LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 9/8 pp. 15-17
  • Il-Kolonni tal-Blat Immensi taʼ Meteora

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Il-Kolonni tal-Blat Immensi taʼ Meteora
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Ifformaw
  • Monasterji fl-​Ajru
  • Vetrina Kulturali Rikka
  • Il-​muntanja Sinaj Ġawhra Fid-​Deżert
    Stenbaħ!—1999
  • Bini Antik Juri l-Isem t’Alla
    Stenbaħ!—2004
Stenbaħ!—2001
g01 9/8 pp. 15-17

Il-​Kolonni tal-​Blat Immensi taʼ Meteora

“Ma jistaʼ jkun hemm xejn iktar stramb u meraviljuż minn dan ir-​reġjun romantiku, li la qabel u lanqas wara ma rajt xi ħaġa bħalu. Fi . . . kwalunkwe reġjun muntanjuż ieħor li mort, m’hemm assolutament xejn li jistaʼ jiġi mqabbel maʼ dawn il-​qċaċet straordinarji.”—Robert Curzon, vjaġġatur Ingliż, 1849.

M’AĦNIEX lesti għall-​ispettaklu taʼ l-​għaġeb li naraw hekk kif noqorbu lejn il-​belt taʼ Kalabáka u r-​raħal viċin tagħha taʼ Kastráki fil-​pjanura taʼ Tessalja, il-​Greċja. Hawnhekk hawn “foresta” tal-​ġebel b’iktar minn 20 kolonna taʼ blat enormi—ġungla taʼ blat iżolat u wieqaf li jibqaʼ tielaʼ ’l fuq mijiet taʼ metri. Il-​qċaċet tagħhom huma inkurunati b’monasterji b’galleriji taʼ l-​injam u b’soqfa gwarniċjati.

Din hi l-​Meteora tal-​Greċja, fejn blat naturali uniku ngħaqad flimkien maʼ sforz uman li ma jitwemminx. “Meteora”—minn kelma Griega li tfisser “imtellaʼ ’l fuq mill-​art”—tirreferi għal dan il-​grupp taʼ kolonni tal-​blat iżolati u għal iktar minn 30 monasterju li hemm mibnijin fuqhom. Il-​medja taʼ l-​għoli taʼ dan il-​blat hija taʼ 300 metru, u l-​ogħla waħda tibqaʼ tielgħa madwar 550 metru ’l fuq mill-​art.

Hekk kif inkomplu noqorbu, id-​dellijiet taʼ dan il-​blat immens qegħdin jitwalu. Il-​pajsaġġ taʼ din id-​dinja stramba qiegħed dejjem jinbidel hekk kif ix-​xemx titfaʼ dellijiet differenti fuq il-​blat. Fix-​xitwa, meta s-​silġ jiksi kullimkien bħal tapit abjad, tispikka fuqu s-​swidija u l-​għera taʼ dan il-​blat enormi.

Kif Ifformaw

Kien hemm ħafna spekulazzjonijiet dwar kif ifforma l-​blat tal-​Meteora. Ħafna jemmnu li miljuni taʼ snin ilu, il-​pjanura fejn hemm il-​Meteora kienet mgħarrqa taħt għadira kbira ħafna fil-​qalba tal-​pajjiż. Waħda mit-​teoriji tgħid li kien hemm bidla ġeoloġika enormi li b’xi mod ġagħlet dan il-​blat jaqbeż ’il barra. Ir-​rivista Experiment tispjega li xi ġeologi jemmnu li “dan il-​blat ħa l-​forma li għandu llum bejn is-​sena 2000 u s-​sena 1000 Q.E.K.”

Robert Curzon, li kkwotajnieh fil-​bidu taʼ l-​artiklu, kiteb dwar il-​Meteora: “Donnu t-​tarf taʼ ringiela t’għoljiet kollhom blat tkisser b’xi terremot jew inġarr bid-​Dilluvju, u baqaʼ biss serje taʼ . . . blat qisu labar, għoli, irqiq, u lixx.” Taʼ interess, il-​mitoloġija Griega antika wkoll torbot il-​formazzjoni tal-​muntanji f’Tessalja maʼ għargħar, jew dilluvju, miġjub mill-​allat.—Ġenesi 6:​1–​8:​22.

Monasterji fl-​Ajru

Hi x’inhi l-​ispjegazzjoni ġeoloġika għall-​Meteora, dan il-​blat ilu jiġbed l-​attenzjoni sa mid-​disaʼ seklu E.K. Persuni li jħobbu jitilgħu l-​muntanji, u li llum jitilgħu mal-​blat tal-​Meteora b’apparat speċjali, forsi jistgħu japprezzaw iktar il-​ħila taʼ dawk l-​ewwel eremiti reliġjużi li għexu fl-​għerien u fix-​xquq fil-​blat. Kif inbnew il-​monasterji fuq il-​qċaċet taʼ dan il-​blat li kważi ma jistax jintlaħaq għadu s-​suġġett taʼ diskussjonijiet twal.

Kif kienu jagħmlu fiż-​żminijiet bikrin biex jitilgħu u jinżlu mill-​monasterji għoljin tagħhom? Sewwa, bħalma jgħid il-​ktieb Meteora​—The Rock Monasteries of Thessaly, ‘huma setgħu jew jixxabbtu mas-​slielem taʼ l-​injam li kienu jiġu mdendlin minn fuq l-​irdum jew inkella jiġu mtellgħin ġo xibka li kienet titniżżel permezz taʼ taljola li kien ikun hemm fuq fil-​monasterju. Fiż-​żewġ każi, il-​viżitatur kellu jafda fil-​bonafidi tal-​patrijiet u l-​inġinerija dubjuża tagħhom.’ Meta ġie mistoqsi kemm-il darba kienu jbiddlu l-​ħabel li kien iżomm ix-​xibka, wieħed li qabel kien abbati jingħad li qal: ‘Meta jinqataʼ biss.’ Kien imbagħad fl-​1925 li ġew imħaffrin turġien fil-​blat biex jiffaċilitaw l-​aċċess.

L-ewwel eremiti reliġjużi li telgħu fuq dawn il-​kolonni kienu Varnavas, f’xi żmien bejn is-​sena 950 u s-​sena 965 E.K., u Andronikos minn Kreta, fis-​sena 1020. Wara ġew patrijiet oħrajn minn kull parti taʼ Biżanzju, bir-​riżultat li l-​għadd taʼ djar monastiċi fuq il-​qċaċet tal-​blat telaʼ għal 33. Sas-​16 u s-​17-il seklu, il-​komunitajiet kienu fl-​aqwa tagħhom f’dik li hi importanza, imma mbagħad qabdu t-​triq għan-​niżla u minn dak iż-​żmien ’l hawn baqgħu sejrin lura.

“Ħares lejna issa!” esklama l-​abbati taʼ wieħed mill-​monasterji. “Eħħ, . . . iż-​żgħażagħ ma jriduniex iktar!” Tabilħaqq, sitt monasterji biss għadhom miftuħin, u tnejn minnhom joqogħdu fihom is-​sorijiet. Fuq ħafna mill-​blat tal-​Meteora tistaʼ tara diversi monasterji abbandunati.

Vetrina Kulturali Rikka

Illum il-​monasterji fuq il-​blat huma wieħed mill-​iktar postijiet interessanti fuq il-​mappa kulturali tal-​Greċja. Skond l-​Organizzazzjoni Edukattiva, Xjentifika u Kulturali tal-​Ġnus Magħquda, huma teżor uniku taʼ wirt kulturali. Xi ħaġa li l-​Istat tal-​Greċja dan l-​aħħar huwa konċernat ħafna dwarha hija li jħares l-​għana kulturali tal-​Meteora. Uħud mill-​monasterji sarulhom xi tiswijiet u nfetħu għall-​viżitaturi flimkien maʼ xi mużewijiet. X’hemm fihom?

Apparti affarijiet bħal xbihat li tistaʼ ġġorrhom miegħek, ilbies ekkleżjastiku, u manuskritti tal-​mużika, hemm ukoll manuskritti storiċi u rari tal-​Bibbja. Fosthom hemm il-​Kodiċi 591 fuq parċmina, li hu maħsub li nkiteb bejn is-​sena 861 u s-​sena 862 E.K., u li fih taħditiet formali li jinterpretaw il-​ktieb Bibliku taʼ Mattew.

Il-forzi qawwijin tan-​natura ħolqu spettaklu uniku tassew. Jekk qatt xi darba tmur il-​Greċja, għala ma tinkludix il-​Meteora mal-​postijiet li tixtieq iżżur fil-​vjaġġ tiegħek? U kun ċert li jkollok biżżejjed films tar-​ritratti għax se tkun trid tuża l-​kamera tiegħek taʼ sikwit.—Kontribwit.

[Stampi f’paġna 16]

Il-​Monasterju taʼ San Nikola Anapausas

Il-​Monasterju taʼ Rousanou

[Sors]

M. Thonig/H. Armstrong Roberts

[Stampi f’paġna 17]

Il-​Monasterju tat-​Trinità Mqaddsa

Il-​Monasterju tal-​Meteoron il-​Kbira

[Sors]

R. Kord/H. Armstrong Roberts

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 15]

Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.

[Sors taʼ l-​Istampa f’paġna 16]

Sfond: Y. Yannelos/Greek National Tourist Organization

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja