Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Il-Ħabib Tiegħi Għala Weġġagħni?
“Kelli diversi ħbieb . . . Imbagħad għamlu ħbieb maʼ tfajla oħra, u meta kont immur ħdejhom, kienu jieqfu jitkellmu. . . . Bdew iħalluni barra f’kollox. Ħassejtni verament imweġġgħa.”—Karen.a
TISTAʼ tiġri lill-iktar ħbieb intimi. Illum inseparabbli, l-għada lanqas biss jitkellmu. “Ħabib suppost li jkun xi ħadd li tistaʼ sserraħ fuqu u tafdah, xi ħadd li tistaʼ ddur lejh jiġri x’jiġri,” tgħid Nora, li għandha 17-il sena. Iżda, xi drabi, l-aqwa ħabib tiegħek jistaʼ jibda jġib ruħu daqs li kieku kien l-akbar għadu tiegħek.
Il-Ħbiberija taħt Attakk
X’inhu li jġiegħel ħbiberija sabiħa tibred? Fil-każ taʼ Sandra, l-inkwiet beda meta ħabibitha Megan issellfet wieħed mill-flokkijiet favoriti tagħha. “Meta tathuli lura,” tgħid Sandra, “kien maħmuġ u kellu l-komma ftit imqattgħa. Lanqas biss qaltli, bħallikieku ma kontx se ninduna.” Sandra kif ħassitha dwar in-nuqqas taʼ ħsieb min-naħa taʼ Megan? “Irrabjatni ħafna b’dak li għamlet,” tgħid hi. “Ħassejt li ma kellha ebda rispett għall-affarijiet tiegħi . . . jew għas-sentimenti tiegħi.”
Tistaʼ tħossok imweġġaʼ wkoll jekk xi ħabib tal-qalb jgħid jew jagħmel xi ħaġa li ġġagħlek tistħi. Hekk ġralha Cindy meta qalet lil grupp minn sħabha taʼ l-iskola li kienet għadha ma qratx ktieb li kellha tikteb rapport dwaru. F’daqqa waħda, ħabibitha Kate bdiet iċċanfarha. “Waqqgħetli wiċċi l-art quddiem ċorma minn sħabna,” tiftakar Cindy. “Kont irrabjata ħafna għaliha. L-affarijiet inbidlu ħafna wara dan.”
Xi drabi l-ħbieb jiġġieldu sew meta xi ħadd minnhom jibda jqattaʼ l-ħin maʼ ħbieb ġodda. “Kelli ħabiba tal-qalb li ssieħbet maʼ klikka żgħira,” tgħid Bonnie, li għandha 13-il sena. “Kien hawn li bdiet tinjorani.” Jew jistaʼ jkun li tibda tinduna li hemm raġunijiet oħra għala ħabib jagħmilha miegħek. “Jien u Bobby konna ħbieb kbar,” jgħid Joe, li għandu 13-il sena. “Kont naħseb li kien ħabib tiegħi għax kienet togħġbu l-personalità tiegħi, imma skoprejt li dan kien biss għax missieri jaħdem fil-qasam taʼ l-irreklamar, u b’hekk dejjem setaʼ jikseb il-biljetti għal xi logħba jew xi kunċert u jkollu post tajjeb.” Joe kif iħossu issa? “Qatt ma se nafdah iktar lil Bobby!” jgħid hu.
Xi drabi jistaʼ jkun il-każ li ħabib jikxef xi informazzjoni li int ridtha tibqaʼ kunfidenzjali. Allison, per eżempju, tkellmet maʼ ħabibitha Sara dwar problema persunali li kellu wieħed mill-kollegi tax-xogħol. L-għada Sara semmiet il-kwistjoni proprju quddiem dan il-kollega. “Qatt ma kont nimmaġina li kienet tpaċpaċ daqshekk!” tgħid Allison. “Kont tassew irrabjata għaliha.” Rachel, li għandha 16-il sena, kellha esperjenza simili meta ħabiba tal-qalb kixfet xi ħaġa li huma t-tnejn kienu ddiskutew fil-privat. “Ħassejtni nistħi u traduta wkoll,” tgħid Rachel. “Ħsibt bejni u bejn ruħi, ‘Kif qatt nistaʼ nerġaʼ nafda xi ħaġa magħha?’”
Ħbiberija tistaʼ tkun sors t’appoġġ emozzjonali, speċjalment meta jkun hemm sens taʼ tħassib, fiduċja, u rispett lejn xulxin. Madankollu, saħansitra ħbiberiji intimi jistgħu jgħaddu minn perijodi diffiċli. Il-Bibbja tosserva apertament: “Hemm ħbieb taʼ l-isem biss.” (Proverbji 18:24) Tkun xi tkun ir-raġuni, jistaʼ jkun xokk kbir għalik meta tħoss li tkun ġejt tradut minn xi ħabib. Dan għala jiġri?
Għala l-Ħbiberiji Jisfaxxaw
Ebda relazzjoni umana—sew jekk bejn iż-żgħażagħ u sew jekk bejn l-adulti—m’hija ħielsa mill-problemi. Wara kollox, huwa eżatt bħalma kiteb id-dixxiplu Ġakbu: “Aħna lkoll niżbaljaw, u taʼ sikwit; jekk xi ħadd ma jiżbaljax f’dak li jgħid, dan ikun perfett, kapaċi jrażżan ġismu kollu.” (Ġakbu 3:2; 1 Ġwann 1:8) Ladarba kulħadd jiżbalja, għandek tistennieha li xi darba jew oħra xi ħabib se jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġgħek. Għandek mnejn saħansitra tiftakar xi darba meta int ukoll weġġajt lil dik il-persuna. (Koħèlet 7:22) “Aħna lkoll imperfetti, u xi kultant żgur li se nagħmlu xi ħaġa li biha ndejqu lil xulxin,” tgħid Lisa, li għandha 20 sena.
Minbarra l-imperfezzjoni umana, hemm fatturi oħra li jistgħu jkunu involuti. Ftakar, hekk kif tikber iktar u timmatura, hemm it-tendenza li l-affarijiet li tieħu gost tagħmel—kif ukoll l-affarijiet li jieħdu gost jagħmlu ħbiebek—jinbidlu. B’hekk, tnejn min-nies li darba kellhom ħafna affarijiet komuni bejniethom jistgħu jsibu li bil-mod il-mod imma b’pass kontinwu qed jitbegħdu minn xulxin. Waħda adolexxenti lmentat dwar l-aqwa ħabiba tagħha: “M’għadniex inċemplu lil xulxin taʼ spiss, u meta nitkellmu, bilkemm għadna naqblu fuq xi ħaġa.”
M’għandniex xi ngħidu, li sempliċement titbegħdu minn xulxin hija ħaġa li tistaʼ tifhimha. Imma xi nies għala jweġġgħu lil ħbiebhom? Taʼ spiss ikun hemm l-għira fin-nofs. Per eżempju, jistaʼ jkun li xi ħabib jibda jinkedd minħabba t-talenti tiegħek jew minħabba dak li jirnexxilek twettaq. (Qabbel Ġenesi 37:4; l-1 Samwel 18:7-9.) Bħalma tistqarr il-Bibbja, ‘l-għira tħassar l-għadam.’ (Proverbji 14:30) Din tkebbes l-invidja u l-ġlied. Ikun x’ikun li jikkaġuna dan, x’tistaʼ tagħmel jekk xi ħabib iweġġgħek?
Kif Tagħmel Paċi
“L-ewwel,” tgħid Rachel, “noqgħod nosserva lil dak li jkun u nipprova niskopri jekk dak li għamel, jew għamlet, kienx apposta.” Meta tkun vittma taʼ xi kelma jew azzjoni li tħoss li offendietek, tirreaġixxix sempliċement skond l-emozzjoni tal-mument. Minflok, uri paċenzja u aħseb fil-fond dwar il-kwistjoni. (Proverbji 14:29) Jekk tirreaġixxi bla ma taħsibha xejn meta tħoss li saritlek offiża, dan verament se jtejjibha s-sitwazzjoni? Wara li tikkunsidra l-affarijiet, għandek mnejn tagħżel li ssegwi l-parir taʼ Salm 4:5 [4:4, NW]: “[“Kunu aġitati,” NW] . . . u la tidinbux; aħsbu f’qalbkom billejl, u isktu!” Imbagħad forsi tagħżel li tħalli “l-imħabba tgħatti kotra taʼ dnubiet.”—1 Pietru 4:8.
Xi ngħidu, iżda, jekk tħoss li sempliċement ma tistax tħalli l-imġiba li weġġgħetek tibqaʼ għaddejja? F’dan il-każ, l-aħjar ħaġa għandha mnejn tkun li tmur fuq il-persuna u tkellimha. “Iltaqgħu flimkien, intom it-tnejn biss, u ċċaraw dak li ġara,” jgħid Frank, li għandu 13-il sena. “Jekk ma tagħmilx hekk, se tibqaʼ żżomm fil-komma.” Susan, li għandha 16-il sena, taħsibha l-istess. “L-aħjar ħaġa li tagħmel,” tgħid hi, “hi li tgħidilhom li kont tafdahom, imma huma ddiżappuntawk.” Jacqueline ukoll tippreferi tittratta kwistjonijiet bħal dawn fuq bażi persunali. “Nipprova nitkellem apertament dwar il-kwistjoni,” tgħid hi. “Normalment, l-individwu jitkellem b’mod sinċier miegħek u tkun tistaʼ ssolvi l-problema tistaʼ tgħid dak il-ħin stess.”
M’għandniex xi ngħidu, trid toqgħod attent li ma tmurx tkellem lill-ħabib tiegħek meta tkun fis-saħna. Il-Bibbja tistqarr: “Min jagħdab ħafna jġib l-inkwiet, min jimxi bis-sabar isikket il-ġlied.” (Proverbji 15:18) Għalhekk, stenna sakemm tikkalma qabel ma tipprova ssolvi s-sitwazzjoni. “Għall-ewwel tkun irrabjat ħafna,” tammetti Lisa, “imma trid tagħti ċans lilek innifsek tikkalma. Stenna sakemm ma tkunx għadek inkorlat għal dak li jkun. Imbagħad tkun tistaʼ tmur tkellmu u toqgħod bil-qegħda miegħu, u tiddiskutu l-affarijiet bil-kwiet.”
L-iktar kelma importanti hawnhekk hi “bil-kwiet.” Ftakar, l-iskop tiegħek m’huwiex li tagħti xebgħa lsien lil ħabibek. Huwa li tissetilja l-kwistjoni fi spirtu taʼ ħbiberija, u jekk inhu possibbli, li terġgħu ssiru ħbieb bħal qabel. (Salm 34:15 [34:14, NW]) Għalhekk, tkellem mill-qalb. “Tista tgħid, ‘Jien ħabibek, u int ħabibi; imma nixtieq biss li nkun naf x’ġara,’” tissuġġerixxi Lisa. “Hemm bżonn li tkun taf ir-raġuni għala saret l-azzjoni. Ladarba tkun tafha, normalment ma jkunx daqshekk diffiċli li taċċettaha.”
Jekk tipprova tirritalja, forsi billi tqasqas dwar dak li jkun u tipprova tinfluwenza lil oħrajn biex iżommu miegħek, żgur li se tagħmel ħażin. L-appostlu Kristjan Pawlu kiteb lir-Rumani: “Troddu lil ħadd deni b’deni.” (Rumani 12:17) Fil-fatt, tkun weġġajt kemm tkun weġġajt, l-affarijiet se jkomplu jiggravaw jekk tirritalja. “Billi tivvendika ruħek ma se tieħu xejn,” tgħid Nora, “għax imbagħad qatt ma terġgħu ssiru ħbieb.” B’kuntrast, hi żżid li jekk tagħmel l-aħjar tiegħek biex tirranġa r-relazzjoni, dan “iġagħlek tħossok persuna aħjar.”
Imma xi ngħidu jekk il-ħabib tiegħek ma jirreaġixxix għall-attentati tiegħek biex tirrikonċiljaw? F’dan il-każ, ftakar li l-ħbiberiji m’humiex kollha xorta. “Mhux kull ħabib hu ħabib tal-qalb,” tgħid Judith McCleese, waħda li tagħti pariri dwar il-familja. “Tgħallem li jistaʼ jkollok tipi differenti taʼ relazzjonijiet.” Minkejja dan, għall-inqas tistaʼ tħossok imfarraġ bil-fatt li tkun għamilt dak kollu li stajt biex jerġaʼ jkun hemm il-paċi bejnietkom. L-appostlu Pawlu kiteb: “Jekk jistaʼ jkun, sakemm ikun ġej minnkom, għixu fil-paċi maʼ kulħadd.” (Korsiv tagħna.)—Rumani 12:18.
Anki l-aqwa ħbiberiji jgħaddu minn xi kriżi xi darba jew oħra. Jekk jirnexxilek tgħaddi minnha mingħajr ma tħalliha tħassarlek l-opinjoni tiegħek dwar oħrajn jew l-istima li għandek tiegħek innifsek, dan hu sinjal li int qed tipprogressa lejn li ssir adult matur. Għalkemm xi wħud jistgħu jkunu “ħbieb taʼ l-isem biss,” il-Bibbja tassigurana wkoll li jeżisti “ħabib tassew [li] jintrabat miegħek aktar minn ħuk.”—Proverbji 18:24.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet f’dan l-artiklu ġew mibdulin.
[Stampi f’paġna 15]
Tistaʼ tirbaħ lura lil ħabibek billi titkellem miegħu dwar dak li ġara