LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g99 11/8 pp. 25-27
  • Għala ma Nistax Inkun Iktar Soċjevoli?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Għala ma Nistax Inkun Iktar Soċjevoli?
  • Stenbaħ!—1999
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Il-​Problema tal-​Mistħija
  • Il-​Mistħija​—Problema Komuni
  • Ċirku Vizzjuż
  • Fatturi Oħrajn
  • Tistħi Xejn?
    Il-Ministeru tas-Saltna—2000
  • “Li Tobdi Hu Aħjar Minn Xi Sagrifiċċju”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2011
  • L-ewwel sultan taʼ Iżrael
    Lezzjonijiet li tista’ titgħallem mill-Bibbja
  • Kif Nistaʼ Ngħidlu X’Qed Inħoss?
    Stenbaħ!—2004
Ara Iżjed
Stenbaħ!—1999
g99 11/8 pp. 25-27

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Għala ma Nistax Inkun Iktar Soċjevoli?

“Il-​mistħija tipparalizzak. Hi biżaʼ li jaħkmek u li trid tiġġilidlu. Hi tassew reali.”​—Richard.a

“Meta kont għadni qed nikber kelli problema serja bil-​mistħija. Kont bħallikieku qed ngħix f’dinja żgħira għalija.”​—Elizabeth, li għandha 18-il sena.

‘GĦANDI xi ħaġa ħażina? Għala ma nistax inkun iktar soċjevoli?’ Ġieli tistaqsi lilek innifsek dawn il-​mistoqsijiet? Bħal Richard, li ġie kwotat hawn fuq, int forsi tħossok nervuż jew ansjuż meta tiltaqaʼ maʼ xi ħadd ġdid. Għandek mnejn tinfixel fil-​preżenza taʼ nies li għandhom l-​awtorità. Jew forsi tant tinkwieta dwar x’jaħseb ħaddieħor dwarek li meta jkollok iċ-​ċans li tesprimi s-​sentimenti jew l-​opinjonijiet tiegħek, tibqaʼ b’ħalqek magħluq. “Insibha diffiċli ferm biex immur fuq nies li ma tantx inkun nafhom u nkellimhom,” tammetti żagħżugħa jisimha Tracey.

Imma x’hemm mistur wara sentimenti bħal dawn? Li tifhem il-​problema jistaʼ jkun l-​ewwel pass sabiex tirbaħha. (Proverbji 1:5) Waħda mara qalet: “Qatt ma kont naf ir-​raġuni għala ma kontx inħossni komda man-​nies. Imma issa li identifikajt x’inhi l-​problema tiegħi, nistaʼ naħdem fuqha.” Mela ejja nagħtu ħarsa lejn ftit raġunijiet għala xi żgħażagħ għandhom mnejn isibuha diffiċli biex ikunu soċjevoli.

Il-​Problema tal-​Mistħija

Probabbilment, il-​mistħija hi l-​iktar raġuni komuni. Filwaqt li żagħżugħ soċjevoli normalment igawdi diversi ħbiberiji, żagħżugħ mistħi u li jżomm lura jistaʼ jħossu waħdu u iżolat. “Meta kont għadni qed nikber kelli problema serja bil-​mistħija,” tgħid Elizabeth, li għandha 18-il sena. “Kont bħallikieku qed ngħix f’dinja żgħira għalija.” Diane tiftakar fl-​istress li kellha fl-​ewwel sena tagħha fl-​iskola sekondarja. “Kont niddejjaq niġi notata. Kelli għalliem li riedna nagħtu stima taʼ kemm konna nqisuh importanti l-​fatt li nkunu popolari. Fuq skala taʼ marki minn żero sa ħamsa, żero kien ifisser bla importanza taʼ xejn u ħamsa kien ifisser importanti. It-​tfajliet kollha li kienu popolari fl-​iskola niżżlu ħamsa. Jien niżżilt żero. Għalija, il-​mistħija kienet kważi biżaʼ li nkun popolari. Ma tkunx trid tiġi notata jew li tkun iċ-​ċentru taʼ l-​attenzjoni għax tibżaʼ li lill-​oħrajn forsi ma togħġobhomx.”

