Bidla Notevoli Għall-aħjar
“Fl-1990 id-dinja kienet tinsab lesta biex tidħol f’wieħed mill-iktar perijodi notevoli taʼ bidla fl-istorja umana. Sistema qadima kienet qegħda ċċedi postha lil waħda ġdida.”—The Times Atlas of the 20th Century.
KMIENI fis-seklu 20, “id-dinja daħlet f’era taʼ taqlib u vjolenza mhux tas-soltu,” jgħid l-atlas kwotat hawn fuq. Dan is-seklu kellu jara iktar gwerer minn kwalunkwe seklu ieħor, b’iktar minn 100 miljun ruħ mejta.
F’din l-era, il-gwerer qatlu iktar nies pajżani minn qatt qabel. Fl-Ewwel Gwerra Dinjija, 15 fil-mija tal-mejtin kienu nies pajżani. Imma fit-Tieni Gwerra Dinjija, f’xi pajjiżi n-nies pajżani li mietu qabżu l-għadd taʼ nies militari li mietu. Mill-miljuni li nqatlu fil-gwerer minn dakinhar ’l hawn, il-biċċa l-kbira minnhom kienu pajżani. Din il-vjolenza kollha wettqet il-profezija tal-Bibbja rigward ir-rikkieb fuq ‘żiemel taʼ lewn aħmar nar,’ li “ngħatatlu s-setgħa li jeqred il-paċi minn fuq wiċċ l-art.”—Apokalissi 6:3, 4; Mattew 24:3-7.
Bidla fil-Valuri
Is-seklu 20 wettaq il-profezija li tinsab fit-2 Timotju 3:1-5, li tgħid: “L-aħħar tad-dinja [“l-aħħar jiem,” NW] jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li [“għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla,” NW].”
Sa ċertu punt, il-bnedmin imperfetti minn dejjem kellhom dawn il-karatteristiċi. Matul is-seklu 20, attitudnijiet bħal dawn intensifikaw u nfirxu. Nies li jġibu ruħhom kif ġie deskritt hawn fuq kienu xi darba meqjusin bħala antisoċjali—jekk mhux nies ħżiena għalkollox. Issa anki n-nies li “għandhom għamla taʼ devozzjoni lejn Alla” qegħdin iktar iqisu aġir bħal dan bħala xi ħaġa normali.
Xi darba, in-nies reliġjużi lanqas biss kien jgħaddilhom minn moħħhom li koppji jgħixu flimkien mingħajr ma jiżżewġu. Li nisa mhux miżżewġin isiru ommijiet kienet meqjusa bħala xi ħaġa taʼ għajb, l-istess bħalma kienu meqjusa r-relazzjonijiet omosesswali. Għall-biċċa l-kbira tan-nies, l-aborti lanqas biss kienu jissemmew, u l-istess kien id-divorzju. Id-diżonestà fin-negozju kienet ħaġa taʼ tmaqdir. Imma llum, bħalma jinnota sors minnhom, “kollox jgħaddi.” Għala? Raġuni waħda hi li “dan jissodisfa l-interessi egoistiċi taʼ dawk li ma jridux lil ħaddieħor jgħidilhom x’ma jistgħux jagħmlu.”
L-abbandun taʼ livelli etiċi għolja f’dan is-seklu wassal biex il-prijoritajiet jinbidlu. The Times Atlas of the 20th Century jispjega: “Fl-1900 in-nazzjonijiet u l-individwi kienu għadhom jikkalkulaw il-valur tagħhom b’termini mhux monetarji. . . . Sa l-aħħar tas-seklu, in-nazzjonijiet kienu jikkalkulaw is-suċċess tagħhom b’termini kważi kollha ekonomiċi. . . . Bidliet simili seħħew fil-mod li bih in-nies kienu jqisu l-ġid materjali.” Illum, il-logħob taʼ l-ażżard li hu mifrux maʼ kullimkien jippromwovi l-imħabba għall-flus, filwaqt li r-radju, it-televixin, il-films, u l-vidjos jinkuraġġixxu x-xewqat materjali. Anki l-programmi taʼ kompetizzjonijiet u l-konkorsi tar-reklami jagħtu l-messaġġ li l-flus huma, jekk mhux kollox, għall-inqas kważi kollox.
Flimkien imma Mifrudin
Fil-bidu tas-seklu 20, il-biċċa l-kbira tan-nies kienu jgħixu fi nħawi rurali. Jintqal li fil-bidu tas-seklu 21, iktar minn nofs il-popolazzjoni se tkun tgħix fil-bliet. Il-ktieb 5000 Days to Save the Planet jgħid: “Id-dmir li jiġi provdut livell adegwat t’għajxien għan-nies li llum jgħixu fil-bliet, biex ma nsemmux lil dawk taʼ ġenerazzjonijiet futuri, qed joħloq problemi li jidhru impossibbli li jintgħelbu.” Ir-rivista tal-Ġnus Magħquda World Health osservat: “Il-proporzjon taʼ nies fid-dinja li jgħixu fil-bliet qiegħed jikber. . . . Mijiet taʼ miljuni . . . bħalissa qegħdin jgħixu f’kundizzjonijiet li huma taʼ ħsara għal saħħithom u li qegħdin saħansitra jipperikolawlhom ħajjithom.”
X’paradoss hu li filwaqt li n-nies qegħdin jinġabru eqreb lejn xulxin fil-bliet, dawn qegħdin ukoll jinqatgħu għalihom waħedhom! It-televixin, it-telefons, u l-Internet, flimkien max-xiri permezz tal-kompjuters, għalkemm huma utli, jeliminaw min-nofs ir-relazzjonijiet wiċċ imbwiċċ. Il-gazzetta Ġermaniża Berliner Zeitung għaldaqstant tikkonkludi: “Is-seklu 20 m’huwiex biss is-seklu taʼ popolazzjoni eċċessiva. Huwa wkoll is-seklu tas-solitudni.”
Dan iwassal għal traġedji bħal dik li ġrat f’Hamburg, il-Ġermanja, fejn il-ġisem taʼ raġel instab fl-appartament tiegħu ħames snin wara li miet! “Ħadd ma ħass in-nuqqas tiegħu, la l-qraba, la l-ġirien, u lanqas l-awtoritajiet,” qalet ir-rivista Der Spiegel, u kompliet iżżid: “Għal ħafna ċittadini dan jissimbolizza l-limitu li jwaħħax li laħqu l-anonimità taʼ kuljum u n-nuqqas taʼ kuntatt soċjali fil-belt il-kbira.”
Il-ħtija taʼ dawn il-kundizzjonijiet mill-agħar m’hijiex biss tax-xjenza u t-teknoloġija. L-iktar li jaħtu huma n-nies. Dan is-seklu pproduċa iktar nies minn qatt qabel li “jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; . . . bla gratitudni, . . . bla qalb, bla ħniena, . . . bla mħabba għat-tajjeb; . . . iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla.”—2 Timotju 3:1-5.
L-1914, Sena Distinta
Skond Winston Churchill, “il-bidu tas-seklu għoxrin kien jidher mimli prospetti u kalma.” Ħafna ħasbu li dan kien se jġib era taʼ paċi u prosperità li qatt qabel ma kien hawn bħalhom. Madankollu, fl-1905 l-Watch Tower taʼ l-1 taʼ Settembru wissa: “Dalwaqt iqumu iktar gwerer,” u qal ukoll li “katakliżmu kbir” kellu jibda fl-1914.
Fil-fatt, kmieni sa mill-1879, dik il-pubblikazzjoni ppontat lejn l-1914 bħala data sinjifikanti. Fis-snin taʼ wara għarrfet li l-profeziji Bibliċi fil-ktieb taʼ Danjel kienu jippontaw lejn dik id-data bħala ż-żmien meta s-Saltna t’Alla ġiet stabbilita fis-sema. (Mattew 6:10) Filwaqt li l-1914 ma kienx iż-żmien meta s-Saltna kellha tieħu l-kontroll komplet fuq l-affarijiet taʼ l-art, dan kien iż-żmien biex tibda t-tmexxija tagħha.
Il-profezija Biblika bassret: “Fi żmien dawn is-slaten [li jeżistu fi żmienna], Alla tas-sema jqajjem saltna [fis-sema] li ma tinqered qatt.” (Danjel 2:44) Dik is-Saltna, bi Kristu bħala Sultan, bdiet tiġbor hawn fuq l-art nies li kellhom il-biżaʼ t’Alla u li kellhom ix-xewqa li jkunu s-sudditi tagħha.—Isaija 2:2-4; Mattew 24:14; Apokalissi 7:9-15.
Fi qbil maʼ dak li ġara fis-sema, l-1914 rat il-bidu taʼ “l-aħħar jiem,” il-bidu taʼ perijodu taʼ żmien li kellu jispiċċa bil-qerda tas-sistema t’affarijiet li hawn bħalissa. Ġesù bassar li l-bidu taʼ dan il-perijodu kellu jkun immarkat bi gwerer dinjin, nuqqas taʼ ikel, epidemiji taʼ mard, terremoti qerrieda, u żjieda fil-ksur tal-liġi, kif ukoll birda fl-imħabba tan-nies lejn Alla u lejn għajrhom. Dawn l-affarijiet kollha, hu qal, kellhom jimmarkaw il-“bidu taʼ tbatija kbira.”—Mattew 24:3-12.
Dalwaqt Dinja Kompletament Ġdida
Issa għaddew 85 sena minn dawn “l-aħħar jiem,” u qegħdin noqorbu bil-ħeffa lejn it-tmiem taʼ din is-sistema preżenti t’affarijiet li ma ġabet ebda sodisfazzjon. Dalwaqt is-Saltna t’Alla, taħt Kristu, se “tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha [li jeżistu issa], waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44; 2 Pietru 3:10-13.
Iva, Alla se jneħħi l-ħażen minn fuq wiċċ l-art u se jdaħħal lil nies taʼ qalb retta f’dinja kompletament ġdida. “It-tajbin jgħammru fl-art, u n-nies sewwa joqogħdu fiha; imma l-ħżiena mill-art jitqaċċtu, u l-qarrieqa jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:21, 22.
X’messaġġ taʼ ferħ—ċertament wieħed li jixraqlu jixxandar maʼ kullimkien! Is-Saltna t’Alla dalwaqt se ssolvi l-problemi li s-seklu 20 kompla żied: il-gwerer, il-faqar, il-mard, l-inġustizzja, il-mibegħda, l-intolleranza, il-qagħad, il-kriminalità, in-nuqqas taʼ ferħ, u l-mewt.—Ara Salm 37:10, 11; 46:9, 10 [46:8, 9, NW]; 72:12-14, 16; Isaija 2:4; 11:3-5; 25:6, 8; 33:24; 65:21-23; Ġwann 5:28, 29; Apokalissi 21:3, 4.
Jappella għalik il-prospett li tgħix għal dejjem f’dinja taʼ tjieba mimlija hena li ma jistax jitfisser bil-kliem? Staqsi lix-Xhieda taʼ Jehovah għal iktar tagħrif. Dawn jistgħu juruk minn fuq il-kopja tal-Bibbja tiegħek stess li s-snin kritiċi taʼ bidla li mmarkaw is-seklu 20 dalwaqt se jispiċċaw u li int imbagħad tkun tistaʼ tgawdi barkiet bla tmiem!
[Stampa f’paġna 10]
Dalwaqt dinja kompletament ġdida