Il-Marda taʼ Huntington—Traġedja Ġenetika li Tajjeb li Tifhimha
“Meta żżewwiġna jien u Johnny, verament ħsibt li se ngħixu kuntenti għal dejjem. Imma bil-mod il-mod żewġi, li kellu natural tant ħelu u ġentili, beda jagħmel bidla radikali fil-personalità tiegħu. Anki beda jinfaqaʼ f’rabja vjolenti u bla kontroll. Maż-żmien, Johnny kellu jittieħed fi sptar tal-moħħ fejn, wara xi żmien, miet. Snin wara sirna nafu li l-ħaġa misterjuża li kellu kellha isem—il-marda taʼ Huntington.” —Janice.
HEMM eluf taʼ nies mad-dinja kollha li jsofru mill-marda taʼ Huntington (HD, għal Huntington’s disease), marda ġenetika li teffettwa s-sistema nervuża ċentrali. Peress li l-HD tintiret, spiss tolqot lil iktar minn membru wieħed tal-familja. “Mindu miet Johnny,” tgħid Janice, “tlift erbgħa minn uliedi—tliet subien u tifla—minħabba l-marda taʼ Huntington, u tlieta min-neputijiet għandhom ukoll din il-marda. Donni lanqas inkun ilħaqt bkejt it-telfa taʼ membru wieħed tal-familja li ma jasalx il-waqt li jkolli nibki t-telfa taʼ xi ħaddieħor.”
Mhux taʼ b’xejn li l-HD ġiet deskritta bħala “li tkun qed tgħix ħolma kerha,” mhux biss għal min ikollu l-marda imma wkoll għal min ikollu jieħu ħsieb il-marid.a X’inhi sewwa sew l-HD? Kif jistaʼ wieħed jgħin lil min għandu din il-marda, u lil dawk li jieħdu ħsiebhom?
Is-Sintomi
Il-marda taʼ Huntington—li ssemmiet għal Dr. George Huntington, li fl-1872 kien l-ewwel wieħed li ddeskriva s-sintomi taʼ din il-marda—toħloq sintomi sottili fil-personalità u fl-imġiba li jibdew isiru iktar qawwija hekk kif il-marda tidħol iktar ’il ġewwa. Dawn ivarjaw minn bidliet fil-burdata u nervi kbar għal dipressjoni u tfaqqigħ vjolenti taʼ rabja. Dawk li jbatu minnha jistgħu anki jħossu ġbid involontarju f’ġisimhom u nuqqas taʼ sodizza f’idejhom u f’saqajhom. Tibda tmajna fihom l-abbiltà li jikkoordinaw l-affarijiet, u dawk li jkollhom din il-marda jibdew isiru dejjem iżjed goffi u bla grazzja. Ma jibqgħux jitkellmu ċar. Jibdew isibuha diffiċli li jibilgħu, u l-memorja u l-konċentrazzjoni jonqsulhom. Affarijiet li darba kienu ħaġa taʼ kuljum—bħal li jitgħallmu, jorganizzaw, u jsolvu l-problemi—issa jsiru xi ħaġa tqila, jekk mhux impossibbli.b
Is-sintomi tal-HD jibqgħu hemm u jsiru iktar qawwija għall-kumplament taʼ ħajjet l-individwu.c Maż-żmien ikollu bilfors jitlaq l-impjieg li jkollu u ma jkunx jistaʼ iktar jieħu ħsieb tiegħu nnifsu. Din spiss tkun daqqa taʼ ħarta kbira għal min għandu l-HD. “Kont nibni d-djar,” jgħid Bill, li għandu l-HD. “Issa ma nagħmel xejn. Inħossni tant vojt u mdejjaq.”
Iva, tistaʼ tkun ħaġa devastanti għal wieħed bl-HD li jara l-qawwiet fiżiċi u mentali tiegħu sejrin mill-ħażin għall-agħar. Hija wkoll ħaġa taʼ qsim il-qalb għall-maħbubin tiegħu li jarawh jinfena minn din il-marda kiefra. X’jistaʼ jsir, mela, biex wieħed jagħti appoġġ lil min għandu l-HD?
Appoġġ għal Min Ibati Minnha
Għalkemm m’hemm ebda fejqan mill-HD, kura medika xierqa għenet lil bosta wħud ikampaw mas-sintomi tagħhom. “Din ma teffettwax in-natura deġenerattiva fit-tul tal-marda,” tgħid Dr. Kathleen Shannon, “imma ttejjeb ferm il-kwalità taʼ ħajjet il-pazjent.”
Per eżempju, xi wħud li għandhom l-HD bbenefikaw minn mediċini li jikkontrollaw il-movimenti spażmodiċi u jnaqqsu d-dipressjoni. L-assistenza taʼ xi espert tad-dieta wkoll tistaʼ tkun t’għajnuna. Għala? Għaliex waħda mill-problemi taʼ min ibati bl-HD hi li jibdew jonqsu fil-piż, u ġeneralment ikollhom bżonn jieklu ikel b’ħafna kaloriji biex iżommu l-piż taʼ ġisimhom stabbli.
B’daqsxejn ħsieb, xi familji rnexxielhom jgħinu lil min ibati bl-HD jaddatta ruħu għal-limitazzjonijiet ġodda. Per eżempju, Monica tistqarr: “Hekk kif missieri beda jsibha diffiċli biex jitkellem, bdejna nfittxu modi kif insiru nafu x’kien qed jitlobna nagħmlulu.” Monica u l-familja tagħha għamlu ktieb żgħir b’paġni tal-kartonċin li jistgħu jinqalgħu mill-ktieb, u fuq kull waħda kien hemm kelma jew stampa. “Lil missieri daħħalnieh f’dan il-proġett,” tgħid Monica. “Hu għenna nagħżlu l-istampi u l-kliem.” B’din l-għodda l-ġdida, missier Monica setaʼ jikkomunika billi jipponta lejn dak li ried jgħid.
Anki meta dak li jkollu l-HD ma jkunx jistaʼ joħroġ mid-dar jew mid-dar residenzjali fejn ikun qed joqgħod, il-kuntatt mal-familja u mal-ħbieb huwa importanti. “Forsi jkun diffiċli żżur lil min hu fi stadju avanzat tal-HD,” tammetti Janice, “imma wliedi kienu japprezzawha ferm kulmeta ħbiebhom kienu jittawlulhom waħda biex iqawwulhom qalbhom.” Jiddispjaċina ngħidu li xi kultant dan l-aspett taʼ l-appoġġ jiġi traskurat. “Xi drabi nħossuna iżolati,” tgħid Beatrice, li żewġha għandu l-HD. “Kieku l-ħbieb imqar jittawlu ftit biex jaraw lil żewġi, tkun tfisser ħafna għalih!”
Meta nqisu kollox, x’inhi l-iktar ħaġa li għandhom bżonn dawk li għandhom l-HD? “Xi ħadd li jifhimna,” jgħid Bobby, wieħed Xhud taʼ Jehovah li jbati minn din il-marda. “L-aħwa Kristjani fil-kongregazzjoni jirrealizzaw li nistaʼ ndum xi ftit biex naqlagħha meta nagħmel xi kumment fil-laqgħa,” iżid hu. “Huma wkoll ma jiħdux għalihom jekk jibdew jaqbduni n-nervi jew naġita ruħi, ladarba jafu li dan hu biss sintomu tal-marda.”
Nappoġġaw lil Min Jieħu Ħsiebhom
M’għandniex xi ngħidu, dawk li jieħdu ħsiebhom jeħtieġu l-appoġġ ukoll, għax iħabbtu wiċċhom maʼ ħafna mumenti t’ansjetà. “Tkun imħassba l-ħin kollu dwar is-sigurtà tiegħu,” tgħid Janice. “Hekk kif il-qagħda tiegħu tkompli teħżien, tħossok mitlufa.”
Jidher ċar li dawk li jieħdu ħsiebhom għandhom bżonn l-inkuraġġiment. Beatrice tispjega mod wieħed kif dan jistaʼ jiġi offrut. “Lir-raġel ma nistax inħallih waħdu,” hija tgħid, “u xi kultant meta jistidnuni xi mkien, ikolli ngħidilhom, ‘Grazzi taʼ l-istedina, imma ma nistax niġi.’ Kemm ikun isbaħ kieku xi ħabiba kellha tgħidli, ‘Tridx jiġi t-tifel żagħżugħ tiegħi jew żewġi biex joqgħod ftit maʼ żewġek?’!” Żgur li min jieħu ħsieb lil xi ħadd bl-HD japprezza konsiderazzjoni u simpatija bħal din!—1 Pietru 3:8.
Hekk kif l-HD tidħol fi stadju avanzat, dak li jieħu ħsieb jaf ikollu bżonn jieħu forsi l-iktar deċiżjoni iebsa minnhom kollha. “Hija ħaġa diffiċli għall-aħħar meta tasal fi stat li jkollok tgħid: ‘Ma nistax nieħu ħsiebek iktar jien,’” tgħid Janice.
Id-deċiżjoni li ddaħħal lil pazjent f’xi faċilità għall-kura hija waħda li min hu Kristjan irid jiżinha bir-reqqa u bit-talb. Il-Bibbja tordna lill-Kristjani biex ‘jieħdu ħsieb nieshom,’ u dan jinkludi li jipprovdu għall-ġenituri tagħhom jew uliedhom li jkunu morda. (1 Timotju 5:8) Wieħed m’għandu qatt ifarfar minn fuq spallejh din ir-responsabbiltà Skritturali sempliċement minħabba l-konvenjenza. Mill-banda l-oħra, jistaʼ jkun hemm ċerti fatturi—inkluż tħassib għas-sigurtà tal-marid—li jagħmlu l-kura professjonali l-iktar triq prattika u taʼ mħabba. Din hi deċiżjoni persunali li trid issir mill-familja u għandha tiġi rispettata mill-oħrajn.—Rumani 14:4.
Tama Ċerta
Il-Bibbja hi b’mod speċjali taʼ faraġ għal dawk li qed jikkumbattu l-HD u mard ieħor bla fejqan. L-Iskrittura tagħti tama b’garanzija li ġejja dinja ġdida li fiha “ħadd minn min jgħammar hemm ma jgħid: ‘Jien marid.’” Iktar minn hekk, il-Bibbja tbassar li ‘z-zopp se jaqbeż bħal għażżiela u lsien l-imbikkma jinħall bil-ferħ.’—Isaija 33:24; 35:6.
Bobby, li ġie kwotat iktar kmieni, isib il-faraġ tiegħu f’din it-tama. “Dan hu l-fejqan li qed infittex,” hu jgħid. “Huwa x-xorta taʼ futur li lil dan kollu se jagħmlu jidher qisu parti mill-passat imbiegħed.”
[Noti taʼ taħt]
a L-HD teffettwa kemm lill-irġiel u kemm lin-nisa. Biex nissimplifikaw l-affarijiet, iżda, se nirreferu għall-marid bħala raġel.
b Is-sintomi tal-HD u r-rapidità tal-progress tagħhom jistgħu jvarjaw ferm minn persuna għall-oħra. Għaldaqstant, is-sintomi deskritti hawn huma preżentati biss b’mod ġenerali u m’humiex intiżi biex iservu bħala kriterju dettaljat biex wieħed jagħraf il-marda.
c Wieħed li għandu l-HD jistaʼ jistenna li jgħix sa bejn 15 u 20 sena minn meta jibdew jidhru s-sintomi, għalkemm hemm min dam jgħix iktar sew minn hekk. F’ħafna każi l-mewt tiġi minn xi pulmunite, ladarba l-individwu ma jkunx jistaʼ jisgħol tajjeb biżżejjed biex ineħħi l-infezzjonijiet minn sidru.
[Kaxxa f’paġna 21]
Li Tiret l-HD—Tgħolli s-Sold b’Mod Ġenetiku
Kulmin għandu missieru jew ommu bl-HD għandu 50 fil-mija ċans li jiritha l-marda. Għaliex?
Int għandek 23 par kromożoni ppakkjati f’kull ċellula taʼ ġismek. Membru wieħed taʼ kull par ġie minn missierek, l-ieħor ġie mingħand ommok. Ejja ngħidu, mela, li missierek għandu l-HD. Ladarba se jgħaddi wieħed biss miż-żewġ kromożoni tiegħu u ladarba wieħed biss minnhom it-tnejn hu bil-ħsara, iċ-ċans li int tiret l-HD hu bħal meta qisek tgħolli s-sold b’mod ġenetiku.
Peress li s-sintomi tal-HD ġeneralment ma jibdewx jidhru sakemm wieħed ikollu bejn 30 u 50 sena, wieħed li jbati mill-HD xi drabi jkun diġà għandu t-tfal meta hu nnifsu jsir jaf li għandu din il-marda.
[Kaxxa f’paġna 22]
Tgħidlu jew Le
Meta t-tabib jintebaħ li wieħed għandu l-HD, x’għandu wieħed jgħidlu lill-pazjent? Xi membri tal-familja jibżgħu li l-marid ma jkunx jiflaħ jismaʼ li għandu marda li ma jistax ifiq minnha u li se jkompli jmur mill-ħażin għall-agħar. Ma jkunx għaqli, madankollu, li tassumi li ma jkunx irid ikun jaf. “Il-biżaʼ u n-niket tagħna forsi jġagħluna nkunu protettivi żżejjed,” iwissi ktejjeb dwar l-HD, waqt li jżid: “[Dak li għandu l-HD forsi] jħossu mistrieħ li sa fl-aħħar sab spjegazzjoni għal dak kollu li kien sejjer ħażin.” Iktar minn hekk, peress li l-marda hi waħda li tintiret, huwa essenzjali li dawk li għandhom l-HD jkunu jafu r-riskju li jistgħu jgħaddu l-marda lil kull tarbija li jistaʼ jkollhom fil-futur.
[Stampa f’paġna 21]
Janice, li tilfet erbgħa minn uliedha minħabba l-marda taʼ Huntington