LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 4/8 pp. 28-29
  • Ħarsa Lejn id-Dinja

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Ħarsa Lejn id-Dinja
  • Stenbaħ!—2004
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tfal Dħulin Huma Iktar Popolari
  • L-​Effett Prezzjuż tat-​Tursin
  • L-​Epidemija taʼ l-​AIDS fil-​Karibew
  • L-​Iżbroffar fis-​Sistema Solari li Kiser ir-​Rekord
  • Kif il-​Mewt tat-​Tfal Teffettwa lill-​Ġenituri
  • It-​Total Traġiku taʼ l-​Inċidenti tat-​Traffiku
  • Sena Ħażina għall-​Glaċieri tas-​Silġ fl-​Alpi
  • Problema mad-Dinja Kollha
    Stenbaħ!—2001
  • “Fissazzjoni” fuq it-Telefons Ċellulari
    Stenbaħ!—2003
  • Il-​Maltempata bir-​Ragħad Reġina Straordinarja tas-​Sħab
    Stenbaħ!—1999
  • Ħarsa Lejn id-Dinja
    Stenbaħ!—2000
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 4/8 pp. 28-29

Ħarsa Lejn id-​Dinja

Tfal Dħulin Huma Iktar Popolari

“M’hemm ebda garanzija li jekk ikollok jeans taʼ xi ditta jew affarijiet taʼ l-​aħħar se tkun iktar popolari. Fi grupp li l-​membri jkunu simili u taʼ mpar xulxin, iktar jgħodd kemm ikunu dħulin it-​tfal milli l-​istat soċjali tagħhom,” tgħid ir-​rivista Ġermaniża Psychologie Heute. Judith Schrenk u Christine Gürtler, psikoloġi fl-​Istitut Max Planck taʼ l-​Iżvilupp tal-​Bniedem, għamlu studju fuq 234 tifel u tifla li jattendu t-​tielet u l-​ħames sena taʼ l-​iskola minn għaxar skejjel primarji differenti. Huma sabu li t-​tfal li riedu jingwalawha aħjar maʼ l-​oħrajn u li kienu dħulin u jikkomunikaw kienu iktar popolari. It-​tfal li kienu jsawtu lil oħrajn jew jirridikolawhom kienu jinfluwenzawhom inqas lil sħabhom. “Anki l-​fatt li jkunu gustużi jew li jingħataw iktar flus mingħand il-​ġenituri ma jeffettwax lil sħabhom taʼ l-​iskola,” jgħid ir-​rapport.

L-​Effett Prezzjuż tat-​Tursin

It-​tursin spiss jintuża biex iżejjen, imma dan fih ukoll ħafna vitamini u minerali, tgħid is-​Sunday Telegraph taʼ l-​Awstralja. “Tazza tursin fiha iktar karoten beta (Vitamina A) minn karrotta kbira, fiha kważi d-​doppju taʼ Vitamina Ċ li fiha larinġa, u fiha iktar kalċju minn tazza ħalib. Fiha wkoll iktar ħadid mill-​fwied, għal kull gramma, u fiha ħafna vitamini B1 u B2.” Bħala mediċina, “it-​tursin hu dijuretiku effettiv, jiġifieri jgħin lill-​ġisem jeħles mil-​likwidi żejda,” tgħid il-​gazzetta. Jistaʼ jgħin ukoll fejn ikun hemm mard fil-​fwied, fil-​marrara, fl-​istonku, u fis-​sistema taʼ l-​awrina. Meta jittiekel frisk, “minbarra li hu rħis hu wieħed mill-​aqwa oġġetti li tistaʼ tuża biex tiffriska n-​nifs.” Madankollu, l-​artiklu jiġbed l-​attenzjoni lejn il-​fatt li “f’ċerti kundizzjonijiet, bħat-​tqala, . . . jistaʼ jkun perikoluż minħabba li fih l-​estroġenu.”

L-​Epidemija taʼ l-​AIDS fil-​Karibew

Wara l-​Afrika, il-​Karibew għandu l-​ogħla rata fid-​dinja taʼ nies infettati bl-​HIV, tirrapporta l-​edizzjoni internazzjonali taʼ The Miami Herald. “Xi stimi juru li 2.4 fil-​mija mill-​popolazzjoni adulta tal-​Karibew huma infettati bl-​HIV,” u fil-​bliet sa 12 fil-​mija huma infettati. “Ma nafux kemm hi kbira l-​epidemija. Ir-​raġunijiet huma l-​biżaʼ, il-​fatt li xi nies ma jkunux iridu jammettu li jkollhom il-​marda, kura limitata, u n-​nuqqas taʼ riżorsi għas-​saħħa pubblika,” tgħid il-​Herald. “Hu maħsub li fil-​Karibew mietu xi 40,000 individwu, kbar u żgħar, fl-​2001 biss minħabba din il-​marda.” Patricio Marquez, speċjalista tas-​saħħa għall-​Karibew u l-​Amerika Latina fil-​Bank Dinji, jgħid li t-​theddida taʼ l-​AIDS “qed teffettwa l-​iktar popolazzjoni produttiva fl-​iktar grupp taʼ età produttiv . . . Hemm ir-​riskju li tinqered ġenerazzjoni sħiħa.” L-​iktar li ntlaqat hu l-​Ħaiti, li għandu rata taʼ infezzjoni taʼ iktar minn 6 fil-​mija. “L-​esperti tas-​saħħa u l-​mexxejja politiċi jwissu dwar il-​potenzjal li jkun hemm ħsara kbira f’reġjun taʼ . . . pajjiżi żgħar li jiddependu minn sors limitat taʼ ħaddiema u riżorsi, kif ukoll mit-​turiżmu,” tgħid il-​gazzetta.

L-​Iżbroffar fis-​Sistema Solari li Kiser ir-​Rekord

Io, il-​qamar taʼ Ġove, għadda “mill-​iktar żbroffar vulkaniku qawwi fis-​sistema solari li qatt ġie reġistrat,” tirrapporta s-​Science News. “Il-​forzi qawwijin kaġunati mill-​gravità taʼ Ġove l-​ħin kollu jagħmlu pressjoni fuq Io u jsaħħnuh, u għalhekk il-​vulkani tiegħu huma attivi. Il-​qamar għandu mnejn jesperjenza xi 12-il eruzzjoni enormi jew iktar fis-​sena.” Skond l-​artiklu, “il-​materjal li ħareġ meta vulkan minnhom żbroffa b’tali mod li kiser ir-​rekord jidher li jkopri xi 1,900 kilometru kwadru, jiġifieri elf darba iktar mill-​post effettwat mill-​Etna fl-​Italja, wieħed mill-​iktar vulkani attivi fuq l-​Art.” Ix-​xjenzati skoprew l-​iżbroffar billi użaw lil Keck II, it-​teleskopju qawwi li jinsab fuq Mauna Kea tal-​Ħawajj, li fil-​fatt hu vulkan inattiv. Keck II setaʼ jiskopri l-​iżbroffar minħabba li l-​lenti tiegħu kapaċi jaddattaw għal kundizzjonijiet differenti, u “jiġġebbdu malajr biżżejjed biex ma jiġux imfixkla mid-​dehra mċajpra kaġunata miċ-​ċaqliq fl-​atmosfera taʼ l-​Art,” tgħid is-​Science News.

Kif il-​Mewt tat-​Tfal Teffettwa lill-​Ġenituri

“M’hijiex biss figura tad-​diskors li wieħed imut b’qalbu maqsuma,” tistqarr The Times taʼ Londra. Riċerkaturi fl-​Università taʼ Århus fid-​Danimarka “segwew il-​ħajjiet taʼ 21,062 ġenitur fid-​Danimarka li tilfu lil xi ħadd minn uliedhom taħt it-​18-il sena minħabba xi mard, xi inċident, għax ġew maqtula jew minħabba li għamlu suwiċidju.” Huma qabblu lil dawn il-​ġenituri maʼ 300,000 oħra li ma tilfux lil uliedhom fil-​mewt. “Fl-​ewwel tliet snin wara l-​mewta tat-​tfal, iċ-​ċans li omm tmut b’kawża mhux naturali—ġeneralment b’xi inċident jew suwiċidju—kienu kważi erbaʼ darbiet iktar, waqt li r-​riskju li missier imut żdied b’57 fil-​mija.” Ir-​riċerkaturi jissuġġerixxu li l-​istress miżjud għandu mnejn ikun ir-​raġuni prinċipali għala r-​rata fl-​imwiet hija ogħla.

It-​Total Traġiku taʼ l-​Inċidenti tat-​Traffiku

“Iktar imutu nies kull sena minħabba l-​inċidenti tat-​traffiku milli minħabba l-​kriminalità vjolenti,” tirrapporta l-​gazzetta Spanjola El País. Kull sena fl-​Ewropa l-​ammont taʼ nies li jmutu f’xi inċident tat-​traffiku hu taʼ 55,000 ruħ u 3.5 miljuni jweġġgħu. Fi Spanja 35 fil-​mija minn dawk kollha li jmutu f’dawn l-​inċidenti għandhom bejn il-​15 u d-​29 sena, u għalhekk il-​maġġuranza tan-​nies li jmutu f’din l-​età hu minħabba dawn l-​inċidenti. “Din hi l-​iktar problema serja għas-​saħħa pubblika,” tgħid Jeanne Picard Mahaut, kelliema għal La Ligue, organizzazzjoni mhux tal-​gvern li hi dedikata biex ittejjeb is-​sigurtà fit-​toroq. “Jekk ma temmnunix,” iżżid hi, “staqsu lit-​tobba li jkollhom jieħdu ħsieb il-​każi taʼ l-​emerġenza f’kull tmiem il-​ġimgħa.” Fost miżuri oħra, La Ligue u żewġ gruppi Ewropej oħra qed jitolbu li jiġi installat mill-​fabbrika apparat li jillimita l-​veloċità fil-​vetturi u biex fil-​karozzi jitwaħħal apparat elettroniku li normalment jirregola t-​titjira t’ajruplan u li jistaʼ juri xi jkun il-​kaġun taʼ l-​inċident.

Sena Ħażina għall-​Glaċieri tas-​Silġ fl-​Alpi

Is-​sajf jaħraq taʼ l-​2003 se jkun “l-​agħar staġun li qatt ħadd jiftakar” għall-​glaċieri tas-​silġ fl-​alpi, qalet il-​gazzetta Taljana Corriere della Sera. Hekk kif l-​istaġuni tas-​sajf saru iktar sħan u l-​medja tat-​temperaturi żdiedet, is-​silġ u l-​borra li nġemgħu fuq il-​muntanji tat-​tramuntana taʼ l-​Italja qed idubu “b’ħeffa li ma bħala.” Fost is-​sorpriżi li kien hemm minħabba s-​silġ li kien qed idub, instab kanun magħmul fl-​Awstrija li jiżen 3,300 kilogramma, li kien fl-​għoli taʼ 3,178 metru ’l fuq mil-​livell tal-​baħar. Dan kien intuża biex jiġu attakkati t-​Taljani waqt l-​ewwel gwerra dinjija. “Dawn is-​sejbiet saru dejjem iktar spissi f’dawn l-​aħħar 20 sena,” jistqarr l-​artiklu. “L-​istaġuni iktar sħan tas-​sajf biddlu l-​glaċieri tas-​silġ tagħna fi friżer li tħalliet bil-​bieba miftuħa.”

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja