LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • w14 3/15 pp. 25-29
  • Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-żmien
  • It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • KIF TIPPJANAW GĦAL “JIEM L-​GĦALI”
  • KIF TKAMPAW MAʼ BIDLIET FIĊ-​ĊIRKUSTANZI
  • KIF XI WĦUD IKAMPAW MAL-​ISFIDA
  • Il-​Bibbja X’Tgħid Dwar li Tieħu Ħsieb il-​Ġenituri Meta Jikbru?
    Mistoqsijiet Dwar il-Bibbja Mweġbin
  • Nonoraw lill-​Ġenituri Anzjani Tagħna
    Is-Sigriet taʼ l-Hena fil-Familja
  • Onora lil dawk fostkom imdaħħlin fiż-żmien
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
  • Nieħdu Ħsieb Uħud Imdaħħlin fiż-Żmien —Responsabbiltà Kristjana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2004
Ara Iżjed
It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2014
w14 3/15 pp. 25-29
Tfal adulti jgħinu lil ommhom avanzata fl-​età, li hi f’siġġu tar-​roti, bix-​xirja tagħha

Nieħdu ħsieb lil dawk imdaħħlin fiż-​żmien

“Ulied ċkejknin, ħa ma nħobbu la bil-​kliem u lanqas bl-​ilsien, imma bl-​għemil u l-​verità.”—1 ĠW. 3:18.

INT KIF TWIEĠEB?

  • Il-​ġenituri u t-​tfal adulti tagħhom kif jistgħu jippreparaw għal “jiem l-​għali”?

  • Il-​ġenituri meta forsi jkollhom bżonn iktar għajnuna mingħand uliedhom?

  • Liema għajnuna prattika tistaʼ tagħti lil xi ħadd li qed jieħu ħsieb ġenitur imdaħħal fiż-​żmien?

1, 2. (a) Liema sfidi jiffaċċjaw ħafna familji, u dawn x’mistoqsijiet iqajmu? (b) Il-​ġenituri u t-​tfal kif jistgħu jkunu preparati għal bidliet fiċ-​ċirkustanzi?

JISTAʼ jkun taʼ qsim il-​qalb meta tirrealizza li l-​ġenituri tiegħek, li darba kienu b’saħħithom u indipendenti, m’għadhomx kapaċi jieħdu ħsieb tagħhom infushom. Forsi ommok jew missierek waqaʼ u kiser ġenbu, tħawwad u ħareġ minn daru u ntilef, jew għandu marda serja. Min-​naħa l-​oħra, dawk imdaħħlin fiż-​żmien forsi jsibuha diffiċli jaċċettaw li bidliet fiżiċi jew ċirkustanzi oħra issa jillimitaw l-​indipendenza tagħhom. (Ġob 14:1) X’nistgħu nagħmlu biex ngħinuhom?

2 Artiklu dwar kif tgħin lil dawk avanzati fl-​età qal li għalkemm jistaʼ jkun diffiċli li jitkellmu dwar il-​problemi tax-​xjuħija, familji li jippjanaw bil-​quddiem se jkunu preparati aħjar biex jagħmlu għażliet tajbin meta jkollhom jittieħdu deċiżjonijiet dwar il-​kura tas-​saħħa. Irridu nirrealizzaw li l-​problemi tax-​xjuħija ma jistgħux jiġu evitati. Għalhekk hu importanti ferm li bħala familja jippreparaw minn qabel. Il-​familji kif jistgħu jaħdmu flimkien bl-​imħabba biex jieħdu dawn id-​deċiżjonijiet diffiċli?

KIF TIPPJANAW GĦAL “JIEM L-​GĦALI”

3. Xi familji x’għandhom mnejn ikollhom jagħmlu meta ġenituri avanzati fl-​età jibdew ikollhom bżonn iktar għajnuna? (Ara l-​ewwel stampa.)

