Erbaʼ Mistoqsijiet Dwar it-Tmiem Imweġbin
ĠESÙ KRISTU bassar li fi żmien fil-futur kellu “jiġi t-tmiem.” Meta ddeskriva dan iż-żmien, hu qal: “Imbagħad ikun hemm tribulazzjoni kbira li qatt ma kien hawn bħalha mill-bidu tad-dinja s’issa, le, lanqas jerġaʼ jkun hawn.”—Mattew 24:14, 21.
L-istqarrijiet taʼ Ġesù dwar it-tmiem, flimkien maʼ siltiet Bibliċi oħrajn dwar dan is-suġġett, iqajmu għadd taʼ mistoqsijiet importanti. Għala ma tiftaħx il-Bibbja tiegħek u taqra x’tgħid bħala tweġiba għal dawn il-mistoqsijiet?
1 X’Se Jintemm?
Il-Bibbja ma tgħallimx li l-art letterali se tinqered. Is-salmista kiteb: “[Alla sejjes] l-art fuq il-postijiet stabbiliti tagħha; din qatt u qatt ma se titħarrek.” (Salm 104:5) Il-Bibbja lanqas ma tgħallem li l-ħajja kollha se tinqered billi d-dinja tinħaraq għalkollox. (Isaija 45:18) Ġesù nnifsu indika li xi nies se jsalvaw fit-tmiem. (Mattew 24:21, 22) Imma, allura, il-Bibbja x’tgħid li se jintemm?
Il-ħakma umana li qed tfalli se tintemm. Alla ispira lill-profeta Danjel biex jikteb: “L-Alla tas-sema jwaqqaf saltna li qatt ma tinqered. U din is-saltna ma tgħaddix għal għand poplu ieħor. Hi se tfarrak u ttemm dawn is-saltniet kollha, u hi tibqaʼ wieqfa għal dejjem.”—Danjel 2:44.
Il-gwerer u t-tinġis se jintemmu. Meta jiddeskrivi x’se jagħmel Alla, Salm 46:9 jgħid: “Qed iwaqqaf il-gwerer sa tarf l-art. Il-qaws jaqsmu fi tnejn u l-lanza jkissirha biċċiet; il-karrijiet jaħraqhom fin-nar.” Il-Bibbja tgħallem ukoll li Alla se ‘jeqred lil dawk li qed jeqirdu l-art.’—Rivelazzjoni 11:18.
Il-kriminalità u l-inġustizzja se jintemmu. Il-Kelma t’Alla twiegħed: “Huma r-retti li se jgħammru fuq l-art, u dawk bla ħtija se jibqgħu fiha. Rigward in-nies mill-agħar, dawn se jitqaċċtu mill-art; u t-tradituri jinqalgħu minnha.”—Proverbji 2:21, 22.
2 Meta Se Jiġi t-Tmiem?
Alla Ġeħova għandu “żmien stabbilit” biex itemm il-ħażen u biex il-gvern tas-Saltna tiegħu jibda jaħkem. (Marku 13:33) Imma l-Bibbja tindika b’mod ċar li ma nistgħux nikkalkulaw id-data speċifika tat-tmiem. Ġesù qal: “Dak il-jum u s-siegħa ma jafhom ħadd, la l-anġli tas-smewwiet u lanqas l-Iben, ħlief il-Missier.” (Mattew 24:36) Madankollu, Ġesù u d-dixxipli tiegħu bassru kif kellhom ikunu l-kundizzjonijiet fuq l-art eżatt qabel ma Alla jġib it-tmiem. It-tmiem ikun wasal meta l-ġrajjiet li ġejjin kollha kemm huma jkunu qed iseħħu fl-istess waqt madwar id-dinja kollha.
It-taqlib politiku, ambjentali, u soċjali qed iseħħ fuq skala li qatt ma kien hawn bħalha. Biex iwieġeb il-mistoqsija tad-dixxipli dwar it-tmiem, Ġesù qal: “Ġens iqum kontra ġens u saltna kontra saltna, ikun hemm terremoti f’post wara l-ieħor, ikun hemm nuqqas taʼ ikel. Dan hu l-bidu taʼ l-uġigħ, bħall-uġigħ tal-ħlas.” (Marku 13:8) L-appostlu Pawlu kiteb: “Fl-aħħar jiem ikun hawn żminijiet kritiċi li diffiċli biex issib tarfhom. Għax in-nies ikunu jħobbu lilhom infushom, iħobbu l-flus, minfuħin bihom infushom, suppervi, midgħija, diżubbidjenti lejn il-ġenituri, ingrati, żleali, mingħajr imħabba naturali, ma jkunux iridu jiftiehmu, kalunnjaturi, mingħajr rażna, feroċi, mingħajr imħabba għat-tajjeb, tradituri, rashom iebsa, imkabbrin, iħobbu l-pjaċiri minflok ma jħobbu lil Alla.”—2 Timotju 3:1-5.
Qed isseħħ kampanja taʼ ppritkar madwar id-dinja b’ħafna lingwi. Ġesù qal: “Din l-aħbar tajba tas-saltna tiġi pridkata fl-art abitata kollha bħala xiehda lill-ġnus kollha; u mbagħad jiġi t-tmiem.”—Mattew 24:14.
3 X’Se Jseħħ Wara t-Tmiem?
Il-Bibbja ma tgħallimx li n-nies tajbin kollha se jittieħdu mill-art biex jgħixu għal dejjem fis-sema. Minflok, Ġesù għallem li l-iskop oriġinali t’Alla għall-bnedmin se jitwettaq. Ġesù qal: “Henjin il-ġwejdin, għax għad jirtu l-art.” (Mattew 5:5; 6:9, 10) Għal dawk li jilħqu jmutu qabel ma jiġi t-tmiem, il-Bibbja fiha l-wegħda taʼ rxoxt fil-futur. (Ġob 14:14, 15; Ġwanni 5:28, 29) X’se jseħħ wara t-tmiem?
Ġesù se jaħkem mis-sema bħala Sultan tas-Saltna t’Alla. Il-profeta Danjel kiteb: “Bqajt inħares fil-viżjonijiet tal-lejl, u, ara, mas-sħab tas-smewwiet kien ġej xi ħadd bħal bin il-bniedem [Ġesù rxoxtat]; u dan ngħata l-permess li jidħol quddiem ix-Xiħ fil-Jiem [Alla Ġeħova], u ressquh qrib dan il-Wieħed. U lilu [lil Ġesù] ngħataw ħakma, dinjità, u saltna, sabiex il-popli, il-ġnus, u l-lingwi jaqdu kollha lilu. Il-ħakma tiegħu hi ħakma li tibqaʼ għal dejjem u li ma tgħaddix, u saltnatu, waħda li ma tinqeridx.”—Danjel 7:13, 14; Luqa 1:31, 32; Ġwanni 3:13-16.
Is-sudditi tas-Saltna t’Alla se jgawdu saħħa perfetta, sigurtà dejjiema, u ħajja eterna. Il-profeta Iżaija kiteb: “Se jibnu djar u jgħammru fihom; u jħawlu għelieqi bid-dwieli u jieklu frotthom. Ma jibnux u jgħammar ħaddieħor; ma jħawlux u jiekol ħaddieħor.” (Isaija 65:21-23) L-appostlu Ġwanni kiteb dwar dan iż-żmien: “Ara! It-tinda t’Alla hi mal-bnedmin, u hu jgħammar magħhom, u huma jkunu l-popli tiegħu. U Alla stess ikun magħhom. U jixxottalhom kull demgħa minn għajnejhom, u ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ. L-affarijiet taʼ qabel ikunu spiċċaw.”—Rivelazzjoni 21:3, 4.
4 X’Għandek Tagħmel Biex Issalva fit-Tmiem?
L-appostlu Pietru għaraf li xi wħud minn dawk li kienu se jgħixu fiż-żmien tat-tmiem kienu se jirridikolaw il-ħsieb li Alla xi darba se jintervieni fl-affarijiet tal-bnedmin u jtemm il-ħażen minn fuq l-art. (2 Pietru 3:3, 4) Xorta waħda, Pietru jħeġġeġ lil dawk li jgħixu fi żmienna biex jaġixxu skont dan li ġej.
Tgħallem mill-passat. Pietru kiteb li Alla “ma żammx lura milli jikkastiga dinja tal-qedem, imma lil Noè, predikatur tal-ġustizzja, żammu qawwi u sħiħ maʼ sebgħa oħrajn meta ġab dilluvju fuq dinja taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.” (2 Pietru 2:5) Dwar dawk li jirridikolaw, Pietru qal: “Skond ix-xewqa tagħhom, huma jagħlqu għajnejhom għal dan il-fatt, li kien hemm smewwiet mill-qedem u art solida żżomm f’wiċċ l-ilma u f’nofs l-ilma bil-kelma t’Alla; u permezz taʼ dawn, id-dinja taʼ dak iż-żmien inqerdet meta ġiet mgħarrqa bl-ilma. Imma bl-istess kelma, is-smewwiet u l-arta t’issa huma merfugħin għan-nar u qed jinżammu għal jum il-ġudizzju u l-qerda taʼ nies bla devozzjoni lejn Alla.”—2 Pietru 3:5-7.
Għix skont il-livelli morali t’Alla. Dawk li jixtiequ jsalvaw fit-tmiem se jagħmlu “atti taʼ kondotta qaddisa u għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla,” kif kiteb Pietru. (2 Pietru 3:11) Innota li Pietru jenfasizza l-“atti taʼ kondotta qaddisa” u l-“għemejjel taʼ devozzjoni lejn Alla.” Għalhekk, hemm iktar involut milli sempliċement ngħidu li nemmnu jew li nagħmlu sforz fl-aħħar minuta biex ikollna relazzjoni m’Alla.
Liema atti u għemejjel speċifiċi huma aċċettabbli għal Alla? Għala ma tqabbilx dak li taf maʼ dak li tgħallem il-Bibbja dwar dan is-suġġett? Ix-Xhieda taʼ Ġeħova se jieħdu gost jgħinuk. Staqsihom juruk mill-Bibbja tiegħek il-bażi għat-tweġibiet tagħhom. Jekk tagħmel dan tistaʼ tassew tiġi megħjun tiffaċċja l-futur bil-kuraġġ u l-fiduċja, minkejja l-affarijiet taʼ madwarna li jikkaġunaw il-biżaʼ.
[Nota taʼ taħt]
a Hawnhekk Pietru qed jirreferi għall-art b’mod simboliku. B’mod simili, Mosè, wieħed mill-kittieba tal-Bibbja, irrefera għall-art b’mod simboliku. Hu kiteb: “Issa l-art kollha kellha lingwa waħda.” (Ġenesi 11:1) Sewwasew bħalma l-art letterali ma titkellimx “lingwa waħda,” hekk ukoll mhijiex l-art letterali li se tiġi meqruda. Minflok, bħalma jgħid Pietru, huma n-nies mill-agħar li se jinqerdu.
[Kumment f’paġna 7]
L-art mhijiex se tintemm, imma dawk li qed jeqirduha iva