LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 4/8 pp. 20-24
  • Il-​muskoli Kapulavur

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-​muskoli Kapulavur
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Tipi taʼ Muskoli
  • Kif il-​Muskoli u l-​Għeruq Jaħdmu Id f’Id
  • Iktar minn 30 Muskolu tal-​Wiċċ
  • Disinn taʼ l-​Għaġeb
  • Attivati Permezz tan-​Nervituri
  • Żomm il-​Muskoli Tiegħek f’Kundizzjoni Tajba
  • Kliem Imlissen Ċar
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
  • Kwalità tal-​Leħen
    Ibbenefika mill-Edukazzjoni tal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku
Stenbaħ!—1999
g99 4/8 pp. 20-24

Il-​muskoli Kapulavur

IL-​ĦAJJA hija sostnuta bil-​moviment. Per eżempju, sidrek jitlaʼ u jinżel maʼ kull nifs li tieħu, u qalbek tħabbat bir-​ritmu, u dan iżommok ħaj. X’hemm li jikkawża dawn il-​movimenti? Il-​muskoli!

Il-muskoli huma tessuti sodi imma elastiċi li jagħmluha possibbli għall-​partijiet taʼ ġismek biex jiffunzjonaw u biex jesprimu l-​ħsibijiet u s-​sentimenti tiegħek permezz t’azzjonijiet. Sew jekk l-​azzjoni hija li titbissem, tidħaq, tibki, titkellem, timxi, tiġri, taħdem, tilgħab, taqra, jew tiekol, hemm il-​muskoli involuti. Huwa diffiċli li taħseb f’xi ħaġa li tagħmel li ma tinvolvix xi muskolu.

Hemm madwar 650 muskolu f’ġismek. L-​iżgħar fost dawn huma mqabbdin maʼ l-​iċken għadam, li għandek ġo widnejk. L-​akbar fosthom huma l-​muskoli gluteus, li jinsabu fil-​warrani, u li jservu biex iċaqalqu s-​saqajn. Il-​muskoli, li jifformaw bejn wieħed u ieħor nofs il-​piż taʼ raġel u madwar terz tal-​piż taʼ mara, huma disinjati għax-​xogħol. Huma meqjusin bħala “magni bijoloġiċi,” u dawn ‘kuljum jittrasformaw iktar enerġija f’moviment mill-​magni li għamel il-​bniedem kollha flimkien, inkluż il-​karozza,’ osserva Gerald H. Pollack, professur tal-​bijoinġinerija.

Saħansitra meta tkun qed tistrieħ, il-​muskoli tiegħek jibqgħu fi stat taʼ tħejjija​—lesti biex jidħlu fl-​azzjoni. Fi kwalunkwe mument, xi fibri f’kull muskolu jkunu miġbudin. Mingħajr din il-​ġibda ċkejkna, ix-​xedaq tiegħek kieku jispiċċa dejjem miftuħ, u l-​organi interni taʼ ġismek ma kienx ikollhom biżżejjed appoġġ. Saħansitra meta tkun bil-​wieqfa jew bil-​qegħda, il-​muskoli tiegħek jagħmlu aġġustamenti żgħar biex jgħinuk iżżomm il-​pożizzjoni taʼ ġismek jew biex iżommuk milli taqaʼ minn fuq is-​siġġu.

Tipi taʼ Muskoli

Hemm tliet tipi taʼ muskoli f’ġismek. Kull tip jagħmel xogħol differenti. Hemm il-​muskolu kardijaku, li jippompja l-​qalb. Il-​muskolu tal-​qalb iqattaʼ nofs il-​ħajja tiegħu jistrieħ, għaliex wara kull ġibda ’l ġewwa jrid jirrilassa sal-​ġibda li jmiss.

Tip ieħor taʼ muskoli huwa l-​muskolu lixx. Il-​muskoli lixxi jitkebbu madwar il-​biċċa l-​kbira taʼ l-​organi interni tiegħek, inkluż il-​vini u l-​arterji. Bħall-​muskolu tal-​qalb, li l-​azzjoni tiegħu hija involontarja, il-​muskoli lixxi ma tkunx taf li qed tikkontrollahom. Dawn iwettqu funzjonijiet vitali bħal li jmexxulek il-​fluwidi minn ġol-​kliewi u l-​bużżieqa taʼ l-​urina, jgħaddulek l-​ikel minn ġos-​sistema diġestiva, jirregolawlek iċ-​ċirkulazzjoni tad-​demm ġol-​vini, jagħtu l-​forma lil-​lentijiet t’għajnejk, u jkabbru l-​fetħa għad-​dawl taʼ ħbub għajnejk.

Il-biċċa l-​kbira tas-​650 muskolu li għandek huma muskoli skeletali. Dawn iwettqu l-​movimenti volontarji tiegħek. Dawn il-​muskoli titgħallem tikkontrollahom mit-​twelid. Per eżempju, tarbija titgħallem iċċaqlaq idejha u saqajha sabiex tkun tistaʼ timxi u żżomm il-​bilanċ. Minħabba li l-​muskoli jistgħu jinġibdu biss, il-​muskoli skeletali jaħdmu bħala pari. Meta muskolu wieħed jinġibed, l-​ieħor jirrilassa. Mingħajr din il-​ħidma flimkien, kull darba li tħokk rasek, kieku jkollok tħalli l-​gravità tiġbidlek idek ’l isfel. Minflok, it-​triceps, il-​muskolu sieħeb tal-​biceps, jinġibed, u b’hekk tkun tistaʼ tiddritta idek malajr.

Il-muskoli jvarjaw fid-​daqs u l-​forma. Xi wħud minnhom huma tawwalin u rqaq, bħall-​muskoli hamstring li jinsabu fis-​saqajn. Oħrajn huma tqal u ħoxnin, bħall-​muskoli gluteus li jinsabu fil-​warrani. Kollha huma disinjati biex int tkun tistaʼ tiċċaqlaq. Kieku ma kienx għall-​muskoli li jimlew il-​vojt taʼ bejn il-​kustilji, il-​qafas tas-​sider kien ikun riġidu. Dawn il-​muskoli jagħmluha possibbli għas-​sider biex jagħmel moviment bħal dak t’akkordjin, u b’hekk jgħinuk tieħu n-​nifs. Il-​muskoli taż-​żaqq huma rranġati saffi saffi, f’angoli differenti, bħas-​saffi tal-​plywood, biex ma jħallux lill-​organi li jinsabu fiż-​żaqq jiżolqu minn posthom.

Kif il-​Muskoli u l-​Għeruq Jaħdmu Id f’Id

Il-​muskoli li jċaqilqu l-​għadam huma mqabbdin magħhom permezz taʼ tessuti bojod b’saħħithom u li qishom kordi, imsejħin għeruq (tendons). L-​għeruq jidħlu ’l ġewwa ħafna fil-​muskoli u jingħaqdu mat-​tessuti konnettivi li hemm madwar il-​fibri muskolari. It-​tessuti konnettivi jagħmluha possibbli għall-​forzi ġġenerati ġewwa l-​muskoli tiegħek biex jiġbdu l-​għerq bis-​saħħa u jċaqilqu l-​għadam. L-​iktar għerq b’saħħtu, l-​għerq t’Akille, huwa mqabbad maʼ wieħed mill-​iktar muskoli sodi li għandek f’ġismek, fil-​pexxun tiegħek. Il-​muskoli tal-​pexxun iservu bħala shock absorbers għall-​ġisem. Meta timxi, tiġri, jew taqbeż, dawn jirreżistu pressjonijiet taʼ iktar minn tunnellata.

Il-versatilità taʼ idek hija eżempju ieħor taʼ kif il-​muskoli u l-​għeruq jaħdmu id f’id. Għoxrin par taʼ muskoli li jinsabu fi driegħek, fil-​parti taʼ minn minkbek ’l isfel, huma mqabbdin maʼ l-​għadam kollu għekiesi taʼ idejk u subgħajk permezz t’għeruq twal li jgħaddu minn taħt il-​faxxa tal-​polz, li hi magħmula mill-​fibri. Dawn, flimkien maʼ 20 muskolu ieħor li jinforraw il-​pala taʼ idek u lil subgħajk, jagħtu lil idek is-​sengħa taʼ l-​għaġeb li teħtieġ biex tgħaqqad flimkien il-​makkinarju delikat t’arloġġ fin jew biex taqbad il-​manku taʼ mannara biex tqattaʼ l-​injam.

Iktar minn 30 Muskolu tal-​Wiċċ

Il-​wiċċ jesprimi l-​personalità tiegħek iktar minn kwalunkwe parti oħra taʼ ġismek. Biex jakkomoda varjetà enormi t’espressjonijiet tal-​wiċċ, il-​Ħallieq poġġa konċentrazzjoni kbira taʼ muskoli f’wiċċek​—iktar minn 30 b’kollox. Oħroġ il-​għaġeb, hemm bżonn taʼ 14-il muskolu sempliċement biex titbissem!

Xi muskoli tal-​wiċċ huma b’saħħithom ħafna, bħal dawk li huma mqabbdin max-​xedaq, li jistgħu jipproduċu 75 kilogramm taʼ forza biex int tomgħod l-​ikel li tiekol. Oħrajn huma delikati imma fl-​istess ħin reżistenti, bħall-​muskoli li jikkontrollaw il-​kpiepel t’għajnejk meta tpetpithom, u jxarrbu lil għajnejk bi fluwidu li jneħħi l-​ħmieġ u l-​mikrobi iktar minn 20,000 darba kuljum.

Disinn taʼ l-​Għaġeb

Kull muskolu huwa disinjat biex jinġibed mingħajr ebda diffikultà. Il-​muskoli skeletali jeħtieġ li jinġibdu b’tali mod preċiż sabiex ma tużax l-​istess ammont taʼ saħħa meta tiġbor rixa daqskemm tuża meta terfaʼ xi ħaġa li tiżen 10 kilogrammi. Dan kif isir? Ejja naraw.

Il-muskoli kollha magħmulin minn ċelloli individwali. Minħabba li ċ-​ċelloli muskolari huma tawwalin, dawn jirreferu għalihom bħala fibri. Xi fibri huma taʼ kulur ċar, filwaqt li oħrajn huma iktar skuri. Dawk li huma iktar ċari huma fibri li jinġibdu bil-​ħeffa, jew fibri tat-​tip fast-twitch. Dawn tutilizzahom meta jkollok bżonn tuża ħafna enerġija f’temp qasir, bħal meta terfaʼ xi ħaġa tqila jew meta tiġri f’tellieqa qasira taʼ 100 metru. Il-​fibri tat-​tip fast-twitch huma b’saħħithom ħafna, u s-​sors taʼ l-​enerġija li jużaw biex jaħdmu huwa l-​glycogen, tip taʼ zokkor. Madankollu, dawn jegħjew malajr u jistgħu anki jsofru minn bugħawwieġ jew juġgħuk minħabba akkumulazzjoni t’aċidu lattiku.

Il-fibri muskolari iktar skuri huma dawk li jinġibdu bil-​mod, jew fibri tat-​tip slow-twitch, u dawn jaħdmu permezz tal-​metaboliżmu taʼ l-​ossiġnu. Ladarba dawn il-​fibri għandhom provvista taʼ demm iktar rikka u għandhom iktar enerġija erobika mill-​fibri li jinġibdu bil-​ħeffa, il-​fibri tat-​tip slow-twitch “huma l-​kordi tar-​reżistenza.”