M’għandniex xi ngħidu, it-​tendenza li wieħed ikun ftit mistħi m’hijiex ħażina għalkollox. Xi ħaġa relatata mill-​qrib mal-​mistħija hi l-​modestja​—li nkunu konxji tal-​limitazzjonijiet tagħna. Aħna attwalment kmandati fil-​Bibbja biex inkunu ‘umlin [‘modesti,’ New World Translation] fl-​imġiba tagħna maʼ Alla tagħna.’ (Mikea 6:8) Jistaʼ jkun iktar faċli li tkun maʼ persuna li hi modesta jew saħansitra kemxejn mistħija milli maʼ xi ħadd li hu dominanti, aggressiv, jew li jistenna ħafna minn oħrajn. U filwaqt li huwa veru li hemm “żmien li titkellem,” hemm ukoll “żmien li tiskot.” (Koħèlet 3:7) Nies mistħijin forsi ma jkollhom l-​ebda diffikultà biex jibqgħu siekta. Minħabba li għandhom it-​tendenza li jkunu ‘ħfief biex jisimgħu [u] tqal biex jitkellmu,’ dawn taʼ spiss jiġu apprezzati minn oħrajn bħala semmiegħa tajba.​—Ġakbu 1:19.

Iżda, taʼ spiss, xi żgħażagħ tant ikunu kwieti, mistħijin, jew timidi li jkollhom diffikultà biex jagħmlu ħbieb. U f’xi każi estremi, il-​mistħija tistaʼ toħloq dak li wieħed kittieb isejħilha “speċi taʼ priġunerija nevrotika li dak li jkun jimponi fuqu nnifsu”​—iżolament soċjali.​—Proverbji 18:1.

Il-​Mistħija​—Problema Komuni

Jekk int tbati bil-​mistħija, żomm f’moħħok li hi tassew problema komuni. Fi stħarriġ dwar studenti taʼ l-​iskola sekondarja u tal-​kulleġġ, “82 fil-​mija taʼ l-​istudenti kienu jqisu lilhom infushom bħala li kienu mistħijin f’xi żmien f’ħajjithom.” (Adolescence, minn Eastwood Atwater) Il-​mistħija kienet ukoll problema għal xi wħud fi żminijiet Bibliċi. Irġiel prominenti, bħal Mosè u Timotju, għandhom mnejn kellhom jiġġildulha din il-​problema.​—Eżodu 3:​11, 13; 4:​1, 10, 13; 1 Timotju 4:12; 2 Timotju 1:​6-8.

Ikkunsidra lil Sawl, l-​ewwel sultan tal-​ġens taʼ Iżrael tal-​qedem. Normalment, Sawl kien raġel kuraġġuż. Meta missieru tilef il-​merħla t’annimali tiegħu, Sawl irħielha b’ħila kbira fuq missjoni biex isalvahom. (1 Samwel 9:​3, 4) Imma meta ġie maħtur bħala sultan tal-​ġens, f’daqqa waħda ħakmitu l-​mistħija. Minflok ma ffaċċja l-​folol li kienu qed jgħajtu bil-​ferħ, Sawl inħeba qalb il-​provvisti!​—1 Samwel 10:​20-24.

Għandu mnejn jidher diffiċli biex wieħed jifhem għala Sawl jidher li kellu nuqqas taʼ fiduċja fih innifsu. Wara kollox, il-​Bibbja tiddeskrivih bħala żagħżugħ impressjonanti u sabiħ. Fil-​fatt, “kien jgħaddi lil kulħadd minn spallejh ’il fuq”! (1 Samwel 9:2) Barra minn hekk, il-​profeta t’Alla kien assigura lil Sawl li Jehovah kien se jbierek ir-​renju tiegħu bħala sultan. (1 Samwel 9:​17, 20) Xorta waħda, Sawl ħassu inċert dwaru nnifsu. Meta ntqallu li kien se jsir sultan, hu b’modestja wieġeb: “M’iniex jien Benjamini mill-​iżgħar fost it-​tribù taʼ Iżrael, u l-​familja tiegħi m’hijiex l-​iżgħar fost il-​familji tat-​tribù taʼ Benjamin? Għaliex qiegħed tkellimni hekk?”​—1 Samwel 9:21.

Jekk xi ħadd bħal Sawl setgħet tonqoslu l-​fiduċja fih innifsu, m’għandekx tiħodha bi kbira jekk int kultant forsi tonqoslok xi ftit mill-​fiduċja fik innifsek. Bħala żagħżugħ, int qiegħed f’dak l-​istadju fil-​ħajja fejn ġismek qed jinbidel malajr. Għadek qed tibda titgħallem kif taġixxi fid-​dinja taʼ l-​adulti. Huwa naturali, allura, li kultant tħossok konxju ħafna tiegħek innifsek u inċert. Fir-​rivista Parents, Dr. David Elkind kiteb: “Fl-​ewwel snin taʼ l-​adolexxenza, il-​biċċa l-​kbira taż-​żgħażagħ jgħaddu minn perijodu taʼ mistħija, meta jiżviluppaw dik li jien insejħilha udjenza immaġinarja​—il-​ħsieb li oħrajn qed iħarsu lejhom u li dawn moħħhom biss fl-​apparenza tagħhom u f’dak li qed jagħmlu.”

Ladarba ż-​żgħażagħ taʼ spiss jiġu ġudikati minn sħabhom skond id-​dehra tagħhom, ħafna jinkwetaw minħabba l-​apparenza tagħhom. (Qabbel it-​2 Korintin 10:7.) Madankollu, tħassib żejjed fuq id-​dehra persunali huwa taʼ ħsara. Waħda żagħżugħa fi Franza jisimha Lilia tiftakar l-​esperjenza tagħha stess f’dan ir-​rigward: “Kelli problema li hi komuni fost ħafna żgħażagħ. Kelli l-​akne​—il-​ponot! Lanqas biss tazzarda tavviċina lil oħrajn għax tkun inkwetat dwar id-​dehra tiegħek.”

Ċirku Vizzjuż

Minħabba li nies mistħijin taʼ spiss jiġu mifhuma ħażin, dawn jistgħu faċilment jinqabdu f’ċiklu taʼ iżolament. Il-​ktieb Adolescence josserva: “Adolexxenti mistħijin ikollhom iktar diffikultà biex jagħmlu ħbieb għax dawn taʼ spiss jiġu interpretati b’mod ħażin minn oħrajn. Hemm it-​tendenza li nies mistħijin jiġu kunsidrati bħala nies riservati, imdejqin, diżinteressati, li jaħsbu li huma aqwa minn oħrajn, żorri, u ostili. Meta jiġu trattati b’dan il-​mod, dawn għandhom mnejn iħossuhom ferm iktar iżolati, waħedhom, u dipressi.” Ma tistax taħrab il-​fatt li dan se jġagħalhom iħossuhom iktar mistħijin, ħaġa li, m’għandniex xi ngħidu, se ssaħħaħ iktar l-​impressjoni ħażina li huma nies li jippretenduha jew li huma mkabbrin.

M’għandniex xi ngħidu, ladarba bħala Kristjan int “spettaklu għad-​dinja,” għandu jinteressak mill-​impressjoni li tagħti lil oħrajn. (1 Korintin 4:9) Tevita int il-​kuntatt bl-​għajnejn meta tkun qed titkellem m’oħrajn? Il-​qagħda taʼ ġismek, il-​ġesti u l-​movimenti tiegħek jagħtu l-​messaġġ li trid toqgħod għalik waħdek? Mela żomm f’moħħok li oħrajn jistgħu jinterpretawk ħażin u jibdew jevitawk. Jerġaʼ dan jistaʼ jagħmilha iktar diffiċli għalik biex tiżviluppa ħbiberiji.

Fatturi Oħrajn

Problema komuni oħra hija l-​biżaʼ li jaqgħu għaċ-​ċajt. Veru, huwa perfettament normali li tħoss xi ftit taʼ l-​inċertezza jew li tibqaʼ xi ftit lura meta tkun qed tagħmel xi ħaġa ġdida li tkun barra mill-​qasam taʼ l-​esperjenza tiegħek. Imma xi żgħażagħ imorru fl-​estrem f’dan l-​aspett. Meta kienet żagħżugħa, Gail kellha dik li hi ssejħilha fobija soċjali. Hi tgħid: “Ma kontx nikkummenta fil-​klassi. U l-​ġenituri tiegħi dejjem kienu bombardjati b’kummenti bħal, ‘Bintkom ma tgħollix idejha. Ma tgħidx il-​fehma tagħha.’ Għalija, dik kienet xi ħaġa li tassew ma kontx inħossni komda nagħmilha u li kienet tqabbadni tensjoni kbira. Anki issa, xorta għadu diffiċli għalija.” Il-​biżaʼ li taqaʼ għaċ-​ċajt jipparalizzak. “Jien ninkwieta li nagħmel xi żball,” jgħid wieħed żagħżugħ jismu Peter. “Ma nkunx ċert għalkollox dwar dak li nkun qed nagħmel.” Meta l-​ħbieb jinbxu u jikkritikaw b’mod li jweġġaʼ, dan jistaʼ jżid il-​biżaʼ persunali u jikkaġuna ħsara dejjiema lill-​fiduċja li ż-​żagħżugħ ikollu fih innifsu.

Problema komuni oħra hija li wieħed ikollu diffikultà fl-​imġiba soċjali tiegħu. Forsi int iżżomm lura milli tintroduċi lilek innifsek lil xi ħadd ġdid, sempliċement għax ma tkunx taf x’se taqbad tgħid. Forsi tistagħġeb meta ssir taf li saħansitra wħud akbar xi kultant ma jħossuhomx komdi m’oħrajn. Wieħed negozjant jismu Fred jgħid: “Fid-​dinja tan-​negozju, dak li nagħmel naf nagħmlu b’għajnejja magħluqa. Jekk nitkellem dwar in-​negozju biss, ma jkolli l-​ebda dubju li qed nagħti impressjoni tajba. Imma meta nidħol f’konversazzjoni soċjali maʼ dawn l-​istess nies, inżomm lura. Nibżaʼ li niġi identifikat bħala wieħed li jdejjaq lil dak li jkun, li jien formali jew tekniku żżejjed jew li m’iniex interessanti.”

Kemm jekk int persuna mistħija, jew tħossok konxju ħafna tiegħek innifsek, inkella sempliċement ma tħossokx komdu m’oħrajn, huwa għall-​vantaġġ tiegħek stess li titgħallem kif tkun iktar soċjevoli. Il-​Bibbja tinkuraġġixxi lill-​Kristjani biex ‘jitwessgħu’ u jsiru jafu lil oħrajn! (2 Korintin 6:​13, NW) Imma kif jistaʼ jirnexxilek? Dan se jiġi diskuss f’ħarġa fil-​futur.

[Nota taʼ taħt]

a Ftit mill-​ismijiet ġew mibdulin.

[Stampa f’paġna 26]

Nies mistħijin taʼ spiss jiġu kunsidrati bħala nies riservati

[Stampa f’paġna 26]

Il-​biżaʼ li jaqgħu għaċ-​ċajt iġiegħel lil xi żgħażagħ jinqatgħu għalihom

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja