Il-muntanja Sinaj Ġawhra Fid-Deżert
QATT ma se ninsa l-eċċitament li ħassejt l-ewwel darba li rajt il-Muntanja Sinaj tradizzjonali. Hekk kif serripna matul dik il-medda t’art kollha trab u sħuna tal-Peniżola tas-Sinaj fl-Eġittu, għal għarrieda t-taxi tagħna ġiet fil-fetħa wiesgħa tal-Pjanura taʼ er-Raha. Il-faċċata li tispira l-biżaʼ tal-Muntanja Sinaj feġġet f’daqqa waħda mill-art tal-pjanura. Kienet tidher qisha ġawhra, impoġġija fid-deżert. Kemm hi ħaġa eċċitanti meta tqis li din setgħet kienet l-istess muntanja fejn Mosè rċieva l-Liġi mingħand Alla!
Għalkemm għad hemm xi ftit tad-dibattitu dwar il-lok eżatt tal-Muntanja Sinaj Biblika, il-pellegrini ilhom jiġu hawnhekk għal sekli sħaħ għaliex jemmnu li din hi l-muntanja famuża. Sa mit-tielet seklu E.K., kienu jiġu l-axxetiċi, bl-intenzjoni li jiżolaw lilhom infushom għal skop reliġjuż. Fis-sitt seklu, l-Imperatur Biżantin Ġustinjanu I ordna li hawnhekk jinbena monasteru bħal fortizza biex jipproteġi lil dawn l-axxetiċi, kif ukoll biex jassigura preżenza Rumana f’dawn l-inħawi. Dak il-monasteru, li jinsab ħdejn il-bażi tal-Muntanja Sinaj tradizzjonali, issa huwa magħruf bħala l-monasteru taʼ Santa Katerina. Għala ma tiġix miegħi fuq il-vjaġġ lejn il-Muntanja Sinaj?
Nesploraw il-Muntanja
Wara li nivvjaġġaw minn ġol-wied niexef, is-sewwieq Bedwin tat-taxi tagħna jniżżel lili u lil sieħbi eżatt taħt il-monasteru. Ix-xena hija mdawra b’irdumijiet taʼ blat għeri, u l-ħitan tal-monasteru miksijin bis-siġar u l-ġnien kollu ħdura jagħtu dehra pjaċevoli. Imma nibqgħu għaddejjin, minħabba li l-objettiv ewlieni tagħna hu li nitilgħu sal-quċċata tan-nofsinhar u li nikkampjaw hemmhekk għal-lejl. Din il-quċċata, Ġebel Musa, li tfisser il-“Muntanja taʼ Mosè,” hija identifikata tradizzjonalment mal-Muntanja Sinaj.
Mixja taʼ sagħtejn twassalna lejn dik li jsejħulha l-Lenbija taʼ Elija, wied żgħir li jaqsam fi tnejn ix-xifer tal-Muntanja Sinaj li huwa twil 3.218 kilometri. Skond it-tradizzjoni, kien f’għar fil-viċin li Elija semaʼ l-leħen t’Alla. (1 Slaten 19:8-13) Nieqfu nistrieħu taħt siġra taċ-ċipress li għandha 500 sena. Hawnhekk hawn ukoll bir antik. Kemm nieħdu pjaċir b’dak l-ilma ċar u frisk li joffrilna wieħed Bedwin dħuli!
Waqt li nsegwu r-rotta normali tat-turisti, aħna nqattgħu 20 minuta oħra nitħabtu mas-750 tarġa li jwassluna fuq il-quċċata. Hemmhekk insibu knisja żgħira. Il-patrijiet jgħidu li din hi mibnija preċiż fuq il-post fejn Mosè rċieva l-Liġi. Maʼ l-appoġġ tal-knisja hemm qasma fil-blata fejn dawn isostnu li Mosè nħeba meta Alla għadda minn hemm. (Eżodu 33:21-23) Imma l-verità hi li ħadd ma jaf il-lok eżatt taʼ dawn il-postijiet. Hu x’inhu l-każ, id-dehra minn fuqnett hi spettakolari! Nibqgħu nħarsu ċassi lejn ringiela wara l-oħra taʼ muntanji qishom granit aħmar li jibqgħu sejrin wara l-pjanura taʼ taħtna miżgħuda bil-blat. Lejn il-lbiċ hemm Ġebel Katherina, jew il-Muntanja Katerina—li l-quċċata tagħha taʼ 2637 metru hija l-ogħla waħda f’dawn l-inħawi.
Nitilgħu fuq Ras Safsafa, il-Quċċata taʼ Biswitha
Jum ieħor jipprovdilna l-opportunità biex nitilgħu fuq Ras Safsafa, il-quċċata li tinsab fl-istess xifer taʼ 3.218 kilometri taʼ Ġebel Musa. Ras Safsafa hi l-quċċata tat-tramuntana, u hi daqsxejn iktar baxxa minn Ġebel Musa. Ras Safsafa titlaʼ dritt mill-Pjanura taʼ er-Raha, fejn l-Iżraeliti għandhom mnejn ikkampjaw meta Mosè telaʼ biex jirċievi l-Liġi mingħand Jehovah.
Hekk kif nerħulha bil-mixi lejn Ras Safsafa minn ġo pajsaġġ taʼ qċaċet u widien iżgħar, ngħaddu minn ħdejn kappelli, ġonna, u nixxigħat abbandunati—sinjali taʼ żmien meta iktar minn mitt patri u eremita kienu jgħammru hawnhekk f’għerien u ċelel tal-ġebel. Issa għad fadal biss patri wieħed.
Niltaqgħu maʼ dan il-patri waħdu fi ġnien imdawwar b’ċint għoli tal-barbed wire. Waqt li jħallina nidħlu, hu jispjegalna li ilu jaħdem f’dan il-ġnien għal ħames snin, u jinżel fil-monasteru darba fil-ġimgħa biss. Il-patri jagħtina d-direzzjonijiet biex naslu Ras Safsafa, u aħna nserrpu ’l fuq sakemm fl-aħħar, ninsabu ’l fuq mill-qċaċet taʼ madwar. Nistgħu naraw il-fetħa tal-Pjanura taʼ er-Raha taħtna. Partikolarment minn dan il-lok vantaġġuż, nistaʼ nimmaġina li dan hu l-post fejn Mosè telaʼ fuq il-muntanja mill-kamp taʼ l-Iżraeliti biex sab ruħu fil-preżenza t’Alla. Nagħmel stampa f’moħħi tat-tliet miljun Iżraelit miġbura flimkien “biswit il-muntanja” fuq din il-pjanura spazjuża. Inġib quddiem għajnejja lil Mosè nieżel minn irdum fil-qrib, u jġorr f’idejh iż-żewġ twavel bl-Għaxar Kmandamenti miktubin fuqhom.—Eżodu 19:2; 20:18; 32:15.
Sodisfatti li t-taħbit iebes tagħna kien vallapena, aħna nerħulha bil-mod il-mod lura lejn il-kamp tagħna hekk kif tkun nieżla x-xemx. Fid-dawl taʼ ħuġġieġa żgħira, naqraw il-porzjonijiet taʼ Eżodu li jiddeskrivu l-esperjenzi li kellu Mosè hawnhekk, u mbagħad norqdu. Tard l-għada fil-għodu, immorru nħabbtu l-bieb tal-monasteru taʼ Santa Katerina.
Ġewwa l-Monasteru
Il-monasteru taʼ Santa Katerina huwa meqjus bħala wieħed mill-iktar monumenti importanti fil-Kristjaneżmu. Immexxi mill-patrijiet Ortodossi Griegi, dan huwa famuż mhux biss għall-post fejn jinsab imma wkoll għax-xbihat u l-librerija tiegħu. Għall-biċċa l-kbira taʼ l-istorja tiegħu, il-monasteru taʼ Santa Katerina tant kien iżolat li l-wasla taʼ xi viżitaturi kienet tkun xi ħaġa rari u fl-istess ħin ġrajja taʼ min jieħu pjaċir biha. Il-patrijiet kienu jgħannqu lill-mistidnin tagħhom, jagħtuhom bewsa mill-qalb, u saħansitra jaħslulhom saqajhom. Il-mistidnin setgħu joqogħdu jduru liberament maʼ dak il-bini kollu li kien hemm wara l-ħitan tal-monasteru, li kienu għoljin kważi 14-il metru. ‘Oqogħdu għal ġimgħa, xahar, kemm tridu intom’ kien il-kumment ġentili li spiss kien jirrepeti l-patri. Madankollu, dan l-aħħar l-ospitalità tal-patrijiet li fadal, madwar tużżana b’kollox, qed tiġi provata bil-kbir. Illum l-għadd taʼ viżitaturi li jiġu jaraw il-monasteru kull sena jlaħħaq madwar 50,000.
Minħabba dawn il-folol, iż-żjajjar huma limitati għal tliet sigħat kuljum, ħamest ijiem fil-ġimgħa. It-turisti jistgħu jżuru biss parti żgħira tal-monasteru—bitħa li fiha l-Bir taʼ Mosè (fejn il-leġġenda tgħid li Mosè ltaqaʼ maʼ dik li mbagħad saret martu), il-Knisja tat-Trasfigurazzjoni (li skond kif jingħad, hija l-eqdem knisja attiva fid-dinja), u librerija. Lit-turisti juruhom ukoll il-Kappella taʼ l-Għollieq Jaqbad—il-punt eżatt, jgħidu l-patrijiet lit-turisti, fejn Mosè ra għall-ewwel darba l-preżenza t’Alla. Peress li l-patrijiet dan jikkunsidrawh bħala l-iktar post qaddis fuq l-art, il-viżitaturi jintalbu jinżgħu ż-żraben tagħhom, bħalma Alla kien talab lil Mosè biex jagħmel.—Eżodu 3:5.
Aħna ninsabu diżappuntati li ma ħallewniex nagħtu mqar daqqa t’għajn lil-librerija famuża tal-monasteru, l-interess prinċipali tagħna hawnhekk. It-talba tagħna għal eċċezzjoni tintlaqaʼ bl-esklamazzjoni tal-gwida: “Impossibbli! Il-monasteru se jagħlaq fi ftit minuti oħra.” Madankollu, ftit mumenti wara, meta ninqatgħu mill-grupp, il-gwida jpespsilna: “Ejjew warajja!” Wara li ngħaddu minn taħt xi ħbula, nitilgħu xi turġien, u ngħaddu minn quddiem patri Franċiż li kien jidher sorpriż li qed jarana hemmhekk, insibu ruħna f’waħda mill-iktar libreriji antiki u famużi tad-dinja! Din fiha iktar minn 4,500 biċċa xogħol, bil-Grieg, bl-Għarbi, bis-Sirjak, u bl-Eġizzjan. Darba kien hawn ukoll il-prezzjuż Kodiċi Sinajtiku.—Ara l-kaxxa f’paġna 18.
Firda taʼ Swied il-Qalb
Il-mawra tagħna tikkonkludi barra l-ħitan tal-monasteru bi żjara fil-kannierja. Hemmhekk hemm munzell għoli t’għadam taʼ ġenerazzjonijiet taʼ patrijiet u eremiti, separati fi gzuz t’għadam tar-riġlejn, taʼ l-idejn, kranji, u għadam ieħor. Il-kranji kważi jilħqu sas-saqaf. Post li jkexkex bħal dan għala hu meqjus neċessarju? Il-patrijiet għandhom biss ċimiterju żgħir. Għalhekk, meta jmut xi ħadd, id-drawwa tagħhom hi li jneħħu l-għadam mill-eqdem qabar biex ikun disponibbli għalih. Kull patri jantiċipa li xi darba l-għadam tiegħu se jispiċċa maʼ dak taʼ sħabu fil-kannierja.
B’hekk, iż-żjara tagħna tintemm fuq nota kemxejn taʼ swied il-qalb. Imma l-isforzi tagħna żgur li kienu vallapena. Ħadna pjaċir naraw il-veduti straordinarji u l-monasteru famuż. Imma aħna u sejrin, ninsabu impressjonati l-iktar bil-ħsieb li x’aktarx li konna mxejna l-istess mogħdijiet li kienu rifsu fuqhom Mosè u l-ġens taʼ Iżrael 3,500 sena ilu hawnhekk fuq il-Muntanja Sinaj—ġawhra fid-deżert.—Ikkontribwit.
[Stampa f’paġna 16, 17]
Il-Pjanura taʼ er-Raha, u Ras Safsafa
[Mappep f’paġna 17]
Il-Muntanja Sinaj
[Sorsi]
Ritratt tan-NASA
Mountain High Maps® Copyright © 1997 Digital Wisdom, Inc.
[Sors]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
[Stampi f’paġna 18]
Ġebel Musa u l-monasteru taʼ Santa Katerina
[Sorsi]
Pictorial Archive (Near Eastern History) Est.
Ritratt meħud bil-korteżija tal-British Museum