwalunkwe mument speċifiku nofs il-wiċċ tal-globu, 250 miljun kilometru kwadrat, ikun miksi bis-[sħab]—bħal liżar, imdawwar, ikkuttunat, qisu tal-ħajt, donnu bizzilla, impaħpaħ, f’diversi gradi taʼ luminożità u opaċità, li jikber, jinfirex, jgħaddi bil-mod u mbagħad jisparixxi madwar id-dinja kollha.” Il-maltempati jifformaw parti minn din il-massa taʼ sħab—fil-fatt, fuq l-art iseħħu sa 15,000,000 maltempata bir-ragħad kull sena, u madwar 2,000 maltempata huma attivi l-ħin kollu.
Maltempata bir-ragħad tiżviluppa meta arja kiesħa ħafna tiġi fuq arja niedja li tkun inqas densa. Tistaʼ tkun xi ħaġa bħas-sħana tax-xemx, jew il-konfini tat-temp, jew xi għolja fl-art, li tqanqal l-arja niedja sħuna biex tibda tielaʼ fl-arja kiesħa. B’hekk, jiżviluppaw il-kurrenti taʼ l-arja, u mbagħad l-enerġija sħuna maħżuna fl-arja u fil-fwar taʼ l-ilma tinbidel f’riħ u enerġija elettrika.
Il-kundizzjonijiet atmosferiċi meħtieġa biex jifformaw il-maltempati bir-ragħad issibhom l-iktar fin-naħa t’isfel tal-globu. Dan jispjega għaliex l-Amerka t’Isfel u l-Afrika huma l-iktar kontinenti suġġetti għall-maltempati u għaliex l-Afrika Ċentrali u l-Indoneżja ilhom ħafna kunsidrati bħala l-pajjiżi li għandhom l-ogħla rata fid-dinja t’attività taʼ maltempati bir-ragħad. Ir-rekord aċċettat huwa taʼ 242 ġurnata taʼ maltempati bir-ragħad fis-sena, liema rekord ġie reġistrat f’Kampala, l-Uganda. Madankollu, il-maltempati jseħħu wkoll f’ħafna partijiet oħrajn taʼ l-art.
Ġigġifogu fis-Sema
Iż-żewġ karatteristiċi taʼ maltempata bir-ragħad li huma ovvji ħafna għal kulħadd huma r-ragħad u s-sajjetti. Imma x’inhu dak li jikkaġuna dan il-fenomenu spettakolari u, taʼ spiss, tal-biżaʼ? Is-sajjetti huma sempliċement it-tifqigħa li ssir meta d-differenzi fiċ-ċarġ elettriku f’żewġ inħawi jkunu kbar biżżejjed biex jegħlbu l-effett protettiv taʼ l-arja. Dan jistaʼ jseħħ ġewwa sħaba, bejn is-sħab, jew bejn is-sħab u l-art. Is-sajjetti jġagħlu l-arja tisħon momentarjament għal temperaturi għoljin immens—għoljin daqs 30,000 grad Celsius f’dak il-mument li l-laqta titfaʼ ċ-ċarġ elettriku tagħha.
Is-sajjetti jistgħu jiġu klassifikati jew bħala sajjetti mserrpin, jew bħala sajjetti bil-friegħi, jew bħala beraq. Jekk it-tifqigħa tkun tidher bħala linja waħda, tkun sajjetta mserrpa. Jekk tkun tidher maqsuma jew bil-friegħi, allura din tissejjaħ sajjetta bil-friegħi. Jekk il-leħħa tkun ġewwa s-sħaba, jew tidher minn wara s-sħaba, din hija magħrufa bħala berqa. Sorsi t’awtorità jgħidulna li l-biċċa l-kbira tas-sajjetti li naraw huma s-sajjetti mis-sħab għall-art.
Is-sajjetti jikkaġunaw ħsara lill-ħlejjaq ħajjin—saħansitra mewt u ħsara lill-bnedmin u l-annimali. Nies li jkunu f’xatt il-baħar u f’xi wita fejn jintlagħab il-golf u barra fi nħawi rurali huma fl-akbar riskju għaliex m’humiex protetti miċ-ċarġ elettriku.—Ara l-kaxxa f’paġna 14.
Madwar 30 fil-mija biss tan-nies milqutin minn xi sajjetta attwalment imutu, u l-ħsara fiżika serja tkun ftit meta tingħata l-għajnuna mill-ewwel. Madankollu, kuntrarju għal dak li jaħsbu ħafna nies, is-sajjetti jistgħu, u fil-fatt, ħafna drabi jolqtu iktar minn darba fl-istess post!
Meta jolqtu s-sajjetti jibdew jaqbdu ħafna nirien. Dawn jistgħu jeqirdu meddiet kbar t’art. Bejn wieħed u ieħor, 10 fil-mija tan-nirien fil-foresti fl-Istati Uniti huma kaġunati mis-sajjetti. Dan iwassal għall-ħruq taʼ iktar minn 35 fil-mija tal-foresti u l-boskijiet kollha li jinqerdu bin-nar f’dak il-pajjiż.
Imma s-sajjetti li jolqtu huma wkoll taʼ benefiċċju. Per eżempju, il-foresti jibbenefikaw b’diversi modi. In-nirien li jitqabbdu bis-sajjetti jnaqqsu l-pjanti żgħar permezz taʼ nirien fuq skala żgħira. Dan jistaʼ jnaqqas ir-riskju li nirien kbar jilħqu l-quċċata tas-siġar, u b’hekk jagħmlu iktar ħsara. Is-sajjetti jikkaġunaw ukoll bidla taʼ benefiċċju fil-gass tan-nitroġenu, li bħala gass ma jistax jintuża mill-pjanti. Is-sajjetti jbiddlu dan il-gass f’sustanzi li fihom in-nitroġenu u li huma essenzjali għall-formazzjoni tal-pjanti u għall-iżvilupp taż-żrieragħ, li jipprovdu l-proteini vitali għall-ħajja taʼ l-annimali. Ġie kalkulat li s-sajjetti jipproduċu minn 30 sa 50 fil-mija taʼ l-ossidi tan-nitroġenu li jinżlu max-xita u li globalment, b’dan il-mod jinħolqu 30 miljun tunnellata taʼ sustanza nitroġenika kull sena.
L-Akbar Benefiċċju taʼ Maltempata
Maltempata bir-ragħad tistaʼ tbattal ammont kbir taʼ ilma. Ir-raġuni prinċipali għall-kwantitajiet kbar taʼ xita f’qasir żmien hi li l-moviment ’il fuq tal-kurrent intens taʼ maltempata kbira jżomm ammont kbir taʼ ilma u mbagħad ibattlu f’daqqa waħda. Ġie kalkulat li xita bħal din tinżel b’rata li tlaħħaq l-20 ċentimetru fis-siegħa. M’għandniex xi ngħidu, jistaʼ jkun hemm aspett negattiv minn xita qawwija bħal din.
Meta maltempata timxi bil-mod, il-biċċa l-kbira tax-xita tinżel biss fuq medda t’art relattivament żgħira, u dan jistaʼ jirriżulta f’għargħar. Waqt maltempata bħal din, l-ilma li jinżel jimla l-widien u x-xmajjar. Huwa stmat li madwar terz tal-ħsara kollha li ssir mix-xita fl-Istati Uniti hija kaġunata minn għargħar li jinħoloq mill-maltempati bir-ragħad.
Madankollu, ix-xita relatata mal-maltempati ġġib ħafna benefiċċji. Il-ħamrija u l-ġibjuni u d-digi jirċievu kwantitajiet kbar taʼ ilma. Riċerka li saret uriet li minn 50 sa 70 fil-mija tax-xita kollha li tinżel f’xi nħawi tiġi mill-maltempati bir-ragħad, u għalhekk f’dawn il-postijiet, ix-xita tal-maltemp hija vitali għall-ħajja.
Xi Ngħidu għas-Silġ?
Aspett tal-maltempati bir-ragħad li hu tassew taʼ ħsara huwa l-fatt li dawn taʼ spiss ikunu akkumpanjati minn ħafna silġ. Is-silġ jiġi format meta t-taqtir tax-xita jiffriża u mbagħad jikber fil-qjies hekk kif idur mal-kurrenti ’l fuq u ’l isfel. Kien hemm xi drabi fejn is-silġ kien taʼ qjies u piż inkredibbli. Jingħad li fl-1925, fil-Ġermanja kienet waqgħet silġa li kienet wiesgħa 26 ċentimetru, fonda 14-il ċentimetru u għolja 12-il ċentimetru. Kienet kalkulata li tiżen iktar minn 2 kilogrammi. Waħda mill-akbar silġiet li qatt ġew reġistrati fl-Istati Uniti waqgħet fl-istat taʼ Kansas fl-1970. Din is-silġa kellha ċirkonferenza taʼ 44 ċentimetru u kienet tiżen 776 gramma. Silġa taʼ dak id-daqs nieżla mill-għoli tas-sħab hija kbira biżżejjed biex toqtol bniedem.
Fortunatament, is-silġ ġeneralment ikun ħafna iżgħar minn din u x’aktarx li iktar jikkaġuna inkonvenjenza milli mewt. Ukoll, minħabba n-natura tal-maltempati bir-ragħad li joħolqu s-silġ, huma relattivament ftit dawk l-inħawi li huma effettwati mis-silġ li jagħmel il-ħsara. Madankollu, huwa stmat li kull sena t-telf taʼ prodotti agrikoli fid-dinja minħabba s-silġ ikun jammonta għal mijiet taʼ miljuni taʼ dollari.
It-Trombi u l-Maltempati bir-Ragħad
Forsi l-iktar riżultat perikoluż li jiġi minn maltempati bir-ragħad huwa t-tromba. Kważi t-trombi kollha huma assoċjati mal-maltempati bir-ragħad, imma mhux il-maltempati bir-ragħad kollha jkun fihom xi tromba. Meta tifforma, it-tromba tkun kolonna dejqa t’arja li ddur bis-saħħa, u jistaʼ jkollha dijametru taʼ iktar minn mitt metru. Din testendi sa l-art minn sħaba ħoxna. Il-veloċità tar-riħ fl-iktar trombi intensi tistaʼ tkun taʼ iktar minn 400 jew 500 kilometru fis-siegħa. L-azzjoni taʼ rjiħat li jduru b’saħħa kbira flimkien mal-moviment ’il fuq tal-kurrent fiċ-ċentru jistgħu jwaqqgħu l-bini u jwaddbu fl-arja affarijiet imkissrin li jekk jolqtuk jistgħu joqtluk. It-trombi jseħħu f’ħafna pajjiżi tad-dinja.
L-irwiefen dritti assoċjati maʼ movimenti ’l isfel tal-kurrent u buffuri riħ vjolenti f’temp qasir (microbursts) jidhru inqas drammatiċi imma xorta waħda huma taʼ ħsara kbira. Il-movimenti ’l isfel tal-kurrent jistgħu joħolqu rwiefen taʼ ħsara fuq l-art jew qrib l-art u dawn jistgħu jilħqu veloċità taʼ 150 kilometru fis-siegħa. Il-buffuri riħ vjolenti f’temp qasir huma iktar intensi u jistgħu jilħqu veloċità taʼ iktar minn 200 kilometru fis-siegħa.
Huwa ovvju li l-maltempati bir-ragħad trid toqgħod attent minnhom u li għandna nkunu konxji tal-perikli tagħhom. Huma sempliċement wieħed mill-ħafna aspetti tal-ħolqien li għad fadlilna ħafna x’nitgħallmu dwarhom.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 14]
Prekawzjonijiet għal meta Jolqtu s-Sajjetti
L-Emergency Management taʼ l-Awstralja jissuġġerixxi l-prekawzjonijiet li ġejjin waqt maltempata bir-ragħad.
Protezzjoni Barra
◼ Fittex kenn taħt saqaf taʼ karozza jew f’xi bini; evita strutturi żgħar, tined tad-drapp, u gruppi taʼ siġar iżolati jew żgħar.
◼ Jekk tkun barra ’l bogħod mill-kenn, inżel kobba (waħdek), preferibbilment f’ħofra fl-art, b’saqajk maʼ xulxin, u neħħi l-oġġetti metalliċi minn rasek u ġismek. Timteddx fl-art, imma evita li tkun l-ogħla ħaġa fil-viċinanzi.
◼ Jekk iqumlek xagħrek jew tismaʼ xi oġġetti fil-qrib iżanżnu, bħal ġebel jew xi ħitan taʼ l-injam, itlaq immedjatament u sib pożizzjoni ġdida.
◼ Ittajjarx xi tajra jew xi mudell t’ajruplan kontrollat bil-wajers.
◼ Iżżommx oġġetti twal jew metalliċi, bħal qasab tas-sajd, umbrelel, u stikek tal-golf, fil-beraħ.
◼ Tmiss l-ebda struttura metallika, ċint bil-wajers, jew ħabel taʼ l-inxir tal-metall, u lanqas m’għandek tersaq lejhom.
◼ Tirkibx żwiemel jew roti jew issuqx f’karozzi bla saqaf.
◼ Jekk tkun qed issuq, suq bil-mod jew ipparkja ’l bogħod minn oġġetti twal bħal siġar u wajers taʼ l-elettriku. Ibqaʼ taħt is-saqaf tal-karozza, imma tmissx maʼ partijiet tal-metall jew tistrieħx fuqhom.
◼ Jekk tkun qed tgħum jew qed tibbordja, oħroġ immedjatament mill-ilma u fittex il-kenn.
◼ Jekk ħriġt bid-dgħajsa, itlaʼ l-art malajr kemm jistaʼ jkun. Jekk ma tistax tagħmel dan, fittex protezzjoni taħt xi struttura għolja, bħal xi pont jew xi moll. Ara li l-arblu u l-ħbula tad-dgħajsa huma ertjati sewwa mal-baħar.
Protezzjoni Ġewwa
◼ Żomm ’il bogħod mit-twieqi, affarijiet li jaħdmu bl-elettriku, kanen, u oġġetti metalliċi oħrajn imwaħħlin.
◼ Evita li tuża t-telefon. Jekk ikun hemm bżonn taʼ sejħa għall-emerġenza, agħmilha fil-qasir kemm jistaʼ jkun.
◼ Qabel ma tibda l-maltempata, skonnettja l-aerial u l-plakek tar-radju u tat-televixin. Skonnettja l-modems tal-kompjuter u l-plakek tad-dawl. Imbagħad oqgħod ’il bogħod mill-affarijiet kollha li jaħdmu bl-elettriku.
[Sors]
Mill-pubblikazzjoni Severe Storms: Facts, Warnings and Protection.