LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 9/8 pp. 8-9
  • Niskopru l-Għerq tal-Problema

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Niskopru l-Għerq tal-Problema
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Id-​Dipressjoni u t-​Telfa
  • Fejn Tidħol il-​Bijokimika
  • Id-​Dipressjoni u l-​Ambjent tal-​Familja
  • Id-​dipressjoni fost iż-​żgħażagħ—Għala? X’jistaʼ jgħinhom?
    Stenbaħ!—2017
  • Kif Int Tistaʼ Tgħin
    Stenbaħ!—2001
  • Ġenerazzjoni li Tinsab fil-Periklu
    Stenbaħ!—2001
  • Introduzzjoni
    Stenbaħ!—2017
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 9/8 pp. 8-9

Niskopru l-​Għerq tal-​Problema

“Ġeneralment, id-​dipressjoni fost l-​adolexxenti ma tkunx kaġun taʼ fattur wieħed biss imma taʼ taħlita taʼ affarijiet li jikkaġunaw stress.”—Dr. Kathleen McCoy.

X’JIKKAĠUNA d-​dipressjoni fost l-​adolexxenti? Jistaʼ jkun hemm għadd taʼ fatturi involuti. Per eżempju, il-​bidliet fiżiċi u emozzjonali li jiġu mal-​pubertà jistgħu jimlew liż-​żgħażagħ bin-​nuqqas taʼ ċertezza u bil-​biżaʼ, u b’hekk it-​tendenza b’mod speċjali tkun li jkollhom stat mentali negattiv. Ukoll, l-​adolexxenti huma taʼ spiss faċli li jċedu għal emozzjonijiet negattivi meta jħossu li ma ġewx aċċettati minn sħabhom jew minn xi ħadd li kienu żviluppaw sentimenti romantiċi lejh. Imbagħad, ukoll, bħalma nnotajna fl-​ewwel artiklu tagħna, l-​adolexxenti taʼ llum qed jikbru f’dinja li fiha nfisha tistaʼ tqabbadhom dipressjoni. Tassew li qed ngħixu fi “żmien iebes.”—2 Timotju 3:1.

Biex tkompli tagħqad, iż-​żgħażagħ qed jiffaċċjaw il-​pressjonijiet tal-​ħajja għall-​ewwel darba f’ħajjithom, u la għandhom l-​abbiltà u lanqas l-​esperjenza li għandhom il-​kbar. Għaldaqstant, l-​adolexxenti taʼ spiss ikunu jixbhu lil turisti li jipprovaw isibu t-​triq f’territorju li ma jafuhx—maħkumin mill-​affarijiet taʼ madwarhom u, f’ħafna każi, ma jkollhomx it-​tendenza li jitolbu l-​għajnuna. Dawn il-​kundizzjonijiet jistgħu jinkuraġġixxu l-​iżvilupp tad-​dipressjoni.

Imma hemm għadd taʼ fatturi oħrajn li jistgħu jwasslu għad-​dipressjoni fost l-​adolexxenti. Ejja nagħtu ħarsa lejn xi wħud minnhom.

Id-​Dipressjoni u t-​Telfa

Id-​dipressjoni xi kultant tiġi wara li wieħed ikun ġarrab telfa kbira—forsi l-​mewt taʼ xi ħadd maħbub jew it-​telfa taʼ xi ħadd mill-​ġenituri minħabba d-​divorzju jew is-​separazzjoni. Wara li jmutlu xi annimal l-​adolexxent ukoll jistaʼ jiddispra.

Hemm ukoll telf li m’huwiex daqstant ovvju. Per eżempju, jekk adolexxent jibdel id-​dar u jmur joqgħod f’post differenti dan se jkun ifisser li jħalli l-​ambjent li hu mdorri fih u lil ħbiebu l-​għeżież. Anki jekk jilħaq mira li tant ikun ilu jistennieha—bħal li jiggradwa mill-​iskola—tistaʼ ġġagħlu jħoss telfa. Wara kollox, meta wieħed jgħaddi għal fażi ġdida fil-​ħajja din tfisser li se jitlef is-​sens taʼ assiguranza u t-​trankwillità li kellu fil-​passat. Imbagħad hemm żgħażagħ li jridu jissaportu xi tip taʼ mard kroniku. F’dawn iċ-​ċirkustanzi, l-​uġigħ li jħoss adolexxent għaliex ikun differenti minn sħabu—forsi anki għax ikunu qed iwarrbuh—jistaʼ jġagħlu jħossu bħallikieku m’għadux daqshekk normali.

Veru, hemm ħafna żgħażagħ li jġarrbu telfiet bħal dawn mingħajr ma jħalluhom jaħkmuhom għalkollox. Dawn ikunu mdejqin, jibku, jitnikktu—imma maż-​żmien jiġu f’tagħhom. Mela x’inhi r-​raġuni li filwaqt li l-​biċċa l-​kbira mill-​adolexxenti jissaportu l-​pressjonijiet tal-​ħajja u jirkupraw minnhom iktar faċilment, oħrajn iħallu l-​uġigħ tad-​dipressjoni jirbaħhom? Mhux faċli biex wieħed isib tweġiba, għax id-​dipressjoni hija marda komplikata. Imma hemm adolexxenti li jaqgħu iktar faċilment f’dipressjoni minn oħrajn.

Fejn Tidħol il-​Bijokimika

Ħafna esperti tas-​saħħa mentali jemmnu li l-​iżbilanċ fil-​bijokimika tal-​moħħ għandu sehem fundamentali f’li jikkaġuna dipressjoni.a Dan l-​iżbilanċ jistaʼ jgħaddi minn persuna għal oħra ġenetikament, għax ir-​riċerkaturi sabu li adolexxenti b’ġenitur li jbati mid-​dipressjoni għandhom possibbiltà akbar li jimirdu biha huma stess. “Iktar iva milli le, tfal dipressi jkollhom minn taʼ l-​inqas wieħed mill-​ġenituri li wkoll ibati bid-​dipressjoni,” jgħid il-​ktieb Lonely, Sad and Angry (Waħedhom, Imdejqin u Rrabjati).

Dan iqajjem il-​mistoqsija, Veru li t-​tfal jirtu d-​dipressjoni, jew inkella jitgħallmu kif ikunu dipressi meta jgħixu maʼ ġenitur li jbati biha? Huwa diffiċli li nwieġbu l-​mistoqsija taʼ jekk id-​dipressjoni fit-​tfal tiġix mill-​influwenza taʼ l-​ambjent u l-​esperjenza tagħhom, jew inkella tiġix determinata mill-​ġenetika. Dan għaliex il-​moħħ huwa komplikat ferm. U l-​ħafna fatturi oħrajn li jistgħu jikkaġunaw id-​dipressjoni fost l-​adolexxenti wkoll huma komplikati.

Id-​Dipressjoni u l-​Ambjent tal-​Familja

Id-​dipressjoni ġiet imsejħa affari tal-​familja, u bix-​xieraq. Kif diġà nnotajna, jistaʼ jkun hemm element ġenetiku li bih it-​tendenza taʼ dipressjoni tgħaddi minn ġenerazzjoni għal oħra. Imma l-​ambjent tal-​familja wkoll jistaʼ jkollu sehem. “Tfal li jiġu abbużati [b’xi mod] mill-​ġenituri jkollhom riskju kbir taʼ dipressjoni,” jikteb it-​Tabib Mark S. Gold. “U anki t-​tfal li l-​ġenituri tagħhom jikkritikawhom iżżejjed u jħobbu jenfasizzaw in-​nuqqasijiet tat-​tfal.” Id-​dipressjoni tistaʼ tirriżulta wkoll meta l-​ġenituri jkunu jfissdu u jipproteġu żżejjed lil uliedhom. Madankollu, ħaġa interessanti hi li riċerkatriċi waħda sabet li huwa iktar faċli għat-​tfal li jaqgħu f’dipressjoni meta l-​ġenituri sempliċement juru nuqqas taʼ interess fihom.

Madankollu, dan ma jfissirx li l-​adolexxenti dipressi kollha jiġrilhom hekk għax il-​ġenituri tagħhom ma jkunux rabbewhom sew. Din l-​istqarrija tant ġeneralizzata tkun qed tinjora l-​viżibilju taʼ fatturi oħrajn li jistgħu jgħinu biex iwasslu għall-​problema. Minkejja dan, f’xi każi l-​ambjent tal-​familja jkun l-​iktar fattur importanti li jeffettwa s-​sitwazzjoni. “Tfal li jgħixu f’familji fejn dejjem ikun hemm l-​inkwiet bejn il-​ġenituri jinsabu f’riskju akbar li jaqgħu f’dipressjoni minn tfal li jgħixu f’ambjent b’inqas inkwiet,” jikteb it-​Tabib David G. Fassler. “Raġuni waħda hi li l-​ġenituri miġġildin tant ikunu medhijin jillitikaw li jittraskuraw il-​bżonnijiet tat-​tfal tagħhom. Raġuni oħra hi li l-​ġenituri tant jargumentaw fuq it-​tfal tagħhom, li jġagħlu liż-​żgħażagħ iħossuhom ħatja, irrabjati, u mimlijin imrar.”

Dawn huma biss ftit mill-​fatturi li jistgħu jgħinu biex iwasslu għad-​dipressjoni fost l-​adolexxenti. Hemm fatturi oħrajn. Per eżempju, xi esperti jgħidu li fatturi li għandhom x’jaqsmu mal-​kundizzjonijiet taʼ fejn u kif wieħed jgħix (bħal ikel mhux nutrittiv, sustanzi tossiċi, u l-​abbuż taʼ prodotti li jwaqqgħuhom fil-​vizzju) jistgħu jikkaġunaw id-​dipressjoni. Oħrajn jgħidu li ċerti sustanzi mediċinali (bħall-anti-istamini u l-​kalmanti) jistgħu jeffettwaw ukoll. Milli jidher, ukoll, tfal li għandhom bżonnijiet speċjali biex jitgħallmu, ikollhom tendenza li taqbadhom dipressjoni. X’aktarx dan jiġri minħabba li l-​istima li jkollhom tagħhom infushom tonqos hekk kif jindunaw li ma jistgħux ilaħħqu maʼ sħabhom tal-​klassi.

Madankollu, ikun xi jkun li jikkaġuna d-​dipressjoni, huwa importanti ferm li nikkunsidraw il-​mistoqsija, L-​adolexxenti dipressi kif jistgħu jingħataw għajnuna?

[Nota taʼ taħt]

a Xi wħud jissuspettaw li filwaqt li ħafna minn dawk li jbatu bid-​dipressjoni jitwieldu b’dan l-​iżbilanċ, oħrajn ikunu f’saħħithom imma meta jgħaddu minn xi esperjenza kerha, din tibdlilhom il-​kimika taʼ moħħhom u jkun iktar faċli għalihom li jaqgħu fiha.

[Stampi f’paġna 8, 9]

L-​inkwiet fil-​familja taʼ spiss iġib id-​dipressjoni

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja