L-Aħbar Tajba li Jixtiquk Tismaʼ
META Ġesù kien fuq l-art, id-dixxipli tiegħu marru għandu u staqsewh: “X’se jkun is-sinjal tal-miġja tiegħek u taʼ tmiem id-dinja?” Hu weġibhom li kellu jkun hemm gwerer li jinvolvu lil ħafna ġnus, ġuħ kbir, mard li jittieħed, terremoti, żjieda fil-ksur tal-liġi, għalliema reliġjużi foloz li jqarrqu b’ħafna nies, mibegħda u persekuzzjoni mmirati lejn is-segwaċi veri tiegħu, u nuqqas taʼ mħabba għat-tajjeb fost ħafna nies. Hekk kif kellhom jibdew iseħħu dawn l-affarijiet, dan kellu jindika li Kristu kien preżenti b’mod inviżibbli u li s-Saltna tas-sema kienet qorbot. Din kellha tkun aħbar—aħbar tajba! Għalhekk Ġesù żied dan il-kliem bħala parti mis-sinjal: “Dan l-Evanġelju [“aħbar tajba,” NW] tas-Saltna jixxandar fid-dinja kollha, biex il-ġnus kollha jkollhom xhieda. Mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:3-14.
Meta toqgħod taħseb, il-ġrajjiet li qed iseħħu bħalissa fid-dinja m’humiex sbieħ, imma t-tifsira tagħhom hija tajba, jiġifieri, il-preżenza taʼ Kristu. Il-kundizzjonijiet imsemmijin hawn fuq bdew isiru evidenti f’dik is-sena tant imxandra, l-1914! Din immarkat it-tmiem taʼ Żmien il-Ġentili u l-bidu tal-perijodu taʼ bidla mill-ħakma umana għar-Renju t’Elf Sena (Millennjali) taʼ Kristu.
Li kellu jkun hemm perijodu taʼ bidla huwa indikat f’Salm 110, versi 1 u 2, u f’Apokalissi 12:7-12. Hemmhekk juri li Kristu kellu jpoġġi fuq il-lemin t’Alla fis-sema sakemm jasal iż-żmien li jsir Sultan. Imbagħad, wara li ssir gwerra fis-sema, Satana kellu jitkeċċa għal fuq l-art, u jġib gwaj fuqha, u Kristu kellu jibda jmexxi f’nofs l-għedewwa tiegħu. It-tneħħija totali tal-ħażen se sseħħ permezz taʼ “diqa kbira [“tribulazzjoni kbira,” NW],” li tilħaq il-quċċata tagħha fil-gwerra taʼ Ħarmagedon u tkun segwita mir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu li se jkun mimli paċi.—Mattew 24:21, 33, 34; Apokalissi 16:14-16.
“Dan għandek tkun taf,” tgħid il-Bibbja, “li l-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, ma jisimgħux mill-ġenituri; bla gratitudni, bla tjieba; bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra, bla mħabba għat-tajjeb; tradituri, bla ħsieb, minfuħa bihom infushom; iħobbu aktar il-pjaċir milli ’l Alla; nies li jiċħdu l-qawwa tat-tjieba, minkejja li minn barra jagħmluha taʼ tajbin. Nies bħal dawn aħrabhom.”—2 Timotju 3:1-5.
Xi wħud jistgħu jsostnu li dawn l-affarijiet ġieli ġraw fl-istorja tad-dinja, imma l-fatt hu li dawn qatt qabel ma seħħew sa dan il-punt. Bħalma jgħidu l-istudjużi taʼ l-istorja u l-kummentaturi, qatt ma kien hawn perijodu ieħor fuq l-art bħal dak li rajna mill-1914 ’il quddiem. (Ara paġna 7.) Il-gwajijiet u l-problemi ġraw fuq skala bil-wisq akbar minn qatt qabel. Iktar minn hekk, hemm fatturi oħra li għandhom jitqiesu rigward is-sinjal taʼ Kristu dwar l-aħħar jiem: L-ammont kbir taʼ xandir li sar mad-dinja kollha dwar il-preżenza taʼ Kristu u s-Saltna tiegħu qatt ma kien hawn bħalu qabel fl-istorja. Il-persekuzzjoni minħabba l-ippridkar qatt ma laħqet il-ħruxija li biha ġew persegwitati x-Xhieda taʼ Jehovah. Mijiet kbar minnhom inqatlu fil-kampijiet tal-konċentrament tan-Nazi. Sa llum il-ġurnata x-Xhieda taʼ Jehovah għadhom projbiti f’ċerti postijiet, u f’postijiet oħra qed jiġu arrestati, mitfugħin il-ħabs, torturati, u maqtula. Dan kollu huwa parti mis-sinjal li ta Ġesù.
Bħalma tbassar f’Apokalissi 11:18, “il-ġnus imtlew bil-korla” kontra x-Xhieda leali taʼ Jehovah, u dan jindika li Jehovah se jesprimi l-“korla” tiegħu kontra dawn il-ġnus. Dan l-istess vers mill-Iskrittura jgħid li Alla se ‘jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.’ Qatt qabel fl-istorja kollha tal-bniedem ma kien hawn żmien meta l-art sabitha diffiċli biex issostni l-ħajja taʼ fuqha. Madankollu, l-affarijiet inbidlu issa! Ħafna xjenzati wissew li jekk il-bnedmin se jkomplu jniġġsu l-art, din mhix se tibqaʼ tajba biex ngħixu fuqha. Imma Jehovah “sawwarha biex jgħammru fiha,” u hu se jwarrab min-nofs lil dawk li qed iniġġsuha qabel ma jirnexxilhom jeqirduha għalkollox.—Isaija 45:18.
Barkiet fuq l-Art taħt is-Saltna
Ħafna nies li jemmnu fil-Bibbja jaħsbu li dawk kollha li se jsalvaw sejrin fis-sema. Għalhekk għandhom mnejn jarawha stramba l-idea li n-nies jgħixu fuq l-art bħala sudditi tas-Saltna t’Alla. Il-Bibbja turi li għadd limitat biss taʼ bnedmin sejjer fis-sema u li dawk li se jgħixu għal dejjem fuq l-art se jagħmlu parti minn kotra kbira bla għadd. (Salm 37:11, 29; Apokalissi 7:9; 14:1-5) Fil-ktieb Bibliku taʼ Danjel insibu profezija li turi li s-Saltna t’Alla f’idejn Kristu se timla l-art u tmexxiha.
Hemmhekk, is-Saltna taʼ Kristu hija rappreżentata minn ġebla li tinqataʼ minn muntanja li tirrappreżenta s-sovranità taʼ Jehovah. Din il-ġebla tolqot u teqred statwa li tirrappreżenta lill-ġnus qawwija taʼ l-art, u “l-ġebla li laqtet l-istatwa saret muntanja kbira li mliet l-art kollha.” Il-profezija tkompli: “Fi żmien dawn is-slaten, Alla tas-sema jqajjem saltna li ma tinqered qatt, u li l-ħakma tagħha ma tgħaddix għal poplu ieħor. Hija tfarrak u ttemm is-saltniet l-oħra kollha, waqt li hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:34, 35, 44.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah dwar dan jixtiequ jgħidulek—dwar din is-Saltna u dwar it-tama li toffri l-Bibbja li għad ngħixu għal dejjem fuq art imnaddfa u msebbħa. Miljuni taʼ nies li issa huma ħajjin u ħafna, ħafna miljuni oħra li jinsabu fl-oqbra se jkollhom l-opportunità li jgħixu fuqha għal dejjem. Imbagħad, taħt ir-Renju t’Elf Sena taʼ Kristu Ġesù, se jitwettaq l-iskop oriġinali li kellu Jehovah meta ħalaq l-art u poġġa fiha lill-ewwel koppja umana. Il-bnedmin m’huma qatt se jiddejqu jgħixu f’din il-Ġenna taʼ l-art. Sewwa sew bħalma Adam ngħata x’jagħmel fil-ġnien taʼ Għeden, hekk ukoll il-bnedmin se jkollhom proġetti eċċitanti u taʼ sfida huma u jieħdu ħsieb l-art, il-pjanti, u l-annimali taʼ ġo fiha. Huma se “jgawdu għal żmien twil xogħol idejhom.”—Isaija 65:22, KŻ; Ġenesi 2:15.
Hemm ħafna versi fl-Iskrittura li juru l-kundizzjonijiet li se jeżistu meta se titwettaq it-talba li Ġesù għallimna nitolbu: “Tiġi saltnatek, ikun li trid int, kif fis-sema, hekkda fl-art.” (Mattew 6:10) Madankollu, għalissa se nikkwotaw din: “Smajt leħen qawwi ġej mit-tron jgħid: ‘Din hi l-għamara taʼ Alla mal-bnedmin; u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħu, u Alla nnifsu jkun magħhom, Alla tagħhom. Hu jixxuttalhom kull demgħa minn għajnejhom: ma jkunx hemm iżjed mewt, anqas biki jew għajat jew tbatija ma jkun hemm iżjed, għax għabu l-ħwejjeġ taʼ qabel.’ Mbagħad dak li hu bilqiegħda fuq it-tron qal: ‘Ara, se nġedded kollox.’ Qalli: ‘Ikteb, għax dawn il-kelmiet huma minnhom u taʼ min joqgħod fuqhom.’”—Apokalissi 21:3-5.
[Kumment f’paġna 15]
“Żmien iebes,”
IMMA “mbagħad jiġi t-tmiem”
[Stampa f’paġna 18]
L-Olanda
[Stampa f’paġna 18]
In-Niġerja