Nipprovaw Nifhmu X’Inhi l-Artrite
“BIL-LEJL, INĦARES LEJN SAQAJJA U IDEJJA BLA FORMA U NAQBAD NIBKI.”—MIDORI, IL-ĠAPPUN.
L-ARTRITE tturmentat lill-bnedmin għal sekli sħaħ. Il-mumji Eġizzjani jagħtu evidenza li l-marda kienet teżisti bosta sekli ilu. L-evidenza turi wkoll li l-esploratur Kristofru Kolombu kien ibati biha. U llum miljuni taʼ nies ibatu biha. Eżattament x’inhi din il-marda li timmanka l-ġisem taʼ dak li jkun?
Il-kelma “artrite” hija meħuda mill-kliem Grieg li jfisser “ġogi ffjammati” u tiġi assoċjata maʼ grupp taʼ iktar minn 100 marda u kundizzjoni rewmatika.a Dan il-mard jistaʼ mhux biss jeffettwa l-ġogi imma wkoll il-muskoli, l-għadam, l-għeruq, u l-ligamenti li jżommuhom. Ċerti tipi t’artrite jistgħu jagħmlu ħsara lill-ġilda, lill-organi interni u saħansitra lill-għajnejn. Ejja niffokaw fuq żewġ mardiet li kulħadd jassoċjahom maʼ l-artrite—l-artrite rewmatika u l-osteoartrite.
L-Arkitettura tal-Ġogi
Ġog huwa fejn tiltaqaʼ għadma m’oħra. Ġog sinovjali jkun imdawwar b’kapsula b’saħħitha li tipproteġih u żżommu f’postu. (Ara l-istampa f’paġna 4.) Din il-kapsula tal-ġog ikollha kisja sinovjali. Din il-kisja tipproduċi fluwidu jiżloq. Ġewwa l-kapsula tal-ġog, it-truf taż-żewġ għadmiet ikunu mgħottijin b’tessut elastiku u lixx magħruf bħala l-qarquċa. Din ma tħallix lil għadma tħokk maʼ l-oħra u tittiekel. Il-qarquċa tmewwet ix-xokkijiet ukoll, billi tipproteġi t-truf taʼ l-għadam u tferrex l-iskossi maʼ l-għadam kollu.
Per eżempju, meta timxi, tiġri, jew taqbeż, il-pressjoni li tagħmel fuq ġenbejk u rkobbtejk tistaʼ tkun minn erbgħa sa tmien darbiet iktar mill-piż taʼ ġismek! Waqt li l-muskoli u l-għeruq taʼ madwar jilqgħu l-biċċa l-kbira mill-impatt, il-qarquċa tgħin lill-għadam biex ikun jistaʼ jiflaħ għal dan il-piż billi tingħafas bħal sponża.
L-Artrite Rewmatika
Fil-każ taʼ l-artrite rewmatika, is-sistema taʼ l-immunità tal-ġisem tattakka l-ġogi bil-forza kollha. Għal xi raġuni mhux magħrufa, volum kbir taʼ ċelluli tad-demm—fosthom iċ-ċelluli T, li għandhom parti importanti ferm fis-sistema taʼ l-immunità tal-ġisem—jiġri lejn il-ħofor tal-ġogi. Dan jikkaġuna serje taʼ reazzjonijiet kimiċi li jikkaġunaw infjammazzjoni fil-ġog. Iċ-ċelluli sinovjali jistgħu jibdew jimmoltiplikaw bla kontroll u jifformaw ġabra taʼ tessuti bħal tumur li tissejjaħ pannus. Imbagħad, il-pannus jipproduċi enzimi distruttivi li jeqirdu l-qarquċa. Issa l-wiċċ t’għadma jistaʼ jibda jeħel mal-wiċċ t’għadma oħra, u b’hekk l-individwu ma jkunx jistaʼ jċaqlaq il-parti taʼ ġismu kif irid. Fl-istess ħin hu jħoss uġigħ tremend. Dan il-proċess qerriedi jdgħajjef ukoll il-ligamenti, l-għeruq, u l-muskoli. B’hekk il-ġog ma jibqax stabbli u joħroġ ftit minn postu. Taʼ spiss jiġri li jikkaġuna dehra sfigurata. Ġeneralment, l-artrite rewmatika teffettwa l-ġogi b’mod simetriku, u tattakka l-polz, l-irkobba, u s-sieq. Iktar minn 50 fil-mija mill-individwi li għandhom l-artrite rewmatika jiżviluppaw ukoll boċċi jew għoqod taħt il-ġilda. Xi wħud jiżviluppaw anemija u għajnejhom u griżmejhom jixxottaw u jibdew juġgħuhom. B’din l-artrite wieħed iħoss għeja kbira u jkollu sintomi bħal taʼ xi influwenza, fosthom id-deni u wġigħ fil-muskoli.
L-artrite rewmatika tvarja ħafna fl-effett li tħalli, fil-mod kif tibda, u f’kemm iddum. Forsi għal persuna waħda l-uġigħ u l-ebusija jiġu bil-mod il-mod matul ġimgħat u saħansitra snin sħaħ. Lil xi ħadd ieħor tistaʼ taqbdu f’daqqa. F’xi nies, dan it-tip t’artrite jistaʼ jdumilhom ftit xhur u mbagħad jieqaf mingħajr ma jħallilhom ħsara li tidher. Oħrajn jistgħu jesperjenzaw perijodi taʼ sintomi li jmorru mill-ħażin għall-agħar, u mbagħad ikollhom perijodi li matulhom is-sintomi jonqsulhom, u b’hekk iħossuhom aħjar. U f’xi pazjenti oħra l-marda tibqaʼ attiva għal ħafna snin, billi tikkaġunalhom diżabilità kontinwa.
Min jinsab f’riskju li taqbdu l-artrite rewmatika? “Hija l-iktar komuni fost in-nisa taʼ mezz’età,” jinnota t-Tabib Michael Schiff. Madankollu, Schiff ikompli jgħid li “tistaʼ teffettwa lil kwalunkwe persuna taʼ kull età inkluż it-tfal, kif ukoll l-irġiel.” Għal dawk li għandhom lil xi ħadd jiġi minnhom bl-artrite rewmatika, ir-riskju huwa akbar. Diversi studji jissuġġerixxu wkoll li t-tipjip, il-ħxuna esaġerata, u l-fatt li wieħed ikun ħa xi trasfużjoni tad-demm huma kollha fatturi sinifikanti li jżidu r-riskju.
L-Osteoartrite
“L-osteoartrite,” jgħid il-Western Journal of Medicine, “tixbah f’ħafna aspetti t-temp—teżisti kullimkien, taʼ spiss ma tiġix notata, u xi kultant l-effetti tagħha jkunu drammatiċi.” Kuntrarju għall-artrite rewmatika, l-osteoartrite rari tinfirex lejn partijiet oħra tal-ġisem. Minflok, jibda jittiekel ġog wieħed jew ftit biss minnhom. Hekk kif il-qarquċa tibda tittiekel bil-mod il-mod, għadma tibda tħokk m’għadma oħra. Imbagħad jibda jikber għadam żgħir imqabbeż ’il barra msejjaħ osteofiti. Jistgħu jifformaw ċisti, u l-għadma taʼ taħthom teħxien u ssir bla forma. Sintomi oħrajn jinkludu għekiesi tas-swabaʼ minfuħin, ħsejjes taʼ tħakkik li jiġu minn ġogi bl-artrite, u ġbid fil-muskoli, flimkien maʼ wġigħ, ebusija, u ġogi li ma jkunux jistgħu jiċċaqalqu.
Fl-imgħoddi, kien maħsub li l-osteoartrite kienet waħda mill-konsegwenzi tax-xjuħija. Madankollu, l-esperti warrbu din il-ħaġa li ilhom tant jemmnu. The American Journal of Medicine jgħid li m’hemm l-ebda evidenza li turi li ġog normali, li jġarrab pressjoni fiżika tas-soltu, se jitħassar matul il-ħajja taʼ persuna. Mela x’inhu li jikkaġuna l-osteoartrite? Skond ir-rivista Britannika The Lancet l-isforzi li jsiru biex tinkiseb fehma eżatta taʼ x’jikkaġuna din il-marda huma miżgħudin bil-kontroversji. Xi wħud li jinvestigaw il-biċċa jgħidu li l-ewwel issir xi ħsara lill-għadma, bħal per eżempju ksur ċkejken ħafna. Imbagħad, dan jistaʼ jqanqal it-tkabbir t’għadam żgħir imqabbeż ’il barra u l-qarquċa tibda sejra mill-ħażin għall-agħar. Oħrajn jaħsbu li l-osteoartrite tibda fil-qarquċa stess. Hekk kif tibda sejra mill-ħażin għall-agħar u tittiekel, huma jirraġunaw li l-pressjoni tiżdied fuq l-għadma taʼ taħt. Hekk kif il-ġisem jipprova jsewwi l-qarquċa li tkun saritilha l-ħsara jibda jsir tibdil mhux normali.
Min qiegħed f’riskju li taqbdu l-osteoartrite? Waqt li l-età waħedha ma tikkaġunax din l-artrite, meta wieħed jibda jixjieħ ikun iktar faċli li jitlef mill-qarquċa tal-ġog. Oħrajn li qegħdin f’riskju jistgħu jinkludu dawk li l-uċuħ tal-ġogi tagħhom ma jiffittjawx flimkien b’mod normali jew li jkollhom il-muskoli tar-riġlejn u l-koxox dgħajfin, riġlejhom ma jkunux twal indaqs, jew is-sinsla ma tkunx f’postha. L-osteoartrite tistaʼ tibda tiżviluppa wkoll minħabba xi ferita fil-ġogi minn xi inċident jew minn xogħol li fih ċertu ġog jintuża żżejjed f’movimenti ripetittivi. Meta l-ġog jibda sejjer mill-ħażin għall-agħar, il-piż żejjed jistaʼ jiggrava l-osteoartrite.
It-Tabib Tim Spector jgħid: “L-osteoartrite hija marda komplikata li għandha fatturi esterni taʼ riskju li huma speċifiċi imma jeżisti wkoll element ġenetiku qawwi.” In-nisa taʼ mezz’età u dawk iktar avanzati li kellhom lil xi ħadd fil-familja tagħhom b’din il-marda għandhom ċans iżjed li taqbadhom l-osteoartrite. Kuntrarju għall-marda taʼ l-osteoporosi li tiżviluppa għax l-għadma tkun irqaqet, fl-osteoartrite l-għadma tkun ħxienet qabel ma sseħħ il-marda. Fost fatturi oħra xi riċerkaturi jsemmu wkoll il-ħsara li tiġi minn radikali liberi taʼ l-ossiġnu u minn nuqqas tal-vitamini Ċ u D.
Il-Kura
Il-kura għall-artrite ġeneralment tkun tinvolvi taħlita taʼ medikazzjoni, eżerċizzju, u bdil fl-istil tal-ħajja. Dak li jkun jistaʼ jmur għand terapista fiżiku u jibda programm t’eżerċizzju terapewtiku. Dan jistaʼ jinkludi varjetà taʼ eżerċizzji b’ċaqliq, eżerċizzji isometriċi li bihom il-muskolu ma jitħalliex jibbies, eżerċizzji erobiċi, u eżerċizzji isotoniċi, jew bil-piżijiet, li bihom il-muskolu jibbies. Intwera li bihom għadd taʼ sintomi jmorru għall-aħjar, fosthom l-uġigħ u n-nefħa fil-ġogi, l-għeja, it-telqa, u d-dipressjoni. Il-benefiċċji taʼ l-eżerċizzju jidhru saħansitra f’dawk li huma xjuħ ħafna. L-eżerċizzju jistaʼ wkoll ma jħallix l-għadam jirqaq iżżejjed. Xi wħud jgħidu li jiksbu ammont taʼ serħan mill-uġigħ permezz taʼ tipi differenti taʼ terapija bis-sħana u bil-kesħa kif ukoll bl-agupuntura.b
Peress li jekk wieħed jonqos mill-piż jistaʼ jnaqqas ħafna l-uġigħ fil-ġogi, id-dieta tistaʼ tkun fattur ewlieni li tgħinu jissaporti l-artrite. Xi wħud sostnew ukoll li huwa tajjeb li jkollok dieta li tinkludi ikel li fih ħafna kalċju bħall-ħaxix bil-weraq aħdar skur, frott frisk, u ħut taʼ l-ilma kiesaħ li fih ħafna xaħmijiet tat-tip omega-3. Trid ukoll tkun nieqsa minn ikel proċessat u taʼ ħafna xaħmijiet. Dawn qalu li dieta bħal din mhux biss tgħin lil dak li jkun jitlef mill-piż imma wkoll tnaqqas l-uġigħ. Kif? Xi wħud jgħidu li din twaqqaf il-proċess taʼ l-infjammazzjoni. Hemm ukoll min jgħid li dieti bla laħam, prodotti tal-ħalib, qamħ, u ħaxix bħal bżar aħmar, patata, brunġiel, u tadam kienu wkoll effettivi għal xi wħud.
F’xi każi tiġi rikkmandata proċedura kirurġika msejħa artroskopija. Din tinvolvi li jiddaħħal strument eżatt fil-ġog, u bih il-kirurgu jkun jistaʼ jneħħi t-tessuti sinovjali li jkunu qed jipproduċu l-enzimi qerrieda. Madankollu, din il-proċedura hija biss effettiva b’mod limitat għax spiss l-infjammazzjoni terġaʼ taqbad. Hemm ukoll proċedura saħansitra iktar ħarxa, l-artroplastija, fejn il-ġog kollu kemm hu (ġeneralment wieħed mill-ġenbejn jew waħda mill-irkobbtejn) jinbidel maʼ wieħed artifiċjali. Din l-operazzjoni sservi minn 10 sa 15-il sena u spiss tkun effettiva ħafna biex tneħħi l-uġigħ.
Dan l-aħħar, it-tobba pprovaw kuri li ma tantx jidħlu fil-ġisem, bħall-viskosupplimentazzjoni, fejn idaħħlu ċertu fluwidu (hyaluronic) direttament f’ġog permezz taʼ titqiba. Dan il-metodu jintuża l-iktar fl-irkobbtejn. Skond xi studji li saru fl-Ewropa, kien hemm ċertu ammont taʼ suċċess mit-titqib b’sustanzi li jistimulaw il-fejqan tal-qarquċa (sustanzi kondroprotettivi).
Filwaqt li għadha ma nstabet l-ebda mediċina biex tfejjaq l-artrite, ħafna mediċini jnaqqsu l-uġigħ u l-infjammazzjoni, u xi wħud għandhom ċans kbir li ma jħallux il-marda tiżviluppa b’pass mgħaġġel. Hemm diversi terapiji li qed jintużaw biex jipprovdu serħan mis-sintomi taʼ l-artrite li jdgħajfu l-ġisem. Dawn jinkludu l-analġeżiċi, jew pilloli li joqtlu l-uġigħ, kif ukoll it-terapija bil-kortikosterojd, mediċina kontra l-infjammazzjoni li ma jkunx fiha sterojdi (nonsteroid anti-inflammatory drugs [NSAIDs]), mediċina antirewmatika li tbatti l-marda (disease-modifying antirheumatic drugs [DMARDs]), sustanzi li jrażżnu r-reazzjoni taʼ l-immunità (immunosuppressants), sustanzi bijoloġiċi li jibdlu r-reazzjoni tal-ġisem, u mediċini magħmulin ġenetikament biex jinterferu mar-reazzjoni tas-sistema taʼ l-immunità. Madankollu, biex wieħed jikseb is-serħan jistaʼ jpattiha qares, minħabba li dawn it-tipi kollha taʼ mediċina jistgħu jikkaġunaw konsegwenzi serji. Hija taʼ sfida, kemm għall-pazjent u kemm għat-tabib, li jeżaminaw il-benefiċċji u r-riskji li jistgħu jkunu involuti.
Xi wħud li batew mill-effetti koroh taʼ l-artrite kif irnexxielhom ikampaw maʼ din il-marda li tikkaġuna ħafna wġigħ?
[Noti taʼ taħt]
a Fosthom hemm l-osteoartrite, l-artrite rewmatika, il-lupus eritematożu sistemiku, l-artrite rewmatika taż-żgħar, il-gotta, il-borżite, id-deni tar-rewmatiżmu, il-marda taʼ Lyme, is-sindromu tal-carpal tunnel, il-fibromijalġija, is-sindromu taʼ Reiter, u l-ispondilite ankilotika.
b Stenbaħ! ma jappoġġax kwalunkwe terapija, mediċina jew proċedura kirurġika. Kulmin ibati minn xi marda għandu r-responsabbiltà li jfittex u jikkunsidra bir-reqqa kwalunkwe kura skond il-fatti magħrufin.
[Kumment f’paġna 6]
IL-ĦXUNA ESAĠERATA, IT-TIPJIP, U L-FATT LI WIEĦED IKUN ĦA XI TRASFUŻJONI TAD-DEMM JISTGĦU JŻIDU R-RISKJU LI WIEĦED IKOLLU BIEX JIŻVILUPPA L-ARTRITE REWMATIKA
[Kaxxa/Stampa f’paġna 8]
TERAPIJI ALTERNATTIVI
Huwa maħsub li xi sustanzi terapewtiċi huma inqas perikolużi minn kuri tradizzjonali għax għandhom inqas effetti koroh. Fosthom hemm il-kollaġen orali tip II, li xi riċerkaturi jgħidu li kellu suċċess f’li jnaqqas in-nefħa fil-ġogi u l-uġigħ fl-artrite rewmatika. Kif? Billi jwaqqaf ċerti proteini msejħin cytokines li jqabbdu l-infjammazzjoni u li huma qerrieda, jiġifieri l-interleukin-1 u proteina li teqred it-tumuri msejħa tumor necrosis factor α. Ġie rapportat li xi ftit sustanzi nutrittivi naturali wkoll kienu kapaċi b’xi mod iwaqqfu dawn l-istess elementi distruttivi. Dawn jinkludu l-vitamina E, il-vitamina Ċ, in-niaċinamid, żjut tal-ħut li fihom ħafna aċidu eikosapentoniku u aċidu gammalinoleniku, żejt taż-żerriegħa tal-fidloqqom, u żejt taʼ l-evening primrose. Fiċ-Ċina t-Tripterygium wilfordii Hook F, kura erbali, ilha tintuża għal snin sħaħ. Huwa rapportat li din irnexxielha sa ċertu punt tnaqqas l-effetti taʼ l-artrite rewmatika.
[Dijagramma f’paġna 4, 5]
(Ghall-formazzjoni shiha tat-test, ara pubblikazzjoni)
ĠOG F’SAĦĦTU
BORŻA SINOVJALI
MUSKOLU
QARQUĊA
GĦERQ
KAPSULA TAL-ĠOG
KISJA SINOVJALI
GĦADMA
FLUWIDU SINOVJALI
ĠOG BL-ARTRITE REWMATIKA
TELF TAʼ SPAZJU
GĦADMA U QARQUĊA MFARRKA
KISJA SINOVJALI FFJAMMATA
ĠOG BL-OSTEOARTRITE
BIĊĊIET JIĠRU MILL-QARQUĊA
QARQUĊA MFARRKA
GĦADMA MQABBŻA ’L BARRA
[Sors]
Sors: Arthritis Foundation
[Stampi f’paġna 7]
L-artrite tistaʼ tolqot lil nies taʼ kull età
[Stampi f’paġna 8]
Jistaʼ jinkiseb ċertu serħan permezz taʼ programm t’eżerċizzju u dieta xierqa