X’Sar Minnu ċ-Ċkejken Peter?
MINN KORRISPONDENT TAʼ STENBAĦ! FL-EKWADOR
FIL-ĦARĠA taʼ l-Awake! tat-22 t’Awissu, 1970, deher artiklu intitolat “Operazzjoni tal-Qalb Mingħajr Trasfużjoni tad-Demm.” Kien rakkont dwar dak li għadda minnu wieħed tifel Kanadiż taʼ sebaʼ snin jismu Peter, li kellu bżonn operazzjoni fl-1963 biex jibqaʼ ħaj.
It-tabib tal-familja taʼ Peter kien qalilhom li kien hemm mod kif jistaʼ jissewwa l-valv taʼ qalbu li kien difettuż. Imma meta l-ġenituri taʼ Peter ħaduh għand speċjalista u staqsewh jekk l-operazzjoni setgħetx issir mingħajr demm, it-tabib wieġeb: “Le. Assolutament impossibbli. Naf x’jien ngħid.”
Il-ġenituri taʼ Peter ma qatgħux qalbhom. Baqgħu jfittxu sakemm fl-aħħar sabu professur li kien lest jagħmel l-operazzjoni mingħajr l-użu tad-demm. X’ġara? Għalkemm Peter baqaʼ ħaj wara l-operazzjoni, lill-ġenituri tiegħu qalulhom li ż-żmien biss għad jagħti parir dwar jekk il-proċedura li ntużat kinitx irnexxiet jew le. Allura, x’sar minnu ċ-ċkejken Peter?
Meta Peter kellu 13-il sena, hu u l-familja tiegħu marru joqogħdu fl-Ekwador, ġewwa l-Amerka t’Isfel, biex jaqdu fejn kien hemm ħtieġa għal iktar predikaturi taʼ l-aħbar tajba tas-Saltna. (Mattew 24:14) Peter tgħammed meta kellu 15-il sena u sar pijunier regulari (evanġelizzatur full-time) meta għalaq 18. Taʼ 26 sena sar pijunier speċjali u beda jaqdi f’raħal li jinsab 3,000 metru ’l fuq mil-livell tal-baħar ġewwa l-Andes. Fl-1988, taʼ 31 sena, Peter, flimkien maʼ martu Isabel, beda jaqdi bħala rappreżentant tal-Watch Tower Society li jivvjaġġa minn post għall-ieħor. Hu għadu jaqdi f’din il-kariga sal-lum, iżur kongregazzjoni differenti kull ġimgħa biex jinkuraġġihom.
Tabilħaqq, Peter qed jgħix ħajja attiva ħafna, mingħajr ma kellu bżonn jagħmel xi operazzjoni oħra. Kemm hu grat hu u eluf taʼ Xhieda oħrajn għall-kooperazzjoni taʼ diversi tobba u professuri bravi li wrew rispett lejn id-drittijiet tal-pazjenti tagħhom!
[Stampa f’paġna 23]
Peter meta kellu sebaʼ snin, ftit wara l-operazzjoni
[Stampa f’paġna 23]
Peter u Isabel Johnston illum