3 Jasal iż-​żmien meta l-​biċċa l-​kbira minn dawk imdaħħlin fiż-​żmien ma jkunux għadhom jistgħu jieħdu ħsieb tagħhom infushom sew; ikollhom bżonn l-​għajnuna. (Aqra Ekkleżjasti 12:1-​7.) Meta jiġri hekk, ġenituri avanzati fl-​età u wliedhom għandhom jiddeċiedu flimkien liema għajnuna tkun l-​aħjar għalihom u x’jaffordjaw. Ikun għaqli jekk jiltaqgħu flimkien bħala familja u jiddiskutu liema għajnuna hi meħtieġa, kif din l-​għajnuna se tingħata, u kif kulħadd jistaʼ jikkoopera. Ilkoll għandhom jistinkaw biex ikunu realistiċi u jikkomunikaw bil-​miftuħ. Jistgħu l-​ġenituri jkomplu jgħixu waħedhom fis-​sigurtà?a Tkellmu dwar x’jistaʼ jagħmel kull individwu biex il-​ġenituri jingħataw l-​għajnuna li jeħtieġu. (Prov. 24:6) Pereżempju, xi wħud forsi jkunu jistgħu jieħdu ħsiebhom kuljum filwaqt li oħrajn ikunu jistgħu jagħtu għajnuna finanzjarja. Kulħadd għandu jkun jaf x’inhu l-​irwol tiegħu, imma maż-​żmien, ir-​responsabbiltajiet jistgħu jinbidlu jew il-​familja forsi tiddeċiedi li ċerti responsabbiltajiet jieħdu ħsiebhom darba kull wieħed.

4. Il-​membri tal-​familja mingħand min jistgħu jiksbu l-​għajnuna?

4 Jekk xi ħadd mill-​ġenituri hu marid u int tibda tieħu ħsiebu, ħu l-​ħin biex titgħallem kemm tistaʼ dwar il-​marda tiegħu. Jekk hu, jew hi, għandu marda li se tkompli tmur għall-​agħar, sir af x’tistaʼ tistenna iktar ’il quddiem. (Prov. 1:5) Ikkuntattja l-​uffiċċji tal-​gvern fl-​inħawi tiegħek li jipprovdu servizzi għal dawk imdaħħlin fiż-​żmien. Sir af liema servizzi jistgħu jgħinu lill-​ġenituri tiegħek jingħataw kura aħjar jew li jistgħu jagħmluha iktar faċli għalik biex tieħu ħsiebhom. Hekk kif taħseb dwar dawn il-​bidliet diffiċli, forsi tibda tħossok imnikket ħafna, ixxokkjat, jew konfuż. F’dawn il-​mumenti, esprimi ruħek maʼ ħabib fdat. U fuq kollox, iftaħ qalbek maʼ Ġeħova. Hu jistaʼ jagħtik il-​paċi tal-​moħħ li se tgħinek tkampa maʼ kwalunkwe sitwazzjoni.—Salm 55:22; Prov. 24:10; Flp. 4:6, 7.

5. Għala hi idea tajba li nitgħallmu minn qabel dwar x’għajnuniet hemm disponibbli?

5 Hi idea tajba jekk dawk imdaħħlin fiż-​żmien u l-​familji tagħhom jitgħallmu minn qabel dwar x’għajnuniet hemm disponibbli. Pereżempju, forsi jsiru jafu jekk hux prattiku li ġenitur imur jgħix maʼ ibnu jew bintu, imur jgħix f’dar tal-​anzjani, jew jagħmel għażla oħra li tkun disponibbli. B’dan il-​mod, il-​familji jistgħu jippreparaw għall-​“inkwiet u l-​uġigħ” li ġġib magħha x-​xjuħija. (Salm 90:10) Familji li ma jagħmlux pjanijiet forsi jkollhom jieħdu deċiżjonijiet bl-​għaġla meta l-​problemi eventwalment jinqalgħu. Wieħed espert jgħid li dan kważi dejjem “ikun l-​agħar ħin possibbli biex tittieħed deċiżjoni bħal din.” Meta d-​deċiżjonijiet ikollhom jittieħdu taʼ malajr, membri tal-​familja forsi jkunu stressati u ma jaqblux fuq x’għandu jsir. Madankollu, meta nippjanaw bil-​quddiem, ikun iktar faċli biex naċċettaw il-​bidliet.—Prov. 20:18.

Familja tiltaqaʼ m’ommhom imdaħħla fiż-​żmien biex jiddiskutu l-​bżonnijiet u x’jistaʼ jsir

Il-​familja tistaʼ tiltaqaʼ flimkien biex jitkellmu dwar x’għajnuna hemm bżonn u dwar x’tistaʼ tagħmel kull persuna (Ara paragrafi 6-​8)

6. Għala hu t’għajnuna li nitkellmu dwar fejn u kif il-​ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien se jgħixu hekk kif jikbru?

6 Forsi tħossha bi tqila biex titkellem mal-​ġenituri tiegħek dwar li jagħmlu bidliet f’darhom jew dwar il-​bżonn li xi darba jmorru joqogħdu xi mkien ieħor. Però, ħafna qalu li dawn il-​konversazzjonijiet għenuhom iktar ’il quddiem. Għala? Għax hu iktar faċli li wieħed jitkellem dwar kwistjonijiet diffiċli, jismaʼ b’rispett, u jagħmel pjanijiet prattiċi qabel ma jqumu l-​problemi. F’ambjent rilassat li fih il-​membri tal-​familja jistgħu jgħidu bil-​miftuħ x’inhuma l-​preferenzi tagħhom, se jħossuhom eqreb taʼ xulxin u se jiftakru fl-​imħabba taʼ bejniethom. Uħud akbar fl-​età forsi jkunu jridu jibqgħu jgħixu waħedhom kemm jistgħu. Meta l-​ġenituri jitkellmu maʼ wliedhom dwar x’tip t’għajnuna jippreferu, dan se jgħin lil kulħadd jekk ikollhom jittieħdu deċiżjonijiet bħal dawn.

7, 8. Familji x’għandhom jiddiskutu, u għala?

7 Ġenitur, waqt diskussjoni bħal din, għid lil familtek x’tixtieq int, kemm tiflaħ toħroġ flus, u liema għażliet tippreferi. Imbagħad, jekk xi darba ma tkunx tistaʼ tiddeċiedi għalik innifsek, huma jkunu jistgħu jieħdu d-​deċiżjoni li tixtieq int. X’aktarx li se jkunu jridu jirrispettaw ix-​xewqat tiegħek u jagħmlu kulma jistgħu biex tkun tistaʼ tibqaʼ indipendenti. (Efes. 6:2-​4) Pereżempju, tistenna int li xi ħadd minn uliedek jistiednek tmur tgħix miegħu? Jew qed tistenna xi ħaġa oħra? Kun realistiku u rrikonoxxi li mhux kulħadd forsi jaħsibha bħalek, u li jieħu ż-​żmien biex kemm int kif ukoll uliedek taġġustaw il-​ħsib tagħkom.

8 Meta nippjanaw u nikkomunikaw sew, nistgħu nevitaw ħafna problemi. (Prov. 15:22) Iddiskuti mal-​familja tiegħek dwar il-​kura tas-​saħħa u l-​preferenzi tiegħek. Għandkom tużaw l-​informazzjoni fil-​Prokura għall-​Kura tas-​Saħħa li għandhom ix-​Xhieda taʼ Ġeħova meta jkollkom dawn il-​konversazzjonijiet. Kull individwu għandu dritt ikun jaf dwar x’kuri hemm disponibbli, u għandu dritt jaċċetta jew jirrifjuta l-​kura. Direttiva Medika bil-​Quddiem turi x’inhuma x-​xewqat tal-​persuna. Jekk tagħżel lil xi ħadd li tafda biex jieħu ħsieb il-​Prokura għall-​Kura tas-​Saħħa tiegħek se jkun jistaʼ jieħu d-​deċiżjonijiet xierqa għalik jekk ikun hemm bżonn. Dawk involuti għandhom ikollhom kopja tal-​Prokura għall-​Kura tas-​Saħħa fil-​każ li jkun hemm bżonnha. Xi wħud iżommu kopja tagħha mat-​testment tagħhom u dokumenti importanti oħra dwar l-​assigurazzjoni, il-​finanzi, u kuntatti maʼ uffiċċji tal-​gvern, u affarijiet oħra bħal dawn.

KIF TKAMPAW MAʼ BIDLIET FIĊ-​ĊIRKUSTANZI

9, 10. Il-​ġenituri meta forsi jkollhom bżonn iktar għajnuna mingħand uliedhom?

9 Spiss, il-​ġenituri u l-​ulied ikunu jridu li dawk imdaħħlin fiż-​żmien jibqgħu indipendenti kemm jistaʼ jkun. Forsi jkunu għadhom kapaċi jsajru, inaddfu, jieħdu l-​mediċina, u jikkomunikaw sew. B’hekk, uliedhom forsi ma jkollhomx għalfejn ikunu involuti żżejjed fil-​ħajja tagħhom taʼ kuljum. Madankollu, hekk kif jgħaddi ż-​żmien, jekk isir diffiċli għall-​ġenituri biex jimxu, jekk ma jkunux jistgħu jmorru jixtru, jew jekk jibdew jinsew ħafna iktar mis-​soltu, it-​tfal forsi jkollhom jagħmlu aġġustamenti.

10 Dawk imdaħħlin fiż-​żmien jistgħu jibdew iħossuhom konfużi jew dipressi. Jistgħu jibdew jitilfu s-​smigħ, il-​vista, il-​memorja, jew ikollhom diffikultà biex jużaw it-​tojlit. Malli tinnota problemi taʼ saħħa bħal dawn, fittex l-​għajnuna medika. It-​tfal forsi jkollhom jieħdu r-​responsabbiltà huma biex jagħmlu appuntament għand it-​tabib u anki f’oqsma oħra iktar persunali. Biex jagħmlu ċert li l-​ġenituri jingħataw l-​aqwa għajnuna possibbli, l-​ulied forsi jkollhom jitkellmu għan-​nom tagħhom, jgħinuhom jieħdu ħsieb ittri u dokumenti, jiħduhom għal appuntamenti, u affarijiet oħra bħal dawn.—Prov. 3:27.

11. X’jistaʼ jsir biex ikun iktar faċli għall-​ġenituri biex jaġġustaw ruħhom għall-​bidliet?

11 Jekk il-​ġenituri tiegħek għandhom problemi taʼ saħħa li huma permanenti, forsi jkollok tagħmel xi bidliet fl-​għajnuna li tingħata jew fid-​dar tagħhom. Iktar ma jkunu żgħar il-​bidliet, x’aktarx li iktar se jkun faċli biex jaġġustaw ruħhom. Jekk tgħix ’il bogħod mill-​ġenituri tiegħek, ikun biżżejjed jekk Xhud ieħor jew xi ġar iżurhom fuq bażi regulari u mbagħad jgħidlek kif sejrin il-​ġenituri? Jirrikjedu biss xi għajnuna fit-​tisjir u t-​tindif? B’xi tibdil żgħir fid-​dar, jistaʼ jkun iktar faċli u sigur biex ikunu jistgħu jiċċaqalqu, jinħaslu, u affarijiet oħrajn bħal dawn? Forsi kulma hemm bżonn hu li xi ħadd imur jgħinhom fid-​dar biex jibqgħu jgħixu waħedhom. Madankollu, jekk se jkunu fil-​periklu waħedhom, ikun hemm bżonn t’għajnuna iktar permanenti. Hi x’inhi s-​sitwazzjoni, sir af liema servizzi huma disponibbli lokalment.b—Aqra Proverbji 21:5.

KIF XI WĦUD IKAMPAW MAL-​ISFIDA

12, 13. Xi tfal adulti li jgħixu ’l bogħod mill-​ġenituri tagħhom kif komplew jonorawhom u jieħdu ħsiebhom?

12 Ulied li jħobbu lill-​ġenituri tagħhom iriduhom ikunu komdi. It-​tfal ikollhom moħħhom mistrieħ meta jkunu jafu li hemm min qed jieħu ħsiebhom. Madankollu, ħafna tfal adulti ma jgħixux viċin il-​ġenituri tagħhom. F’każi bħal dawn, xi wħud jużaw il-​vaganzi biex iżuruhom u jgħinuhom fil-​bżonnijiet tagħhom, billi jagħmlu affarijiet li l-​ġenituri m’għadhomx jistgħu jagħmlu. Telefonati regulari—saħansitra kuljum jekk ikun possibbli—ittri, jew e-​mails jaċċertaw lill-​ġenituri li huma maħbubin.—Prov. 23:24, 25.

13 Anki jekk il-​familja tiegħek toqgħod ’il bogħod, se jkollok tiddeċiedi liema għajnuna jeħtieġu kuljum il-​ġenituri tiegħek. Jekk ma tgħixx viċin tagħhom u l-​ġenituri tiegħek huma Xhieda, tistaʼ tkellem lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni tagħhom, u titlobhom is-​suġġerimenti tagħhom. U tinsiex titlob dwar il-​kwistjoni. (Aqra Proverbji 11:14.) Anki jekk il-​ġenituri tiegħek mhumiex Xhieda, għandek ‘tonora lil missierek u lil ommok.’ (Eżo. 20:12; Prov. 23:22) Huwa minnu li mhux il-​familji kollha se jieħdu l-​istess deċiżjonijiet. Xi wħud jirranġaw biex ġenitur imdaħħal fiż-​żmien imur jgħix magħhom jew eqreb lejhom. Però, dan ma jkunx dejjem possibbli. Xi ġenituri jippreferu ma jgħixux mat-​tfal adulti tagħhom u l-​familji tagħhom; huma jgħożżu l-​indipendenza tagħhom u ma jridux ikunu taʼ piż. Xi wħud għandhom mnejn jaffordjaw—u forsi jippreferu—li jħallsu biex xi ħadd jieħu ħsiebhom waqt li jibqgħu jgħixu fid-​dar tagħhom.—Ekk. 7:12.

14. Xi problemi jistgħu jiffaċċjaw dawk li jagħtu l-​iktar għajnuna?

14 F’ħafna familji, l-​iben jew il-​bint li toqgħod l-​eqreb tal-​ġenituri donnha tkun l-​iktar waħda li tieħu ħsiebhom. Iżda dawk li jagħtu l-​iktar għajnuna jridu jibbilanċjaw il-​bżonnijiet tal-​ġenituri mal-​bżonnijiet tal-​familja tagħhom stess. Kull individwu għandu l-​limiti tiegħu kemm jiflaħ jagħti ħin u enerġija. U forsi s-​sitwazzjoni taʼ dan l-​individwu tinbidel, u b’hekk ikun hemm bżonn li l-​arranġamenti jerġgħu jiġu diskussi. Hemm forsi membru tal-​familja li qed jerfaʼ wisq responsabbiltajiet? Jistgħu t-​tfal l-​oħrajn jagħmlu iktar, bħal pereżempju jieħdu ħsieb il-​ġenituri darba kull wieħed?

15. Dawk li jagħtu l-​iktar għajnuna kif jistgħu jevitaw li jħossuhom eżawriti fiżikament u mentalment?

15 Meta ġenitur avanzat fl-​età jkollu bżonn min jieħu ħsiebu l-​ħin kollu, hemm il-​periklu li l-​individwu li jkun qed jgħinu l-​iktar iħossu eżawrit fiżikament u mentalment. (Ekk. 4:6) Tfal li jħobbu lill-​ġenituri tagħhom iridu jagħmlu kulma jistgħu għalihom, imma dan jistaʼ jsir wisq taʼ piż għalihom. Dawk li jieħdu ħsieb il-​ġenituri kontinwament iridu jkunu realistiċi u forsi jkollhom jitolbu għall-​għajnuna. Daqqa t’id minn żmien għal żmien jistaʼ jagħmilha possibbli biex ikomplu jagħtu l-​għajnuna mingħajr ma jużaw dar tal-​anzjani.

16, 17. It-​tfal liema sfidi għandhom mnejn jiffaċċjaw waqt li jkunu qed jieħdu ħsieb ġenituri mdaħħlin fiż-​żmien, u kif jistgħu jkampaw? (Ara wkoll il-​kaxxa “Tieħu ħsiebhom mill-​qalb.”)

16 Hu taʼ niket meta tara l-​effetti taʼ wġigħ tax-​xjuħija fuq ġenituri maħbubin. Ħafna minn dawk li jieħdu ħsiebhom iħossuhom qalbhom sewda, ansjużi, frustrati, irrabjati, ħatjin, jew saħansitra mimlijin imrar. Kultant, ġenitur imdaħħal fiż-​żmien forsi jgħid xi ħaġa li tweġġaʼ jew juri nuqqas t’apprezzament. Jekk jiġri hekk, tgħaġġilx biex tieħu għalik. Espert tas-​saħħa mentali jgħid li meta nħossuna mnikktin, l-​ewwel irridu nammettu li għandna dawn is-​sentimenti u mbagħad nipprovaw ma nħossuniex ħatjin minħabba fihom. Tkellem mar-​raġel jew il-​mara tiegħek, membru ieħor tal-​familja, jew ħabib fdat dwar dan. Konversazzjonijiet bħal dawn jistgħu jgħinuk tifhem is-​sentimenti tiegħek u tkun bilanċjat.

17 Forsi jasal iż-​żmien meta ma jkunx għadu possibbli li tkompli tieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ xi ħadd maħbub id-​dar. Il-​familja għandha mnejn tiddeċiedi li l-​persuna għandha bżonn l-​għajnuna taʼ xi dar tal-​anzjani. Oħt Kristjana kienet iżżur lil ommha f’dar tal-​anzjani kważi kuljum. Hi tgħid: “Lil ommi ma stajniex nagħtuha l-​kura li kellha bżonn 24 siegħa kuljum. Ma kienx faċli biex nieħdu d-​deċiżjoni li kellha bżonn tmur f’dar tal-​anzjani. Emozzjonalment kienet diffiċli ferm. Madankollu, kienet l-​aħjar soluzzjoni għaliha fl-​aħħar xhur taʼ ħajjitha, u hi aċċettat dan.”

18. Dawk li jieħdu ħsieb il-​ġenituri tagħhom minn xiex jistgħu jkunu ċerti?

18 Ir-​responsabbiltajiet taʼ li tieħu ħsieb il-​ġenituri tiegħek li jkunu qed jikbru fl-​età jistgħu jkunu komplikati u diffiċli emozzjonalment. Meta tkun qed tieħu ħsieb lil dawk avanzati fl-​età, m’hemmx soluzzjonijiet li huma tajbin għal kulħadd. Iżda, jekk tippjana bir-​reqqa, tikkoopera mal-​familja, tikkomunika sew u, fuq kollox, titlob lil Ġeħova, tkun tistaʼ twettaq ir-​responsabbiltà li għandek biex tonora lill-​maħbubin tiegħek. Meta tagħmel hekk, tistaʼ tkun sodisfatt għax qed tagħtihom l-​għajnuna u l-​attenzjoni li jeħtieġu. (Aqra l-​1 Korintin 13:4-​8.) L-​iktar importanti hu li se jkollok il-​paċi tal-​moħħ u l-​barka taʼ Ġeħova.—Flp. 4:7.

a F’xi kulturi huwa normali li l-​ġenituri jgħixu mat-​tfal adulti tagħhom u forsi dan ikun preferut.

b Jekk il-​ġenituri tiegħek għadhom jgħixu waħedhom, agħmel ċert li dawk li tafdahom biex jieħdu ħsiebhom għandhom iċ-​ċavetta biex jidħlu fid-​dar tal-​ġenituri f’każ t’emerġenza.

Tieħu Ħsiebhom Mill-​qalb

Waħda oħt tgħix erbaʼ sigħat ’il bogħod mill-​ġenituri tagħha. Flimkien mat-​tliet ħutha, hi tieħu ħsieb il-​ġenituri tagħha mdaħħlin fiż-​żmien, u ommha tbati mill-​marda tal-​Alzheimer. Hi tgħid: “Kemm jogħġobni l-​għerf fil-​kliem taʼ Ġesù: ‘Qatt tkunu ansjużi dwar l-​għada, għax l-​għada se jkollu l-​ansjetajiet tiegħu. Hu biżżejjed għal kull ġurnata l-​ħażen tagħha.’ Ma nistgħu nagħmlu xejn biex inwaqqfu l-​marda. Il-​mira tagħna hi li nagħmlu kulma nistgħu kuljum biex ommi u missieri jħossuhom komdi kemm jistaʼ jkun. Huma għamlu ħafna għalina, u issa nħossni grata li nistaʼ nieħu ħsiebhom jien.” Ġeħova ċertament li jieħu pjaċir b’attitudni mill-​isbaħ bħal din.—Mt. 6:34; Salm 68:19.

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja