Tama għal Min Ibati bl-Artrite
L-ARTRITE mhix kaġun ewlieni taʼ mewt bħall-mard tal-qalb jew il-kanċer,” tgħid Dr. Fatima Mili, “imma teffettwa bil-kbir il-kwalità tal-ħajja.” L-artrite tistaʼ teffettwa l-aspetti kollha tal-ħajja taʼ dak li jkun. X’inhuma xi ftit mill-problemi li jiffaċċjaw dawk li jbatu bl-artrite? Jistgħu jkampaw?
Katia,a li għandha 28 sena, mill-Italja, tgħid: “T’għoxrin sena qaluli li għandi l-artrite, u minn dakinhar ’l hawn ħajti nbidlet taʼ taħt fuq. Kelli nieqaf mix-xogħol u nitlaq il-karriera tiegħi fil-ministeru full-time minħabba l-uġigħ.” L-uġigħ huwa problema li tolqot lil kulmin ibati bl-artrite. Alan, li għandu 63 sena, mill-Ingilterra, jgħid: “Dejjem ikollok xi wġigħ xi mkien f’ġismek, għalkemm jistaʼ jkun moderat.” L-għeja hija sfida oħra. “Anki jekk tkun tiflaħ tissaporti l-uġigħ u n-nefħa,” tgħid Sarah, li għandha 21 sena, “l-għeja ma tkunx tistaʼ tiflaħha.”
L-Uġigħ Emozzjonali
Skond Setsuko mill-Ġappun, li għandha 61 sena, il-fatt li tissielet kuljum maʼ l-uġigħ kroniku jistaʼ wkoll “jifnik emozzjonalment u mentalment.” Fil-fatt, anki li sempliċement tipprova taqbad lapes jew it-telefon jistaʼ jkun taʼ sfida! Kazumi, li għandha 47 sena, tilmenta: “Anki affarijiet taʼ kuljum li jistgħu jagħmluhom it-tfal saru impossibbli għalija.” Janice, li għandha 60 sena, u li m’għadhiex tistaʼ tqattaʼ ħafna ħin fuq saqajha, tgħid: “Huwa skuraġġanti, għax ma nistax nagħmel dak li kont nagħmel.”
Dawn il-limitazzjonijiet jistgħu jġagħlu lil dak li jkun iħossu mdejjaq u jkollu sentimenti negattivi dwaru nnifsu. Gaku, li għandu 27 sena, huwa wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah u jgħid: “Il-fatt li ma nistax nieħu sehem b’mod sħiħ fix-xogħol taʼ l-evanġelizzar jew inwettaq inkarigi fil-kongregazzjoni jagħmilni nħossni li bħala persuna ma niswa għal xejn.” Francesca, li ilha tissara maʼ l-artrite minn mindu kellha sentejn, tgħid li “qed tinżel iktar u iktar ’l isfel f’abbiss taʼ disprament.” Spiritwalment, dan id-disprament jistaʼ jeffettwah ħażin lil dak li jkun. Joyce, Xhud mill-Afrika t’Isfel, tammetti li bdiet tinqataʼ mil-laqgħat Kristjani. “Ma flaħt nara lil ħadd,” tispjega hi.
Min ibati bl-artrite jistaʼ wkoll iħossu ansjuż ħafna dwar il-futur—jibżaʼ li ma jibqax kapaċi jiċċaqlaq u jkollu jiddependi minn ħaddieħor, jibżaʼ li ma jkollu lil ħadd min jieħu ħsiebu, jibżaʼ li jaqaʼ u jikser xi għadma, jibżaʼ li ma jkunx jistaʼ jipprovdi għall-familja tiegħu. Yoko, li għandha 52 sena, tammetti: “Meta kont nara l-ġogi tiegħi qed jibdew isiru sfigurati, kont nibżaʼ li se jkompli jiġrili hekk.”
Il-membri tal-familja wkoll jistgħu jsofru wġigħ emozzjonali, għax kuljum iridu jħabbtu wiċċhom mat-tbatija tal-persuna li jħobbu. Xi koppji jistgħu jġarrbu wkoll tensjoni kbira fiż-żwieġ. Waħda mara fl-Ingilterra, jisimha Denise, tgħid: “Wara 15-il sena li kien ilna miżżewġin, ir-raġel qalli, ‘Ma niflaħhiex iktar l-artrite tiegħek!’ Telaq lili u lil bintna taʼ 5 snin.”
B’hekk, kemm dawk li jkunu qed ibatu bl-artrite u kemm il-familji tagħhom ikollhom jiffaċċjaw sfidi kbar minħabba din il-marda. Minkejja dan, ħafna qed jirnexxilhom ikampaw! Ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn kif xi wħud qed jagħmlu dan.
Irrispetta l-Limitazzjonijiet Tiegħek
Jekk tbati bl-artrite, huwa importanti ħafna li tistrieħ kemm hemm bżonn; dan jistaʼ jnaqqaslek l-għeja. Iżda dan ma jfissirx li għandek iċċedi kollox fil-ħajja. Timothy jispjega: “Trid tibqaʼ attiv sabiex ma tħallix l-artrite tikkontrollak mentalment għax jekk tagħmillek hekk, se toqgħod ma tagħmel xejn u tħoss l-uġigħ.” Ir-rewmatologu William Ginsburg mill-Klinika Mayo, josserva: “Hemm ħarira biss differenza bejn li tagħmel iżżejjed u li tagħmel ftit wisq. Kultant in-nies ikunu jridu jiġu mfakkrin biex inaqqsu l-pass u jikkunsidraw il-marda tagħhom.”
Dan jistaʼ jinvolvi li tibdel il-mod kif tqis il-limitazzjonijiet tiegħek. Daphne, mill-Afrika t’Isfel, tirrakkonta: “Kelli nkun realistika u nagħraf li l-abbiltà tiegħi biex nagħmel ċerti affarijiet ma kinitx spiċċat; kelli sempliċement nagħmilhom bil-mod iktar. Minflok ma nsir ansjuża jew jaqbduni n-nervi, irrid biss nagħmel l-affarijiet naqra naqra.”
Idea tajba wkoll hija li ssir midħla taʼ l-apparat differenti li jistaʼ jkun disponibbli biex jagħtik l-għajnuna, u forsi tiddiskuti dwaru mat-tabib jew it-terapista fiżiku tiegħek. Keiko tgħid: “Waħħalna siġġu taʼ l-elettriku li jitlaʼ mat-taraġ. Kont inweġġaʼ l-polz biex indawwar il-pumi tal-bibien, u allura biddilniehom. Issa nistaʼ niftaħ il-bibien kollha billi nimbottahom b’rasi. Fid-dar kollha waħħalna viti taʼ l-ilma li jinżlu u jitilgħu biex b’hekk stajt għallinqas nagħmel ftit xogħol tad-dar.” Gail, persuna oħra li tbati bl-artrite, tgħid: “Iċ-ċwievet tal-karozza u tad-dar huma mqabbdin maʼ manku twil, u b’hekk insibha iktar faċli biex indawwarhom. Il-pettne u l-braxx għandhom biċċiet miżjudin magħhom li nistaʼ nirranġahom f’angoli differenti biex nippettna u nibbraxxja xagħri.”
L-Appoġġ tal-Familja —“Sors taʼ Saħħa”
Carla, mill-Brażil, tgħid: “L-appoġġ tar-raġel tiegħi kien importanti ferm. Il-fatt li kien jiġi miegħi għand it-tabib kien jagħmilli l-kuraġġ. Skoprejna flimkien kif il-marda teffettwa lil ġismi, x’inhuma s-sintomi tagħha, u liema kura kienet neċessarja. Ħassejtni aħjar għax setaʼ jifhem minn xiex kont għaddejja.” Iva, l-irġiel jew in-nisa li jaċċettaw il-limitazzjonijiet taʼ l-imseħbin tagħhom u li jkunu lesti li jedukaw ruħhom dwar il-marda tagħhom jistgħu jkunu sors enormi taʼ saħħa u appoġġ.
Per eżempju, Bette sabet xogħol tat-tindif meta żewġha ma setax jaħdem ħafna fix-xogħol tal-bini minħabba l-artrite. Ir-raġel taʼ Kazumi mhux biss dar biha imma kien jagħmel ix-xogħol tad-dar li ma setgħetx tagħmel hi. Iktar minn hekk, hu ħarreġ lil uliedhom ħalli jagħmlu li jistgħu biex jagħtu daqqa t’id. Kazumi tgħid: “Ir-raġel kien sors taʼ saħħa għalija. Mingħajr l-għajnuna tiegħu kont inkun ferm agħar milli jien.”
Waħda mara jisimha Carol, mill-Awstralja, toffri din it-twissija: “Oqgħod attent li ma timliex l-iskeda tiegħek b’wisq attivitajiet. Faċli li nibda nħossni li m’iniex tajba biżżejjed jekk ma nkunx nistaʼ llaħħaq mal-bqija tal-familja.” Jekk l-appoġġ tal-familja jingħata b’fehma u konsiderazzjoni veri jistaʼ jkun sors taʼ saħħa għal dawk li jkunu qed ibatu.
Għajnuna Spiritwali
Katia tgħid: “Meta persuna tbati minn marda bħal din, tkun konvinta li ħadd ma jaf minn xiex tkun għaddejja. Għalhekk ikun importanti li nduru lejn Alla Jehovah, billi nafu li hu tassew jifhem il-qagħda fiżika u emozzjonali tagħna. (Salm 31:8 [31:7, NW]) Relazzjoni tajba miegħu tatni l-paċi tal-moħħ biex ngħix kważi bla ma ninkwieta fuq il-marda tiegħi.” Il-Bibbja bix-xieraq issejjaħ lil Jehovah “Alla taʼ kull faraġ . . . [li] jfarraġna fl-hemm kollu tagħna.”—2 Korintin 1:3, 4.
It-talb b’hekk jistaʼ jkun sors qawwi taʼ faraġ għal xi ħadd li jbati minn uġigħ kroniku. Kazumi tirrakkonta: “Fl-iljieli twal meta ma kontx inkun nistaʼ norqod minħabba l-uġigħ, ftaħt qalbi maʼ Jehovah bil-biki, u tlabtu għas-saħħa biex nissaporti l-uġigħ u għall-għerf biex niffaċċja d-diffikultajiet kollha tiegħi. Jehovah żgur li weġibni.” Francesca esperjenzat bl-istess mod l-appoġġ t’Alla. Hi tgħid: “Rajt it-twettiq tal-kliem taʼ Filippin 4:13: ‘Għal kollox niflaħ bis-saħħa taʼ dak li jqawwini.’”
Ħafna drabi, Alla Jehovah jipprovdi l-appoġġ permezz tal-kongregazzjoni Kristjana. Per eżempju, Gail issemmi l-għajnuna li rċiviet minn ħutha spiritwali fil-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah. “L-imħabba tagħhom għenitni biex ma nsirx dipressa,” tgħid Gail. Bl-istess ħsieb, meta lil Keiko staqsewha, “Tistaʼ taħseb f’xi ħaġa li hija sabiħa f’ħajtek?,” hi wieġbet: “Iva, l-imħabba u s-simpatija kollha li nirċievi minn kulħadd fil-kongregazzjoni!”
Fil-kongregazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Jehovah, l-indokraturi huma minn taʼ quddiem f’li jagħtu dan l-appoġġ. Setsuko tgħid: “Ma nistax niddeskrivi kemm iħallu effett qawwi l-anzjani fuq il-persuna li tkun qed tikkumbatti l-marda meta jisimgħu u jipprovdu faraġ.” Madankollu, bħalma jfakkarna Daniel li jbati bl-artrite, “ħutna spiritwali jistgħu biss jgħinuna jekk inħalluhom.” Għalhekk huwa importanti li dawk li jkunu qed ibatu jibqgħu f’kuntatt mal-Kristjani sħabhom, u jagħmlu mill-aħjar li jistgħu biex jattendu l-laqgħat tal-kongregazzjoni. (Lhud 10:24, 25) Hemmhekk jistgħu jirċievu l-inkuraġġiment spiritwali li jkollhom bżonn biex jissaportu.
It-Tbatija Se Tintemm
Min ibati bl-artrite jinsab grat lejn il-professjoni medika għall-avvanzi li saru s’issa. Madankollu, anki l-aqwa kura tonqos li ġġib fejqan veru. Fl-aħħar mill-aħħar, dawk li jbatu bl-artrite jistgħu jsibu l-akbar faraġ billi jħaddnu l-wegħdi t’Alla għal dinja ġdida.b (Isaija 33:24; Apokalissi 21:3, 4) F’dik id-dinja “z-zopp jaqbeż bħal għażżiela.” (Isaija 35:6) L-artrite u l-mard l-ieħor kollu li qed jikkaġuna tbatija għall-umanità se jispiċċaw għal dejjem! Peter, vittma taʼ artrite fis-sinsla taʼ dahru, b’hekk jgħid: “Nistaʼ nara d-dawl f’tarf din il-mina mudlama li għaddej minnha.” Mara Kristjana jisimha Giuliana tgħid b’mod simili: “Jien naħseb dwar kull ġurnata li tgħaddi bħala battalja mirbuħa, ġurnata inqas x’nissaporti qabel jiġi t-tmiem!” Iva, qed joqrob iż-żmien meta mhux biss se tispiċċa l-artrite imma se tispiċċa wkoll it-tbatija kollha!
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
b Jekk tixtieq li jżurek xi ħadd mix-Xhieda taʼ Jehovah biex jispjegalek il-wegħdi tal-Bibbja, ikkuntattja lill-kongregazzjoni lokali tax-Xhieda taʼ Jehovah jew ikteb lill-pubblikaturi taʼ din ir-rivista.
[Stampi f’paġna 10]
Hemm apparat differenti li jistaʼ jgħin lil min ibati bl-artrite biex jgħix ħajja produttiva
[Stampa f’paġna 12]
L-appoġġ b’imħabba jistaʼ jinsab fil-laqgħat Kristjani