Kif Int Tistaʼ Tgħin
“It-tfal dipressi jeħtieġu l-għajnuna. Imma t-tfal ma jistgħux isibu l-għajnuna waħedhom. L-ewwelnett adult irid jagħraf il-problema u jiħodha bis-serjetà. Din hija l-parti diffiċli.”—It-Tabib Mark S. Gold.
X’TISTAʼ tagħmel jekk tibda tissuspetta li l-adolexxent tiegħek huwa dipress? L-ewwelnett, taqbadx u tagħmilha fatta. Fuq kollox, is-sintomi jistgħu juru li għandu xi ħaġa totalment differenti.a Iżjed minn hekk, iż-żgħażagħ kollha minn żmien għall-ieħor jgħaddu minn perijodi meta jkunu jbatu bil-burdati. Imma jekk jibqgħu jħossuhom hekk u jidher li l-burdata ħażina tkun damet għal iktar minn ftit żmien biss, l-aħjar ħaġa tistaʼ tkun li jaraw tabib. F’dan ir-rigward, ikun tajjeb li żżomm f’moħħok il-kliem taʼ Ġesù: “It-tabib ma jeħtiġuhx dawk li huma f’saħħithom, iżda l-morda.”—Mattew 9:12.
Bl-onestà kollha, agħti lit-tabib tiegħek l-informazzjoni kollha t’għajnuna li tistaʼ, inkluż xi tibdil li seħħ dan l-aħħar fil-ħajja taʼ l-adolexxent li jistaʼ jkun qed iġagħlu jħossu daqstant bla saħħa. Kun ċert li t-tabib iqattaʼ biżżejjed ħin jismaʼ dwar is-sintomi qabel ma jagħmel dijanjosi taʼ x’inhi l-marda. “Huwa impossibbli li tiġbor l-informazzjoni neċessarja kollha biex teżamina kompletament lil [adolexxent] f’sessjoni waħda taʼ għoxrin minuta,” iwissi t-Tabib David G. Fassler.
Iżżommx lura milli tistaqsi lit-tabib kwalunkwe ħaġa li trid tkun taf. Per eżempju, jekk it-tabib iħoss li l-adolexxent tiegħek għandu dipressjoni klinika, forsi tistaʼ tistaqsih għala ma jaħsibx li għandu xi mard ieħor. Jekk ikollok dubji dwar id-dijanjosi li għamel it-tabib, għidlu li tixtieq tieħu opinjoni oħra. Żgur li l-ebda tabib sinċier u taʼ l-affari tiegħu ma se jipprova jfixklek milli tagħmel dan.
Kif Taċċetta s-Sitwazzjoni
Jekk l-adolexxent tiegħek għandu dipressjoni klinika, tistħix bis-sitwazzjoni. Il-fatt hu li d-dipressjoni tistaʼ tolqot lill-aħjar żgħażagħ. Tabilħaqq, il-Bibbja turi li xi wħud li stinkaw bl-aħjar mod biex jaqdu lil Alla batew minn emozzjonijiet taʼ wġigħ, kienet x’kienet l-età tagħhom. Ikkunsidra lil-leali Ġob, li ħassu abbandunat minn Alla, u għalhekk esprima l-istmerrija tiegħu għall-ħajja. (Ġob 10:1; 29:2, 4, 5) Anna kienet qaddejja t’Alla li tant kellha “qalbha kollha mrar” li ma setgħetx tiekol. (1 Samwel 1:4-10) Imbagħad kien hemm ir-raġel Ġakobb tant devot lejn Alla, li tnikket għal ħafna jiem wara l-mewt taʼ ibnu u “ma riedx jaf b’faraġ.” Tant hu hekk li Ġakobb saħansitra esprima x-xewqa tiegħu li jingħaqad maʼ ibnu fil-qabar! (Ġenesi 37:33-35) Għaldaqstant, l-uġigħ emozzjonali ma jkunx dejjem ġej minn dgħjufija spiritwali.
Minkejja dan, id-dipressjoni f’adolexxent tistaʼ tikkaġuna ħafna tbatija lill-ġenituri. Omm waħda tfajla adolexxenti dipressa tgħid li trid toqgħod attenta ferm għal dak li tgħid u tagħmel. Hi tgħid: “Ninsab inkwetata, imbeżżgħa, sirt ġellieda, irrabjata, u mifnija.” Omm oħra tammetti: “Kont noħroġ u nilmaħ xi omm iddur il-ħwienet maʼ bintha żagħżugħa u qalbi kienet tinqasam għax kont inħoss li tlift din [l-opportunità maʼ binti] u qatt ma se terġaʼ tiġini.”
Huwa normali li wieħed iħossu hekk. Iżda xi kultant l-individwu jħoss li ma jkunx jistaʼ jiflaħ iktar. Jekk jiġrilek hekk, għala ma tiftaħx qalbek maʼ xi ħadd li tafda? Proverbji 17:17 jgħid: “Il-ħabib iħobbok kull ħin, bħal ħuk imwieled għal żmien l-hemm.” Ukoll, tittraskurax it-talb. Il-Bibbja tiżgurana li jekk nitfgħu t-tagħbija tagħna fuq Alla, hu se jwiżinna.—Salm 55:22, Karm Żammit.
It-Tendenza li Tintefaʼ l-Ħtija fuq Xi Ħadd
Ħafna ġenituri taʼ adolexxenti dipressi jiskuraġġixxu ruħhom ferm u jħossu li b’xi mod jew ieħor huma jaħtu għal dak li ġara. “Meta t-tfal tiegħek ikunu dipressi,” jammetti ġenitur, “bilfors tħossok ħati u ħadd ma jistaʼ jikkonvinċik mod ieħor. Il-ħin kollu tistaqsi lilek innifsek, ‘X’għamilna ħażin? Meta seħħet il-bidla? Jien x’għamilt biex ġara dan?’” Il-ġenituri kif jistgħu jżommu l-ħsieb tagħhom bilanċjat f’dan ir-rigward?
M’hemm l-ebda dubju li jekk ikun hemm atmosfera ħarxa fid-dar, it-tfal jistgħu jiġu effettwati bl-ikrah. Għandha raġun il-Bibbja twissi lill-missirijiet: “La ddejjqux lil uliedkom, għax inkella jistgħu jaqtgħu qalbhom.” (Kolossin 3:21) Għalhekk, il-ġenituri jagħmlu tajjeb jekk janalizzaw il-metodi li jużaw fil-mod kif jaġixxu maʼ wliedhom u jirranġaw fejn ikun hemm bżonn. Iżda d-dipressjoni ma tkunx dejjem ir-riżultat tal-fatt li l-ġenituri m’għamlux xogħolhom sew. Fil-fatt, din il-marda tistaʼ tinstab f’familji fejn l-iktar li hemm imħabba. Għaldaqstant, il-ġenituri li qed jagħmlu kulma jistgħu biex jgħinu lil uliedhom, m’għandhomx għalfejn iħossuhom ħatjin.
Huwa daqstant importanti li ma tintefax il-ħtija fuq l-adolexxent dipress. Fuq kollox, l-adolexxent x’aktarx li ma tantx jistaʼ jikkontrollaha d-dipressjoni. “Qatt ma kont se nagħtih tort talli qabdu l-ġidri r-riħ jew il-pulmunite,” tgħid waħda omm. “Imma għad-dipressjoni,” tammetti hi, “hekk għamilt. Tajt it-tort lit-tifel tiegħi talli marad—u nħossni veru mdejqa b’dan.” Jekk il-ġenituri u oħrajn iqisu d-dipressjoni bħala marda minflok dgħjufija, se jgħinhom jikkonċentraw fuq kif jistgħu jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dak li jkun qed ibati biha.
Il-ġenituri t’adolexxent dipress jistgħu jgħaddu minn tensjoni kbira ferm fir-relazzjoni taʼ bejniethom biex irabbuh. “Konna nagħtu t-tort lil xulxin,” tgħid waħda mara, “speċjalment meta konna naħsbu fuq il-ħajja li stennejna li se jkollna, u l-ħajja li kellna minħabba t-tifel tagħna.” Tim, li bintu tbati bid-dipressjoni, jammetti: “Faċli li tagħti t-tort lill-parti l-oħra. Jekk il-ġenituri jkollhom problemi fiż-żwieġ qabel ma wieħed mit-tfal jibda juri sinjali taʼ dipressjoni, l-imġiba inkwetanti tiegħu tistaʼ tkun l-aħħar daqqa taʼ ħarta.” Tħallux id-dipressjoni tat-tfal tikkaġuna firda fiż-żwieġ tagħkom! Tassew, ftit tagħmel ġid jekk twaħħal fik innifsek, fl-adolexxent tiegħek, jew fil-ġenitur l-ieħor. L-iktar importanti hu li tagħti appoġġ lil min qed ibati.
Kif Jingħata l-Appoġġ
Il-Bibbja twiddeb lill-Kristjani: “Lissnu kliem li jikkonsla lill-erwieħ dipressi.” (1 Tessalonikin 5:14, NW) Jekk iż-żagħżugħ dipress ikun mifni b’sentimenti taʼ stima baxxa tiegħu nnifsu, int tistaʼ tgħinu. Kif? Żgur li mhux billi tgħidlu affarijiet li jiġġudikawh bħal, “M’għandekx tħossok hekk” jew, “Għandek attitudni ħażina.” Minflok, stinka biex tifhem kif qed iħossu dak li jkun billi ‘tħoss għalih.’ (1 Pietru 3:8) Pawlu ta l-parir lill-Kristjani biex ‘jibku maʼ min jibki.’ (Rumani 12:15) Ftakar, persuna li b’mod ġenwin hija dipressa, tassew tkun muġugħa. L-uġigħ ma tkunx qed timmaġinah, u lanqas ma tivvintah għas-sempliċi raġuni li tkun trid l-attenzjoni. Wara li toqgħod tismaʼ, ipprova ġiegħel lil dak li jkun qed ibati jħossha faċli li jesprimi ruħu miegħek. Staqsih għala qed iħossu hekk. Imbagħad, bil-ġentilezza u l-paċenzja kollha għin lill-adolexxent jara għala m’għandux raġuni tajba li jkollu stima daqshekk baxxa tiegħu nnifsu. Jekk tiżgurah li Alla jħobbu u jħenn għalih għax qed ibati, jistaʼ jkun li tgħinu jsib serħan mill-inkwiet tiegħu.—1 Pietru 5:6, 7.
Hemm passi prattiċi oħrajn li tistaʼ tieħu. Per eżempju, forsi jkollok bżonn tkun ċert li l-adolexxent dipress qed jieħu mistrieħ, ikel, u eżerċizzju biżżejjed. (Koħèlet 4:6) Jekk it-tabib jordnalu l-mediċina, ikun għaqli li tgħin lill-adolexxent jifhem kemm hu importanti li jiħodha. Qatt taqtaʼ qalbek milli tagħtih l-għajnuna, u qatt tieqaf turih imħabbtek.
Irridu nammettu li d-dipressjoni f’adolexxent tistaʼ tkun esperjenza taʼ niket kbir, kemm għal dak li jbati biha u kemm għall-bqija tal-familja. Fl-aħħar mill-aħħar, il-paċenzja, il-perseveranza, u l-imħabba se jipprovdu l-bażi biex tingħata l-għajnuna lill-adolexxenti dipressi.
[Nota taʼ taħt]
a Skond xi rapporti, ċerti kundizzjonijiet mediċi—inkluż il-mononukleosi, id-dijabete, l-anemija, l-ipotirojdiżmu, u l-ipoglikimja—jistgħu jipproduċu sintomi bħal taʼ dipressjoni.
[Kumment f’paġna 11]
Persuna li b’mod ġenwin hija dipressa, tassew tkun muġugħa. L-uġigħ ma tkunx qed timmaġinah
[kaxxa f’paġna 13]
JEKK INT ADOLEXXENT DIPRESS
M’intix waħdek, u s-sitwazzjoni tiegħek żgur li m’hijiex bla tama. Id-dipressjoni tiegħek jistaʼ jkollha x’taqsam jew maʼ (1) nuqqas taʼ bilanċ bijokimiku jew (2) ċirkustanzi fil-ħajja li għandek ftit jew m’għandek xejn kontroll fuqhom. F’dawn iż-żewġ każi, int m’għandekx x’taħti għall-kundizzjoni tiegħek. Madankollu, x’tistaʼ tagħmel dwarha?
Il-Bibbja tgħid li hemm “ħabib [li] tassew jintrabat miegħek aktar minn ħuk.” (Proverbji 18:24) Għala ma ssibx ħabib bħal dan u tgħidlu dak kollu li qed tħoss? Xi ħadd mill-ġenituri jew xi adult matur ieħor jistaʼ jkun l-akbar ħabib li jgħinek tiġġieled kontra d-dipressjoni.
Jekk il-ġenituri tiegħek jissuspettaw li qed tbati minn dipressjoni klinika, forsi jiħduk għand tabib li għandu l-esperjenza f’li jagħti l-kura taʼ din il-marda. Dan huwa pass għaqli, għax taʼ spiss id-dipressjoni tistaʼ tbatti ħafna jekk tingħata kura, meta tkun tistaʼ ssibha. Per eżempju, meta jkun hemm involut nuqqas taʼ bilanċ kimiku, it-tabib jistaʼ jordnalek xi anti-dipressant. Jekk dan japplika għalik, toqgħodx tistħi jekk ikollok bżonn kura medika. Din sempliċement terġaʼ tpoġġilek il-kimika taʼ ġismek f’bilanċ, u dan jistaʼ jkun il-mezz kif terġaʼ ssib sa ċertu punt il-ferħ f’ħajtek u tieħu ftit ir-ruħ.
Ħafna li jbatu mid-dipressjoni sabu faraġ billi jaqraw il-Bibbja u billi żviluppaw relazzjoni eqreb m’Alla permezz tat-talb. Il-Bibbja tiżgurana: “Qrib il-Mulej lejn dawk b’qalbhom maqsuma, jgħin lil dawk b’ruħhom mifnija.”b—Salm 34:19 [34:18, NW].
[Noti taʼ taħt]
b Għal iktar informazzjoni, ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għandi Ngħid lil Xi Ħadd li Jien Dipress?” li deher fil-ħarġa taʼ Stenbaħ! tat-8 taʼ Novembru, 2000.
[Kaxxa f’paġna 14]
GĦAJNUNA U TAMA GĦAL DAWK LI QED IBATU
Peress li d-dipressjoni hija suġġett komplikat, f’din is-serje qasira t’artikli ma setax jiġi kunsidrat kull aspett taʼ din il-kwistjoni. Madankollu, il-pubblikaturi taʼ Stenbaħ! jinsabu ċerti li l-punti li ħarġu jistgħu jgħinu lill-adolexxenti u lill-ġenituri tagħhom biex jissaportu din il-marda li tixorbilhom saħħithom.
Għandek mnejn innotajt li ħafna mill-gwida li ngħatat fl-artiklu taʼ qabel kienet ibbażata fuq il-Bibbja. Veru li din hija ktieb antik. Però, il-pariri tagħha huma prattiċi llum daqskemm kienu meta nkitbu. Għala? Għax għalkemm iż-żminijiet inbidlu, il-bnedmin għadhom magħmulin l-istess. Aħna niffaċċjaw l-istess kwistjonijiet bażiċi li kienu jiffaċċjaw il-ġenerazzjonijiet taʼ qabilna. Id-differenza hi li llum dawn il-problemi huma akbar u jolqtu lil iżjed nies.
Iżda, hemm raġuni oħra għala l-Bibbja hija prattika ferm: Din hija mnebbħa minn Alla. (2 Timotju 3:16) Bħala l-Ħallieq tagħna, hu jaf x’għandna bżonn sabiex inkunu kemm jistaʼ jkun ferħanin u sodisfatti f’ħajjitna.
M’għandniex xi ngħidu, il-Bibbja m’hijiex xi ktieb għall-istudju tal-mediċina. Għaldaqstant, xorta għandna bżonn infittxu kura xierqa għall-mard, bħad-dipressjoni. Madankollu, il-Bibbja fiha prinċipji li jistgħu jgħinuna nfarrġu lil min ikun qed ibati. Iżjed minn hekk, fiha l-wegħda t’Alla li hu dalwaqt se jfejjaq il-mard kollu tagħna. (Salm 103:3) Iva, Jehovah għandu l-iskop li ‘jqawwi l-qalb miksura.’—Isaija 57:15.
Tixtieq titgħallem iżjed dwar din it-tama taʼ l-għaġeb? Jekk jogħġbok ikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fil-lokal tiegħek jew ikteb fl-indirizz xieraq f’paġna 5 taʼ din ir-rivista.
[Stampa f’paġna 10]
Stinka biex tħoss għal dak li jkun
[Stampa f’paġna 11]
Jekk l-adolexxent jibqaʼ għaddej minn burdata dipressanti, ikun għaqli li jara tabib
[Stampi f’paġna 12]
Bħala ġenitur, tgħaġġilx biex twaħħal fik innifsek, fil-ġenitur l-ieħor, jew fl-adolexxent