Kif Jintgħarfu s-Sinjali
“Id-dwejjaq huma emozzjonijiet normali, li juru li wieħed hu f’saħħtu; id-dipressjoni hija marda. L-isfida tinsab f’li wieħed jifhem u jagħraf id-differenza.” — Dr. David G. Fassler.
BĦALL-BIĊĊA l-kbira tal-mard l-ieħor, id-dipressjoni għandha sintomi ċari. Imma m’huwiex daqshekk faċli li wieħed jagħraf is-sinjali. Għala? Għax kważi l-adolexxenti kollha jkollhom burdata ħażina minn żmien għall-ieħor, bħalma jkollhom il-kbar. X’inhi d-differenza bejn sempliċi burdata taʼ dwejjaq u d-dipressjoni? Ħafna minn dan ikollu x’jaqsam maʼ kemm tkun intensa din il-kundizzjoni u kemm iddum.
L-intensità tinvolvi sa liema punt iż-żagħżugħ ikun milqut b’sentimenti negattivi. Id-dipressjoni hija iktar qawwija minn perijodu qasir taʼ disprament, għax din hija marda li toħnoq l-emozzjonijiet taʼ l-adolexxent u tfixkillu serjament l-abbiltà li jgħix ħajja normali. It-Tabib Andrew Slaby jiddeskrivi kemm din hija marda qalila billi jgħid: “Immaġina l-akbar uġigħ fiżiku li qatt ħassejt—għadma miksura, uġigħ taʼ dras, jew l-uġigħ tal-ħlas—immoltiplikah b’għaxar darbiet u immaġina li ma tafx għala għandek dan l-uġigħ kollu; imbagħad tkun tistaʼ forsi tifhem bejn wieħed u ieħor l-uġigħ tad-dipressjoni.”
Id-dewmien jirreferi għal kemm wieħed idum juri nuqqas taʼ interess f’kollox. Skond it-Tabib Leon Cytryn u t-Tabib Donald H. McKnew, Jr., tifel li ma juri l-ebda sinjal li jrid jiġi mfarraġ jew li se jiġi lura għan-normal fi żmien ġimgħa minn mindu jkun waqaʼ fid-dwejjaq (tkun xi tkun ir-raġuni)—jew fi żmien sitt xhur wara li għalih ikun ġarrab telfa kbira—jinsab f’riskju li jiżviluppa xi għamla taʼ dipressjoni.”
Sintomi Komuni
Żagħżugħ jintqal li jkollu l-marda tad-dipressjoni biss meta dan juri diversi sintomi kuljum, matul il-biċċa l-kbira tal-ġurnata, u minn taʼ l-inqas għal ġimagħtejn sħaħ. Perijodu kemxejn qasir taʼ swied il-qalb jissejjaħ episodju taʼ dipressjoni. Imbagħad teżisti għamla iktar kronika taʼ dipressjoni ħafifa jew moderata, u wieħed ikollu lilha meta s-sintomi jdumu jinħassu għal minn taʼ l-inqas sena u ma jagħmilx iktar minn xahrejn mingħajrha. Fiż-żewġ każi, x’inhuma xi sintomi komuni taʼ dipressjoni?a
Bdil f’daqqa fil-burdata u fl-imġiba. Adolexxent li qabel kien jobdi, f’daqqa waħda jibda jisfida. Huwa komuni għal adolexxenti dipressi li jirribellaw u saħansitra jaħarbu mid-dar.
Jinqataʼ għalih waħdu soċjalment. L-adolexxent dipress jinqataʼ minn maʼ ħbiebu. Jew jistaʼ jkun li l-ħbieb jinqatgħu minn maʼ żagħżugħ dipress, għax jinnotaw bidla kerha fl-attitudni u fl-imġiba tiegħu.
Jonqoslu l-interess kważi f’kull attività. L-adolexxent ikun passiv b’mod mhux tas-soltu. Il-passatempi li m’ilux wisq kien iqishom interessanti issa jibdew idejquh.
Bidla mhux ħażin fid-drawwiet taʼ l-ikel. Ħafna esperti jħossu li problemi bħalma huma l-anoreksja, il-bulimja, u li wieħed jiekol iżżejjed u bla kontroll, taʼ spiss ikunu jeżistu flimkien mad-dipressjoni (u ħafna drabi jiġu kaġunati minnha).
Problemi fl-irqad. L-adolexxent jew jorqod ftit wisq jew jorqod iżżejjed. Xi wħud jiżviluppaw taħwid fid-drawwiet taʼ l-irqad, għax jibdew jibqgħu mqajmin il-lejl kollu u jorqdu matul il-ġurnata.
Imur ħażin fl-iskola. L-adolexxent dipress isibha diffiċli biex jingwalaha maʼ l-għalliema u maʼ sħabu, u l-marki jibdew neżlin kemm jifilħu. L-adolexxent malajr ma jkun irid imur xejn l-iskola.
Jieħu sogri u jaġixxi b’mod li jweġġaʼ lilu nnifsu. Imġiba li biha wieħed ‘jisfida l-mewt’ tistaʼ turi li żagħżugħ ftit jinteressah li jgħix. Qtugħ fuqu nnifsu (bħal li jqattaʼ l-ġilda) jistaʼ jkun sintomu ieħor.
Iħossu ma jiswa għal xejn jew iħossu ħati għal affarijiet li m’għamilx. L-adolexxent jibda jikkritika żżejjed lilu nnifsu, iħossu li m’hu kapaċi għal xejn, anki jekk il-fatti juru l-kontra.
Mard fiżiku kaġunat minn problema mentali. Meta ma tkun tistaʼ tinstab ebda raġuni fiżika għall-uġigħ taʼ ras, uġigħ fid-dahar, uġigħ taʼ stonku, u mard simili, dan jistaʼ jindika li hemm dipressjoni moħbija.
Ħsibijiet kontinwi dwar mewt jew suwiċidju. Meta wieħed ikun ħsiebu f’suġġetti tal-waħx dan jistaʼ jindika li għandu dipressjoni. It-theddid taʼ suwiċidju wkoll jistaʼ jindika dan.—Ara l-kaxxa t’hawn taħt.
Il-Marda Bipolari
Xi wħud minn dawn l-istess sintomi jistgħu jkunu preżenti f’marda oħra li tikkonfondi l-moħħ—il-marda bipolari. Skond Dr. Barbara D. Ingersoll u Dr. Sam Goldstein, il-marda bipolari (li tissejjaħ ukoll il-marda manijaka-dipressiva) hija kundizzjoni li fiha bniedem jgħaddi minn fażijiet taʼ dipressjoni b’intervalli taʼ perijodi fejn il-burdata titjieb ferm u l-enerġija tiżdied ħafna. U dan isir f’livell ħafna ogħla mil-livell normali taʼ burdata tajba.
Din il-fażi taʼ eċċitament tissejjaħ manija. Is-sintomi tagħha jistgħu jinkludu ħsibijiet bla kontroll, tpaċpiċ estrem, u bżonn inqas taʼ rqad. Fil-fatt, min ikun qed ibati minnha jistaʼ jagħmel jiem sħaħ bla rqad mingħajr ma jidher li jkun qed jitlef l-enerġija. Sintomu ieħor tal-marda bipolari hu li wieħed jagħmel skond ma jfettillu mingħajr ma jqis il-konsegwenzi. Rapport mill-Istitut Nazzjonali Amerikan għas-Saħħa Mentali jgħid kif taʼ spiss il-manija teffettwa l-mod kif wieħed jaħseb, kif jifforma l-opinjonijiet tiegħu, u kif iġib ruħu soċjalment, b’tali mod li jinqalgħulu problemi serji u jġagħluh jistħi. Din il-fażi taʼ manija kemm iddum sejra? Xi drabi ddum ftit jiem u f’każi oħrajn il-manija tieħu xhur sħaħ qabel ma ċċedi postha lil seħbitha, id-dipressjoni.
Dawk li l-iktar jinsabu f’riskju li jiżviluppaw il-marda bipolari jinkludu lill-individwi b’membri tal-familja li jkollhom din il-marda. L-aħbar tajba hi li teżisti tama għal min ibati minnha. Il-ktieb The Bipolar Child jgħid li “jekk din il-marda tinstab fil-bidu tagħha u tingħata l-kura xierqa, dawn it-tfal u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jgħixu ħajjiet ferm iktar stabbli.”
Importanti li ninnotaw li l-ebda sintomu waħdu ma jindika li teżisti dipressjoni jew il-marda bipolari. Fil-biċċa l-kbira, biex issir dijanjosi li wieħed ikollu d-dipressjoni, irid ikun hemm għadd taʼ sintomi f’daqqa u li jintwerew f’perijodu taʼ żmien. Xorta waħda, tibqaʼ l-mistoqsija, Din il-marda stramba għala tolqot lill-adolexxenti?
[Nota taʼ taħt]
a Is-sintomi huma mniżżlin hawnhekk bl-iskop li jagħtu idea ġenerali lil dak li jkun u mhux bħala bażi biex tagħraf jekk għandekx il-marda.
[Kaxxa f’paġna 6]
META TIFEL IKUN IRID IMUT
Skond iċ-Ċentri Amerikani għall-Kontroll tal-Mard, f’sena reċenti kien hemm iktar żgħażagħ fl-Istati Uniti li mietu b’suwiċidju milli bil-kanċer, bil-mard tal-qalb, bl-AIDS, b’difetti fit-twelid, bil-puplesija, bil-pnewmonja, l-influwenza, u bil-mard kroniku fil-pulmuni kollha f’daqqa. Fatt ikrah ieħor huwa: Kien hemm żjieda kbira f’suwiċidji rapportati fost nies taʼ bejn l-10 snin u l-14-il sena.
Jistaʼ s-suwiċidju fost l-adolexxenti jiġi evitat? F’ċerti każi, iva. “L-istatistiċi juru li ħafna suwiċidji fil-fatt ikun hemm qabilhom attentati jew indikazzjonijiet u twissijiet bil-kliem,” tikteb Dr. Kathleen McCoy. “Meta l-adolexxent tiegħek jagħti l-inqas indikazzjoni dwar ħsibijiet taʼ suwiċidju, ikun il-waqt li tagħti kas sew taʼ dan u jekk jistaʼ jkun tfittex l-għajnuna professjonali.”
Il-fatt li d-dipressjoni fost iż-żgħażagħ hija komuni ferm jenfasizza l-bżonn li l-ġenituri u adulti oħrajn jiħduha bis-serjetà meta żagħżugħ jagħti indikazzjoni, tkun xi tkun, li jrid ineħħi ħajtu. “Kważi f’kull każ taʼ suwiċidju li eżaminajt, l-indikazzjonijiet dwar dak li l-adolexxent kellu f’moħħu li jagħmel ma ngħatawx attenzjoni jew ġew imċekknin,” jikteb it-Tabib Andrew Slaby fil-ktieb tiegħu No One Saw My Pain (Ħadd Ma Induna bl-Uġigħ Tiegħi). Hu jkompli jgħid kif il-membri tal-familja u l-ħbieb ma jindunawx kemm il-bidliet li jaraw ikunu enormi. Huma ffokaw fuq il-konsegwenzi u mhux fuq il-problema bażika, u għalhekk għalihom it-tfal kienu qed ibatu minħabba ‘problemi tal-familja’ jew ‘użu tad-drogi’ jew ‘anoreksja.’ Xi kultant ipprovaw jipprovdu kura għar-rabja, il-konfużjoni, u n-nervi imma mhux għad-dipressjoni. B’hekk il-problema bażika baqgħet hemm, tittortura u tagħmel ħsara kbira lit-tfal.
Il-messaġġ hu ċar daqs il-kristall: Ħu bis-serjetà kull indikazzjoni taʼ suwiċidju!
[Stampa f’paġna 7]
Xi drabi, l-imġiba ribelluża tkun sinjal taʼ dipressjoni moħbija
[Stampa f’paġna 7]
L-adolexxenti dipressi taʼ spiss jitilfu l-interess f’attivitajiet li darba kienu jinteressawhom ħafna