Tip ieħor taʼ fibri huwa iktar skur mill-​fibri mitfijin li jinġibdu bil-​ħeffa. Dan it-​tip taʼ fibri huwa simili għalihom imma huwa reżistenti għall-​għeja. Minħabba li jutilizza faċilment kemm iz-​zokkor u kemm l-​ossiġnu biex ikun jistaʼ jiffunzjona, x’aktarx li dan it-​tip taʼ fibri tużah meta tagħmel xogħol intens fit-​tul.

Hemm taħlita taʼ dawn it-​tipi taʼ fibri f’kull individwu u ġewwa muskoli differenti. Per eżempju, nies li jieħdu sehem fi tlielaq fit-​tul għandu mnejn ikollhom medja taʼ 80 fil-​mija fibri tat-​tip slow-twitch fil-​muskoli taʼ saqajhom, filwaqt li dawk li jieħdu sehem fi tlielaq qosra jistaʼ jkollhom medja taʼ iktar minn 75 fil-​mija minn dawk tat-​tip fast-twitch.

Attivati Permezz tan-​Nervituri

Il-​fibri muskolari kollha jiġu attivati permezz tan-​nervituri. Meta dawn jibagħtu impulsi lill-​muskoli tiegħek, il-​muskoli jwieġbu permezz taʼ xokk żgħir, jew ġibda. Madankollu, mhux il-​fibri muskolari kollha f’muskolu partikulari jinġibdu f’daqqa. Pjuttost, il-​fibri muskolari huma organizzati fi gruppi msejħin motor units. F’motor unit, nerv wieħed huwa mqabbad maʼ u jikkontrolla ħafna fibri.

Xi motor units, bħal dawk li għandek fil-​muskoli taʼ saqajk, huma magħmulin minn iktar minn 2,000 fibra li huma kontrollati minn nerv wieħed. Imma l-​motor units taʼ ġewwa l-​għajnejn jistgħu jikkontrollaw biss tliet fibri kull wieħed. Li jkun hemm grupp iżgħar taʼ fibri f’unit wieħed u iktar units f’kull muskolu jippermetti movimenti iktar koordinati u preċiżi, bħal dawk meħtiġin biex iddaħħal ħajta ġo labra jew biex iddoqq il-​pjanu.

Meta tiġbor rixa, ftit biss mill-​motor units jinġibdu. Meta terfaʼ xi oġġett tqil, organi sensorji speċjali li jinsabu fil-​fibri muskolari tiegħek f’leħħa taʼ berqa jibagħtu messaġġ lill-​moħħ biex jidħlu iktar motor units fl-​azzjoni, u b’hekk tiżdied il-​forza li tuża biex terfaʼ t-​tagħbija. Meta timxi bil-​mod, ftit motor units biss ikunu attivati; mentri, meta tiġri, ħafna iktar ikunu stimulati, u bi frekwenza akbar.

Il-muskolu tal-​qalb huwa differenti mill-​muskoli skeletali fis-​sens li dan jew jinġibed kollu kemm hu jew inkella jirrilassa kollu kemm hu. Meta tiġi stimulata ċellola waħda fil-​muskolu tal-​qalb, il-​messaġġ jinfirex maċ-​ċelloli kollha u dawn kollha jiġu stimulati f’daqqa, u b’hekk dan jirriżulta f’li l-​muskolu kollu jinġibed u mbagħad jirrilassa, madwar 72 darba kull minuta.

Il-muskoli lixxi jaħdmu b’mod simili ħafna għal dak tal-​muskolu tal-​qalb​—ladarba tibda ġibda waħda, l-​organu kollu jinġibed. Imma l-​muskoli lixxi jistgħu jibqgħu miġbudin mingħajr ma jegħjew għal iktar ħin mill-​muskoli tal-​qalb. Il-​muskoli lixxi bilkemm tkun taf li jeżistu, sakemm xi darba tuġgħek żaqqek bil-​ġuħ jew tesperjenza l-​ġibdiet qawwijin tal-​ħlas.

Żomm il-​Muskoli Tiegħek f’Kundizzjoni Tajba

“L-​eżerċizzju jgħin lill-​ġisem kollu, minn ġewwa u minn barra. . . . Muskoli li jagħmlu l-​eżerċizzju regolarment jaħdmu aħjar f’kollox,” jistqarr il-​ktieb Muscles: The Magic of Motion. L-​eżerċizzju jipproduċi muskoli sodi, li jipprovdu iktar appoġġ għall-​organi interni tiegħek u jgħinu lill-​muskoli tiegħek jirreżistu l-​għeja.

Hemm żewġ tipi t’eżerċizzju li huma taʼ benefiċċju għall-​muskoli tiegħek. L-​eżerċizzju anerobiku, li tagħmlu billi terfaʼ xi piżijiet għal ftit ħin kuljum, isaħħaħlek il-​muskoli. Muskoli iktar b’saħħithom mhux biss jaħżnu iktar zokkor u aċidi grassi imma jistgħu jaħarquhom b’mod iktar effiċjenti, u b’hekk jgħinu lill-​muskoli tiegħek jirreżistu l-​għeja.

Tipi differenti t’eżerċizzju erobiku, bħall-​iġġoggjar, l-​għawm, il-​ġiri bir-​rota, jew il-​mixi mgħaġġel, jippromwovu saħħa fiżika ġenerali tajba. Dan it-​tip t’eżerċizzju fit-​tul iġiegħel iktar demm jiċċirkola fil-​muskoli u jżid il-​mitochondria, li joħolqu l-​ATP, is-​sustanza li tissupplixxi l-​enerġija li hemm bżonn biex il-​muskoli tiegħek jinġibdu. Qalbek tibbenefika b’mod speċjali minn dan it-​tip t’eżerċizzju, li għandu mnejn saħansitra jgħin biex jiġi evitat attakk tal-​qalb.

Li tgħawweġ u tistira l-​muskoli qabel ma tagħmel eżerċizzju vigoruż jistaʼ jgħin biex tevita t-​tfekkik jew ħsara oħra lill-​muskoli tiegħek. Eżerċizzji bħal dawn tal-​warming-up jgħollu t-​temperatura fil-​muskoli tiegħek, u dan jiċċirkola iktar demm fihom, ħaġa li mbagħad tgħin lill-​enzimi jipproduċu iktar enerġija, u dan jagħmilha possibbli għall-​muskoli tiegħek biex jinġibdu aħjar. Li tibred billi tagħmel l-​istess eżerċizzji tal-​warming-up jgħin biex tevita l-​uġigħ u l-​irmazzar billi jitneħħa l-​aċidu lattiku li jkun akkumula.

Madankollu, trid tiftakar li tistaʼ tagħmel il-​ħsara lill-​muskoli skeletali jekk tagħmel eżerċizzju li hu vigoruż iżżejjed, speċjalment jekk m’intix imħarreġ biex tagħmlu. Ukoll, jekk tagħmel tensjoni żejda fuq il-​muskoli tiegħek permezz taʼ ġibdiet ripetuti li jinvolvu ġbid fit-​tul, bħal meta tniżżel xi tagħbija tqila bil-​mod jew tiġri għan-​niżla, tistaʼ ċċarrat il-​fibri muskolari. Anki tiċrita żgħira li tirriżulta minn ġbid żejjed tistaʼ tikkawża spażmi muskolari taʼ wġigħ u infjammazzjoni.

Ħu ħsiebhom il-​muskoli tiegħek. Agħtihom l-​eżerċizzju u l-​mistrieħ li jeħtieġu sabiex ikomplu jservuk taʼ magna disinjata tajjeb, l-​‘aqwa mutur’ taʼ ġismek.

[Kumment f’paġna 20]

Hemm madwar 650 muskolu f’ġismek. L-​akbar minnhom huma l-​muskoli gluteus, li jinsabu fil-​warrani, u li jservu biex iċaqalqu s-​saqajn

[Kaxxa Page 24]

Il-​Muskoli u n-​Nutriment

Nutriment tajjeb huwa fattur fundamentali f’li wieħed iżomm il-​muskoli tiegħu f’saħħithom. Ikel li fih ħafna kalċju, bħall-​prodotti tal-​ħalib, u li fih ħafna potassju, bħall-​banana, kif ukoll il-​frott taċ-​ċitru u l-​frott imqadded, frott isfar skur, lewż, u żrieragħ jgħinu biex jirregolaw il-​ġibdiet muskolari. Il-​ħobż whole-grain u ċ-​ċereali jissupplixxu l-​ħadid u l-​vitamini B-complex, speċjalment il-​B1, li hija kruċjali biex tibdel il-​karboidrati, il-​proteini, u x-​xaħmijiet fl-​enerġija li l-​muskoli tiegħek għandhom bżonn biex jaħdmu. Meta tixrob ħafna ilma ma tkunx biss qed tgħin biex iżżomm il-​bilanċ taʼ l-​elettrolitu imma wkoll tkun qed tneħħi l-​aċidu lattiku u prodotti ħżiena li jistgħu jfixklu l-​funzjoni muskolari.

[Kaxxa Page 22]

IL-​MERAVILJA TAL-​ĠIBDA MUSKOLARI

L-​azzjoni taʼ muskolu għandha mnejn tidher sempliċi. Imma l-​mekkaniżmu tal-​ġbid huwa tassew taʼ l-​għaġeb. Il-​Professur Gerald H. Pollack jgħid: “Jien nibqaʼ mbellah bil-​ġmiel artistiku tad-​disinn tan-​natura. Il-​konverżjoni t’enerġija kimika f’enerġija mekkanika tant issir b’mod preċiż​—kważi kważi ssib ruħek tgħid b’mod tant intelliġenti—​li wieħed jibqaʼ meraviljat.”

Ejja nużaw mikroskopju taʼ l-​elettroni biex nagħtu ħarsa lejn il-​ħidma komplikata tal-​ġibda muskolari u nitgħallmu iktar dwar dan il-​kapulavur tal-​Ħallieq tagħna.

Kull ċellola muskolari, jew fibra, hija attwalment għoqda taʼ fibri iżgħar imsejħin myofibrils li huma rranġati f’forma parallela. Kull myofibril fiha eluf taʼ myofilaments iktar irqaq. Xi myofilaments huma ħoxnin, oħrajn huma rqaq. Dawk li huma eħxen fihom il-​myosin, u dawk irqaq fihom l-​actin, proteini li jgħinu liċ-​ċellola muskolari biex tinġibed.

Fil-​wiċċ taʼ kull fibra muskolari hemm bħal ħofra. Il-​fibra tan-​nerv, li toħroġ mill-​ispina, tispiċċa hemmhekk u tidħol fil-​ħofra. Il-​muskoli tagħna jibdew jiċċaqalqu meta l-​moħħ jagħti l-​kmand, u mbagħad il-​messaġġ, li jiġi trasmess minn ġo miljuni taʼ ċelloli tan-​nervituri tas-​sistema nervuża ċentrali, jilħaq it-​tarf tan-​nervitura. Hekk kif it-​trufijiet tan-​nervituri jiġu stimulati wieħed wieħed, iktar minn 100 borża ċkejkna jinfaqgħu, u jxerrdu kimika li żżid l-​impuls tan-​nervitura hekk kif tiġi f’kuntatt mal-​membrana taċ-​ċellola muskolari. Dan iqanqal mewġa t’attività elettrika li tattiva ċ-​ċellola muskolari kollha kemm hi, u ġġiegħel il-​membrana taċ-​ċellola tipproduċi ions tal-​kalċju ċċarġjati bl-​elettriku, li jagħtu bidu għall-​proċess mekkaniku tal-​ġbid ’il ġewwa.

L-​ions tal-​kalċju issa jinfirxu mal-​fibra muskolari kollha permezz taʼ sistema taʼ tubi rqaq u jiġu f’kuntatt maʼ diversi proteini. B’xi mod jew ieħor, l-​azzjoni tal-​kalċju fuq dawn il-​proteini ġġiegħel lil partijiet protetti fejn ikun hemm il-​proteini, li jinsabu tul ix-​xaft irqiq tal-​filament taʼ l-​actin, jinkixfu jew isiru esposti.

Fl-​istess ħin, pari taʼ boċċi ċkejknin miksijin bl-​ATP, is-​sustanza li tissupplixxi ammont kbir t’enerġija, joħorġu mill-​filamenti eħxen tal-​myosin, u jidħlu fl-​azzjoni. Waħda mill-​boċċi ċkejknin fir-​ras tal-​filament tal-​myosin taqbad maʼ waħda mill-​partijiet attivi li issa huma esposti fuq il-​filament taʼ l-​actin, u tifforma pont. Il-​boċċa l-​oħra taqsam l-​ATP u minnha toħroġ biżżejjed enerġija biex il-​pont jiġbed jew iżerżaq il-​filament taʼ l-​actin maġenb jew fuq il-​filament tal-​myosin. L-​istess bħal tim taʼ nies li jiġbdu ħabel ’il ġewwa billi jgħaddu id waħda minn fuq l-​oħra, l-​irjus tal-​myosin jerħu l-​qabda tagħhom u jerġgħu jaqbdu max-​xaft taʼ l-​actin, din id-​darba iktar ’il ġewwa, waqt li jibqgħu jressqu l-​filament taʼ l-​actin lejn iċ-​ċentru tal-​filament tal-​myosin. Din l-​azzjoni tirrepeti ruħha sakemm il-​ġibda tkun tlestiet. Din il-​katina sħiħa taʼ reazzjonijiet tieħu biss frazzjoni taʼ sekonda!

Meta l-​ġibda tkun tlestiet, il-​kalċju jerġaʼ lura lejn is-​sors minn fejn ħareġ, fil-​membrana taċ-​ċellola muskolari, il-​partijiet esposti tul ix-​xaft tal-​filament taʼ l-​actin jerġgħu jitgħattew mill-​ġdid, u l-​fibra muskolari tirrilassa sakemm terġaʼ tiġi stimulata. Iva, ‘b’mod taʼ l-​għaġeb aħna magħmulin’!​—Salm 139:14.

[Dijagramma]

(Għall-formazzjoni sħiħa tat-test, ara pubblikazzjoni)

Myofilaments ħoxnin u rqaq (imkabbrin ħafna)

Myofibril

Il-​muskoli tagħna attwalment huma saff fuq saff taʼ għoqod taʼ fibri

Muskolu

Fibra muskolari

Għoqda taʼ myofibrils

[Stampa f’paġna 21]

(Imkabbra għal darbtejn)

L-​iżgħar muskoli huma mqabbdin maʼ l-​iċken għadam, li għandek ġo widnejk

[Stampa f’paġna 21]

Hemm bżonn taʼ 14-il muskolu sempliċement biex titbissem!

[Stampa f’paġna 21]

Huwa bis-​saħħa tal-​muskoli li tistaʼ tpetpet għajnejk iktar minn 20,000 darba kuljum

[Stampa f’paġna 24]

Il-​muskolu tal-​qalb tiegħek jinġibed u jirrilassa madwar 72 darba kull minuta,jew 2.6 elf miljun darba f’ħajja taʼ tul medju

[Stampa f’paġna 24]

Eżerċizzju anerobiku

[Sorsi tal-Istampi f’paġna 20]

Raġel, p. 20; għajn, p. 21; qalb, p. 24: The Complete Encyclopedia of Illustration/ J. G. Heck

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja