ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 45
GĦANJA 111 Ir-raġunijiet tagħna għall-ferħ
Kif Tistaʼ Tibqaʼ Ferħan Meta Tkun Qed Tieħu Ħsieb lil Xi Ħadd
“Dawk li jiżirgħu bil-biki se jaħsdu b’għajjat taʼ ferħ.”—SLM. 126:5.
DAK LI SE NITGĦALLMU
Xi suġġerimenti taʼ kif tistaʼ tibqaʼ ferħan jekk qed tieħu ħsieb lil xi ħabib jew membru tal-familja li hu kbir fl-età jew marid.
1-2. Jekk qed tieħu ħsieb lil xi ħadd kbir fl-età jew marid, Ġeħova kif iħossu dwarek? (Proverbji 19:17) (Ara wkoll l-istampi.)
“ILNA miżżewġin 32 sena,” jgħid ħu mill-Korea jismu Jin-yeol. “Għal dawn l-aħħar ħames snin, jien ħadt ħsieb lill-mara tiegħi li hi marida. Hi tbati mill-marda tal-Parkinson u bilkemm tistaʼ tiċċaqlaq. Jien inħobbha ħafna u ngħożżha lill-mara tiegħi u ma niddejjaq xejn nieħu ħsiebha. Billejl hi għandha bżonn torqod ġo sodda apposta, allura ġibna waħda d-dar u jien norqod maġenbha. Dejjem norqdu nżommu id xulxin.”
2 Int tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb bħal ommok jew missierek, ir-raġel jew il-mara tiegħek, lit-tifel jew lit-tifla, jew lil xi ħabib jew ħabiba? Jekk iva, żgur li int ferħan li tistaʼ tgħinhom b’dan il-mod. Int tieħu ħsiebhom għax tħobbhom u tħobb lil Ġeħova. (1 Tim. 5:4, 8; Ġak. 1:27) Però, dan fih l-isfidi li jaf oħrajn lanqas biss jinnotaw. Ġieli tistaʼ tħossok waħdek u li ħadd ma jifhmek. Jaf minn barra tkun tidher normali u bi tbissima, imma meta tkun waħdek ma tkunx tistaʼ tieqaf tibki daqskemm tħossok imdejjaq. (Slm. 6:6) Għalkemm oħrajn jistaʼ jkun li ma jafux minn xiex għaddej, ftakar li Ġeħova dejjem ikun jaf. (Ara l-prinċipju f’Eżodu 3:7.) Ġeħova jara li int tixtieq tagħmel ħafna affarijiet imma ma tistax peress li qed tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb. Hu jaf kemm taħdem iebes, jara d-dmugħ tiegħek, u hu jħobbok ħafna għal dak li tagħmel. (Slm. 56:8; 126:5) Ġeħova tant japprezza dak li qed tagħmel li hu jqisu bħallikieku qed tagħmlu miegħu, u jwiegħdek li se jippremjak.—Aqra Proverbji 19:17.
Int qed tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb? (Ara paragrafu 2)
3. Liema sfidi jaf iffaċċjaw Abraham u Sara meta kienu qed jieħdu ħsieb lil Teraħ?
3 Il-Bibbja fiha rakkonti taʼ rġiel u nisa li kienu jieħdu ħsieb lil xi ħadd kbir fl-età jew marid. Pereżempju aħseb dwar Abraham u Sara. Meta telqu minn Ur, missierhom Teraħ, kellu madwar 200 sena. (Ġen. 11:31, 32) Però, hu xorta mar magħhom. Biex waslu Ħaran, huma vvjaġġaw madwar 960 kilometru. Abraham u Sara żgur li kienu jħobbuh ħafna lil Teraħ, imma żgur li din kienet sfida biex jieħdu ħsieb lil xi ħadd taʼ dik l-età fi vjaġġ bħal dan. X’aktarx li huma vvjaġġaw fuq l-iġmla jew ħmir, li għal xi ħadd tal-età taʼ Teraħ żgur li kien diffiċli ħafna. Ma niħduhiex bi kbira li Abraham u Sara ġieli ħassewhom għajjenin ħafna, forsi anke bla saħħa. Però, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova żgur li tahom is-saħħa li kellhom bżonn, u bħalma Ġeħova għen lilhom, hu żgur li se jgħin lilek.—Slm. 55:22.
4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?
4 Jekk tkun ferħan, se jkun iktar faċli biex tkompli tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb. (Prov. 15:13) Tinsiex, int tistaʼ tibqaʼ ferħan anki meta jkollok ċirkustanzi diffiċli. (Ġak. 1:2, 3) Imma x’se jgħinek? Ħaġa waħda hi li titlob lil Ġeħova ħalli jgħinek issib raġunijiet tajbin biex tkun ferħan. F’dan l-artiklu se naraw xi affarijiet oħra li jistgħu jgħinuk tagħmel dan. Se naraw ukoll x’jistgħu jagħmlu nies oħrajn biex jgħinuk. Imma l-ewwel, ejja naraw għala hu importanti li tibqaʼ ferħan int u tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb, u x’jistaʼ jagħmilhielek diffiċli.
GĦALA HU IMPORTANTI LI TIBQAʼ FERĦAN META TIEĦU ĦSIEB LIL XI ĦADD
5. Għala hemm bżonn li nibqgħu ferħanin meta nkunu qed nieħdu ħsieb lil xi ħadd?
5 Jekk persuna li qed tieħu ħsieb lil xi ħadd li tħobb taħseb biss dwar l-affarijiet diffiċli li għandha, jistaʼ jkun li tegħja. (Prov. 24:10) Barra minn hekk, meta tkun għajjiena, tistaʼ ma tibqax daqshekk qalbha tajba u tibda tagħmel l-affarijiet taʼ bilfors. Għala tistaʼ ssir diffiċli meta tkun qed tieħu ħsieb lil xi ħadd?
6. Dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd għala jistaʼ jkun iħossuhom għajjenin ħafna?
6 Dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd jistgħu jħossuhom għajjenin ħafna. Oħt jisimha Leah qalet: “Anki meta l-affarijiet imorru sew, ħafna drabi fl-aħħar tal-ġurnata nħossni stressjata u bla saħħa. Ġieli lanqas biss inkun niflaħ inwieġeb messaġġ.” Oħrajn jistgħu jsibuha diffiċli biex jorqdu biżżejjed jew jieħdu brejk, avolja jkollhom bżonn ħafna. Oħt jisimha Inés qalet: “Jien ma jirnexxilix norqod biżżejjed. Spiss, billejl ikolli nqum kull sagħtejn biex nieħu ħsieb lill-kunjata. U jien u r-raġel ilna snin ma nsiefru flimkien biex nistrieħu.” Xi aħwa li jieħdu ħsieb lil xi ħadd lanqas jistgħu jqattgħu l-ħin mal-ħbieb jew jagħmlu kemm jixtiequ għal Ġeħova, għax jafu li għandhom bżonn jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jħobbu. B’hekk, jistgħu jħossuhom waħedhom u mdejqin għax ma jkunux jistgħu jagħmlu li kienu jagħmlu qabel peress li l-ħajja tkun inbidlet ħafna.
7. Xi wħud li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd għala jaf jħossuhom imdejqin?
7 Xi wħud li jieħdu ħsieb lil xi ħadd jaf iħossuhom imdejqin għax jaħsbu li mhux jagħmlu biżżejjed jew minħabba dak li għaddejja minnu l-persuna li jħobbu. Oħt jisimha Jessica qalet: “Ħafna drabi nħoss li għandi nagħmel iktar biex ngħin lil missieri. U meta nistrieħ ftit inħossni ħażin għax inkun qisni qed naħli l-ħin.” Xi wħud jistgħu jinkwetaw li mhux jagħmlu biżżejjed biex jgħinu lil dawk li jħobbu. Jew xi drabi forsi jħossu li ma jistgħux jibqgħu jieħdu ħsieb lil dik il-persuna. Jistaʼ jkun li meta jkunu għajjenin, jgħidu xi ħaġa li ma jkunux jixtiequ. Dawn l-affarijiet kollha jistgħu jagħmluhom vera mdejqin. (Ġak. 3:2) Jistaʼ jkun li jħossuhom imdejqin ukoll għax jaraw lil dak li jħobbu sejjer lura maʼ kull ġurnata li tgħaddi. Oħt jisimha Barbara qalet: “Waħda mill-ikbar sfidi li għandi hi li nara lill-ħabiba tiegħi marida u kuljum sejra lura.”
8. Xi nies kif ħassewhom meta oħrajn irringrazzjawhom għal dak li għamlu magħhom?
8 Xi wħud li jkunu qed jieħu ħsieb lil xi ħadd li jħobbu jistgħu jħossuhom mhux apprezzati. Għala? Għax in-nies rari jirringrazzjawhom jew ifaħħruhom għas-sagrifiċċji li jagħmlu. Allura meta xi ħadd jirringrazzjahom taʼ xogħolhom iħossuhom inkuraġġiti u ferħanin. (1 Tes. 5:18) Oħt jisimha Melissa, li taħdem mal-anzjani, qalet: “Ġieli bkejt daqskemm kont qed inħossni għajjiena u skuraġġita. Imma meta dawk li nieħu ħsiebhom jirringrazzjawni għal dak li nagħmel, inħossni ferħana ħafna. Dak li jgħiduli jimlieni bl-enerġija biex inkompli ngħin.” Ħu jismu Ahmadu spjega kif jeffettwah meta oħrajn jgħidulu li japprezzaw. Hu u l-mara tiegħu jieħdu ħsieb lin-neputija tagħhom li hi marida ħafna. Hu qal: “Avolja wisq probabbli ma tifhimx is-sagrifiċċji li nagħmlu biex nieħdu ħsiebha, vera nħossni ferħan meta turi li tapprezza jew tipprova tikteb: ‘Inħobbkom.’”
X’TISTAʼ TAGĦMEL BIEX TIBQAʼ FERĦAN
9. Xi ħadd li jkun qed jieħu ħsieb lil xi ħadd li jħobb, kif jistaʼ jagħraf x’jistaʼ u x’ma jistax jagħmel?
9 Agħraf x’tistaʼ u x’ma tistax tagħmel. (Prov. 11:2) Persuna umli tifhem li mhux dejjem se jkollha l-ħin u l-enerġija biex tagħmel dak kollu li tixtieq. Allura se jkollok tara x’tistaʼ u x’ma tistax tagħmel, u kultant ikollok tgħid le. U meta jiġri hekk, ma jkun ġara xejn. Dan juri li int umli. Barra minn hekk, jekk jiġi xi ħadd u joffri li jgħinek, apprezza u aċċetta. Ħu jismu Jay qal: “Kull ġurnata, aħna jkollna ammont taʼ ħin u enerġija. Jekk ma nipprovawx nagħmlu iktar minn dak li nistgħu, se nkunu nistgħu nibqgħu ferħanin.”
10. Meta tkun qed tieħu ħsieb lil xi ħadd, x’hemm bżonn tifhem? (Proverbji 19:11)
10 Ipprova ifhem ir-raġuni għala persuna taġixxi b’ċertu mod. (Aqra Proverbji 19:11.) Meta tagħmel hekk se jgħinek tibqaʼ kalm meta dak li tkun qed tieħu ħsieb jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġgħek. Xi mard jistaʼ jġiegħel lil dak li jkun jagħmel affarijiet li qatt ma jkun għamel qabel. (Ekk. 7:7) Pereżempju, xi ħadd li normalment jitkellem b’qalb tajba u b’mod kalm jaf jibda jargumenta miegħek, igerger ħafna, jew jirrabja. Allura, jekk int qed tieħu ħsieb lil xi ħadd li jbati minn marda serja, se jgħinek jekk titgħallem iktar dwar il-marda tiegħu. Iktar ma titgħallem dwar il-marda, iktar se tifhem li meta jgħid jew jagħmel xi ħaġa li tweġġgħek, ma jkunx għax ma jħobbokx imma minħabba l-marda li għandu.—Prov. 14:29.
11. X’inhuma l-iktar affarijiet importanti li għandhom jagħmlu kuljum dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd? (Salm 132:4, 5)
11 Agħmel il-ħin biex issaħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun li xi drabi se jkun hemm bżonn tnaqqas il-ħin minn ċertu affarijiet oħra biex tagħmel “l-iktar affarijiet importanti.” (Flp. 1:10) Pereżempju, hemm bżonn li ssaħħaħ il-ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. Ir-Re David kellu ħafna affarijiet importanti x’jagħmel, imma li jqim lil Ġeħova kienet l-iktar ħaġa importanti f’ħajtu. (Aqra Salm 132:4, 5.) Bl-istess mod, avolja għandek ħafna x’tagħmel, huwa importanti li twarrab ftit ħin kuljum biex taqra ftit mill-Bibbja u titlob. Oħt jisimha Elisha qalet: “Meta nitlob lil Ġeħova, naqra s-salmi, u naħseb sew dwar dak li nkun qrajt, inħossni kalma u ferħana. It-talb hu xi ħaġa li ma ngħaddix mingħajru. Matul il-ġurnata nitlob ħafna drabi lil Ġeħova biex nibqaʼ kalma.”
12. Għala huwa importanti għal dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd biex jieħdu ħsieb tagħhom infushom ukoll?
12 Agħmel il-ħin biex tieħu ħsieb saħħtek. Nies li jkollhom ħafna x’jagħmlu, bħal li jieħdu ħsieb lil xi ħadd li jkun marid jew kbir fl-età, jistgħu jsibuha taʼ sfida biex isibu ħin jixtru ikel tajjeb għas-saħħa, jew jippreparaw ikel li se jgħinhom jibqgħu b’saħħithom. Imma biex tkun b’saħħtek mentalment u fiżikament għandek bżonn li tiekol ikel tajjeb u tagħmel l-eżerċizzju b’mod regulari. Allura avolja l-ħin tiegħek jistaʼ jkun limitat, użah bl-aħjar mod billi tipprova tiekol ikel sustanzjuż u tagħmel l-eżerċizzju. (Efes. 5:15, 16) Barra minn hekk, prova orqod biżżejjed. (Ekk. 4:6) Esperti li jistudjaw dwar il-moħħ sabu li meta xi ħadd jorqod biżżejjed jgħin biex il-moħħ isewwi lilu nnifsu. L-organizzazzjoni tas-saħħa Banner Health ħarġet artiklu li jismu “How Sleep Can Affect Stress.” Dan l-artiklu qal li meta xi ħadd jorqod biżżejjed se jgħinu biex iħossu inqas ansjuż u jkun jistaʼ jibqaʼ kalm f’sitwazzjonijiet diffiċli. Hemm bżonn ukoll li ssib il-ħin biex tagħmel affarijiet li tieħu gost bihom, bħal xi delizzju. (Ekk. 8:15) Oħt qalet x’għenha biex tibqaʼ ferħana. Hi qalet: “Meta tkun ġurnata sabiħa nipprova nsib ħin biex noħroġ barra u nieħu gost fix-xemx. U minn tal-inqas darba fix-xahar nipprova nsib ġurnata ħalli nqattagħha mal-ħabiba tiegħi u flimkien nagħmlu xi ħaġa li nħobbu.”
13. Għala hu tajjeb li tidħaq? (Proverbji 17:22)
13 Tinsiex tidħaq. (Aqra Proverbji 17:22; Ekk. 3:1, 4) Li tidħaq hu tajjeb kemm għal moħħok u kemm għal ġismek. Ir-realtà hi li meta tkun qed tieħu ħsieb lil xi ħadd, l-affarijiet rari ħa jmorru kif tkun ippjanajthom. Imma jekk tipprova ssib xi ħaġa li tgħinek tidħaq fis-sitwazzjoni li tkun fiha, probabbilment mhux se tiħodhom daqshekk bi kbar. U jekk tidħaq mal-persuna li tkun qed tieħu ħsieb, se jgħinkom biex tersqu qrib xulxin.
14. Li titkellem maʼ ħabib veru kif se jgħinek?
14 Tkellem maʼ ħabib veru. Anki meta tagħmel l-aħjar tiegħek biex tibqaʼ ferħan se jiġu mumenti li xorta se tħossok ansjuż. Meta jiġri hekk, tistaʼ titkellem maʼ ħabib veru li se jgħinek tħossok aħjar għax mhux se jiġġudikak jew jgħidlek li qed tgħaġġibhom. (Prov. 17:17) Peress li jisimgħek sew u jinkuraġġik jaf ikun dak li jkollok bżonn biex terġaʼ tibda tħossok ferħan.—Prov. 12:25.
15. Li titkellem dwar id-dinja l-ġdida kif se jgħinek tkun iktar ferħan?
15 Immaġinak fid-dinja l-ġdida mal-persuna li qed tieħu ħsieb. Prova ftakar li x-xogħol li qed tagħmel biex tieħu ħsieb lil xi ħadd kbir fl-età jew marid mhux se jibqaʼ sejjer għal dejjem u li Ġeħova ma riedx li n-nies ikollhom jagħmlu dan ix-xogħol. (2 Kor. 4:16-18) Il-“ħajja vera” għadha ġejja. (1 Tim. 6:19) Wisq probabbli jekk titkellem maʼ dak li tkun qed tieħu ħsieb dwar id-dinja l-ġdida u tippjanaw x’se tagħmlu flimkien, se jgħinkom biex tkunu ferħanin. (Isa. 33:24; 65:21) Oħt jisimha Heather qalet: “Ħafna drabi ngħid lil dawk li nieħu ħsieb li ma tantx baqaʼ żmien sakemm nibdew inħitu flimkien, niġru u nsuqu r-rota. Aħna se nsajru l-ħobż u nagħmlu ikliet għal dawk li se jirxoxtaw li nħobbu. Flimkien, nirringrazzjaw lil Ġeħova għat-tama li tana.”
KIF OĦRAJN JISTGĦU JGĦINU
16. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd fil-kongregazzjoni tagħna? (Ara wkoll l-istampa.)
16 Offri li tgħin lil dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd biex ikollhom il-ħin biex jistrieħu. L-aħwa fil-kongregazzjoni tiegħek jistgħu joffru li jqattgħu xi ħin mal-persuna li qed tieħu ħsieb. Meta jagħmlu hekk se jkollok il-ħin li tistaʼ tużah biex tistrieħ jew tieħu ħsieb affarijiet personali. (Gal. 6:2) Xi aħwa għamlu skeda miktuba biex ikunu jafu min imiss jgħin kull ġimgħa. Oħt jisimha Natalya, li għandha r-raġel paralizzat, qalet: “Ħu mill-kongregazzjoni tagħna jiġi darba jew darbtejn fil-ġimgħa biex iqattaʼ l-ħin mar-raġel tiegħi. Huma jagħmlu service flimkien, joqogħdu jitkellmu, u anki jaraw xi film. Ir-raġel tiegħi vera jieħu pjaċir meta jkun mal-ħabib tiegħu u jien ikolli ħin nistrieħ jew nagħmel affarijiet li nħobb, bħal pereżempju mmur xi mixja.” Xi aħwa fil-kongregazzjoni jistgħu joffru li jieħdu ħsieb lil ħu jew oħt kbira fl-età jew marida matul il-lejl ukoll. B’hekk, dak li jieħu ħsiebha jkun jistaʼ jorqod sew.
Kif tistaʼ tgħin lil xi ħadd li jkun qed jieħu ħsieb lil xi ħadd li jħobb fil-kongregazzjoni tiegħek? (Ara paragrafu 16)a
17. Kif nistgħu ngħinu lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd waqt il-laqgħat?
17 Għin lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd waqt il-laqgħat. Dawk li jieħdu ħsieb lil xi ħadd jistaʼ jkun li ma jirnexxilhomx jisimgħu ħafna waqt il-laqgħat, l-assembleat, jew il-konvenzjonijiet, għax ikunu qed jieħdu ħsieb lil dak li jħobbu. L-aħwa fil-kongregazzjoni jistgħu joffru li joqogħdu huma mal-persuna marida jew li hi kbira fl-età. Jistgħu jagħmlu hekk għal-laqgħa kollha jew għall-inqas parti minnha. Jekk dak li għandu bżonn l-għajnuna ma jistax joħroġ mid-dar, l-aħwa jistgħu joffru li joqogħdu miegħu u jaqbdu flimkien għal-laqgħa bil-video conference. B’hekk dak li s-soltu jieħu ħsiebu jkun jistaʼ jmur il-laqgħa fis-Sala tas-Saltna.
18. X’nistgħu nagħmlu iktar għal dawk li jkunu qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd?
18 Faħħar lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd u itlob għalihom. L-anzjani għandhom jieħdu l-ħin b’mod regulari biex jinkuraġġixxu lil dawk li qed jieħdu ħsieb lil xi ħadd marid jew kbir fl-età. (Prov. 27:23) U huma x’inhuma ċ-ċirkustanzi tagħna, kollha kemm aħna għandna nieħdu l-ħin u ngħidulhom kemm napprezzaw dak li jagħmlu u li nħobbuhom. Nistgħu wkoll nitolbu lil Ġeħova biex ikompli jtihom is-saħħa u jgħinhom jibqgħu ferħanin.—2 Kor. 1:11.
19. Għal xiex nistgħu nħarsu ’l quddiem?
19 Dalwaqt, Ġeħova se jixxotta kull demgħa li jistaʼ jkollna minħabba l-uġigħ li nħossu. Il-mard u l-mewt se jispiċċaw darba għal dejjem. (Riv. 21:3, 4) “Dawk li jzappu se jaqbżu bħaċ-ċriev.” (Isa. 35:5, 6) Id-dwejjaq li jiġi minħabba li nikbru fl-età jew l-uġigħ li nħossu minħabba li nkunu qed nieħdu ħsieb lil xi ħadd, ‘mhux se niftakruh’ iktar. (Isa. 65:17) Imma anki issa li għadna qed nistennew il-wegħdi taʼ Ġeħova, nistgħu nkunu ċerti li hu qatt mhu se jitlaqna waħedna. Jekk inkomplu nistrieħu fuqu għas-saħħa, se jgħinna ‘nissaportu kollox bil-paċenzja u l-ferħ.’—Kol. 1:11.
GĦANJA 155 Int Għalina Ferħ bla Tmiem
a X’TURINA L-ISTAMPA: Żewġ aħwa nisa żgħar fl-età jmorru jqattgħu ftit ħin maʼ oħt kbira fl-età biex dik li tieħu ħsiebha toħroġ għal mixja.