LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g04 9/8 pp. 20-22
  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Ibati minn Disturbi Mentali

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Meta Xi Ħadd li Tħobb Ibati minn Disturbi Mentali
  • Stenbaħ!—2004
  • Materjal Simili
  • X’għandek tkun taf dwar id-diżordnijiet mentali
    Stenbaħ!—2015
  • Problema Kbira taʼ Saħħa Mentali Madwar id-Dinja
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2023
  • Kif Tgħin lil Dawk li Jbatu bl-Ansjetà
    Stenbaħ!—2012
  • 4 | Il-Bibbja Tagħti Pariri li Jgħinuk
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Pubbliku)—2023
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2004
g04 9/8 pp. 20-22

Meta Xi Ħadd li Tħobb Ibati minn Disturbi Mentali

IL-​ĠURNATA bdiet bħal kull ġurnata oħra fost il-​ġimgħa għall-​familja Borg.a L-​erbgħa li huma qamu u libsu biex jibdew l-​attività tal-​jum. Marija fakkret lil binha John, taʼ 14-il sena, li kien sar il-​ħin biex imur jilħaq il-​private taʼ l-​iskola. Li ġara wara, żgur ma kienx mistenni. F’nofs siegħa, John sprejja ħajt taʼ kamra tas-​sodda biż-​żebgħa, ipprova jagħti n-​nar lill-​garaxx, u pprova jitgħallaq fil-​kamra tal-​bejt.

Marija u żewġha Frank saqu wara l-​ambulanza li ħadet lil John l-​isptar, waqt li pprovaw jifhmu dak li kien għadu kif ġara. Iżda, jiddispjaċina ngħidu li dak kien għadu biss il-​bidu. Wara dan ġraw ħafna episodji psikotiċi oħra li tefgħu lil John fid-​dinja mudlama tal-​mard tal-​moħħ. Dan il-​perijodu taʼ diqa li dam ħames snin kien jinkludi bosta attentati taʼ suwiċidju, żewġ arresti, kura f’sebaʼ sptarijiet psikjatriċi, u sessjonijiet bla għadd maʼ speċjalisti tas-​saħħa mentali. Il-​ħbieb u l-​qraba tagħhom spiss kienu jħossuhom konfużi dwar x’se jaqbdu jgħidulhom jew dwar x’jistgħu jagħmlu.

Huwa stmat li wieħed minn kull erbaʼ persuni mad-​dinja kollha jiġi effettwat b’xi marda tal-​moħħ f’xi żmien jew ieħor f’ħajtu. Meta tqis din l-​istatistika allarmanti, il-​probabbiltà hi li kulħadd għandu lil xi ħadd mill-​ġenituri, mit-​tfal, minn ħutu, jew minn ħbiebu b’xi xorta taʼ disturbi tal-​moħħ.b X’tistaʼ tagħmel jekk xi ħadd li tħobb għandu xi ħaġa bħal din?

● Agħraf is-​sintomi. Mhux dejjem tistaʼ tinduna mill-​ewwel bil-​preżenza taʼ disturbi mentali. Il-​ħbieb u l-​membri tal-​familja għandhom mnejn jattribwixxu s-​sintomi lil bidla fl-​ormoni, mard fiżiku, dgħjufijiet fil-​personalità, jew huma riżultat taʼ xi ċirkustanzi diffiċli. Omm John kienet rat sintomi taʼ problemi f’John, imma l-​ġenituri tiegħu ħasbu li l-​burdati tiegħu kienu parti minn fażi li kien għaddej minnha bħala adoloxxenti u li kienet se tgħaddi malajr. Madankollu, bidliet sinifikanti fl-​irqad, fl-​ikel, jew fl-​imġiba jistgħu jindikaw xi ħaġa iktar serja. Jekk jiġi eżaminat minn speċjalista, l-​individwu li tant tħobb jistaʼ jingħata kura effettiva u jgawdi kwalità taʼ ħajja aħjar.

● Informa ruħek. Nies b’diżordni mentali normalment ma tantx ikunu kapaċi jagħmlu riċerka dwar il-​kundizzjoni tagħhom. Għaldaqstant, l-​informazzjoni li tiġbor minn sorsi reċenti u li tistaʼ toqgħod fuqhom tistaʼ tgħinek tifhem dak li jkun għaddej minnu l-​individwu li tant tħobb. Tistaʼ tgħinek ukoll biex meta titkellem m’oħrajn tkun taf kif u x’għandek tgħidilhom. Per eżempju, Marija tat lin-​nanniet taʼ John xi fuljetti mediċi li għenuhom iħossuhom iktar informati u involuti.

● Fittex il-​kura. Minkejja li ċerti disturbi mentali ġieli jieħdu fit-​tul, b’kura xierqa, ħafna li jbatu minnhom jistaʼ jkollhom ħajja stabbli u produttiva. Sfortunatament, ħafna nies idumu jitgħaxxu snin sħaħ mingħajr ma jingħataw għajnuna. Bħalma problema serja fil-​qalb tirrikjedi speċjalista tal-​qalb, hekk ukoll il-​mard tal-​moħħ jirrikjedi l-​attenzjoni taʼ dawk li jafu kif jikkuraw dawn il-​problemi. Per eżempju, il-​psikjatri jistgħu jirrikkmandaw mediċini li meta jittieħdu regolarment jistgħu jgħinu jikkontrollaw il-​burdata, itaffu l-​ansjetà, u jirranġaw xi difetti fil-​mod kif ikun qed jaħdem il-​moħħ.c

● Inkuraġġih ifittex l-​għajnuna. Dawk li jkollhom disturbi mentali forsi ma jirrealizzawx li għandhom bżonn l-​għajnuna. Int tistaʼ tissuġġerixxi lil min għandu l-​problema biex jara xi tabib partikulari, jaqra xi artikli utli, jew jitkellem maʼ xi ħadd li rnexxielu jegħleb xi problema simili. Għandu mnejn li dak li jkun ma jaċċettax il-​parir tiegħek. Iżda għandek tieħu azzjoni jekk xi ħadd fil-​ħarsien tiegħek jinsab fil-​periklu li jweġġaʼ lilu nnifsu jew lill-​oħrajn.

● Tipprovax tara fiex se twaħħal. Ix-​xjenzati għadhom ma jistgħux isibu tarf taʼ kif il-​fatturi ġenetiċi, ambjentali, u soċjali kollha flimkien jingħaqdu biex jikkaġunaw problemi fil-​mod kif jaħdem il-​moħħ. Jistaʼ jkun hemm iktar minn fattur wieħed li jikkaġuna d-​disturbi mentali, fatturi bħal xi daqqa li tikkaġuna ħsara fil-​moħħ, abbuż taʼ drogi jew alkoħol, stress minn sitwazzjonijiet li wieħed ikun imdawwar bihom, żbilanċ fil-​kimika tal-​ġisem, u tendenzi li jintirtu. Ma ġġib xejn billi takkuża lill-​individwu b’dak li taħseb li setaʼ għamel u li wasslu għall-​marda. L-​aħjar li tidderieġi l-​enerġija tiegħek biex tagħtih appoġġ u inkuraġġiment.

● Agħmillu miri realistiċi. Jekk tistenna minnu iktar milli jistaʼ jagħti, dak li għandu l-​problema żgur se jħossu skuraġġit. Mill-​banda l-​oħra, jekk tenfasizza żżejjed il-​limitazzjonijiet tiegħu tistaʼ ġġagħlu jħossu li m’hu kapaċi jagħmel xejn. Għalhekk, kun realistiku f’dak li tistenna minnu. M’għandniex xi ngħidu, kondotta ħażina m’għandhiex tiġi tollerata. Bħal kull bniedem ieħor, dawk b’disturbi mentali jistgħu jitgħallmu mill-​konsegwenzi tal-​kondotta tagħhom. Imġiba vjolenti għandha mnejn tirrikjedi azzjoni legali jew ċerti restrizzjonijiet biex jiġi protett l-​individwu nnifsu jew oħrajn.

● Ibqaʼ żomm il-​komunikazzjoni. Il-​komunikazzjoni hija vitali, avolja xi drabi forsi jkun qisu li l-​kummenti tiegħek qed jiġu interpretati ħażin. It-​tweġibiet taʼ xi ħadd b’disturbi mentali jistgħu ma jkunux dak li tistenna, u l-​emozzjonijiet tiegħu forsi jkunu qishom m’humiex addattati għal dak il-​mument. Minkejja dan, jekk tikkritika dak li jgħid se żżidlu l-​ħtija mad-​dipressjoni li diġà għandu. Meta donnu li ma jkunx irid jaf b’dak li qed tgħidlu, oqgħod kwiet u isimgħu. Oqgħod ismaʼ x’qed iħoss u x’qed jaħseb mingħajr ma tikkundannah. Ipprova ibqaʼ kalm. Kemm int u kemm l-​għażiż tiegħek li jkollu l-​problema se tibbenefikaw jekk dejjem tibqaʼ turi li int konċernat. Hekk ħassu John. Ftit tas-​snin wara, esprima l-​apprezzament tiegħu lejn dawk li dwarhom qal: “Għenuni meta ma ridtx għajnuna.”

● Aħseb dwar il-​bżonnijiet taʼ membri oħra tal-​familja. Meta familja trid tikkonċentra fuq wieħed mill-​membri tagħha li jkun għaddej minn xi kriżi, il-​membri l-​oħrajn jistgħu jiġu traskurati. Għal xi żmien, Amy, oħt John, ħassitha li “qed tgħix fid-​dell tal-​marda tiegħu.” Ma tantx kienet issemmi l-​affarijiet li kienet tirnexxi fihom sabiex ma tiġbidx l-​attenzjoni lejha. Iżda fl-​istess ħin, il-​ġenituri tagħha donnhom kienu jriduha tistinka iżjed, bħallikieku biex tpatti għan-​nuqqasijiet taʼ ħuha. Xi tfal li jkunu f’din is-​sitwazzjoni u li jiġu traskurati jipprovaw jiġbdu l-​attenzjoni billi jaqilgħu l-​inkwiet. Familji li jkunu għaddejjin minn xi kriżi għandhom bżonn l-​għajnuna biex ikunu jistgħu jagħtu l-​attenzjoni lill-​membri kollha tal-​familja. Per eżempju, meta l-​familja Borg kienet mifnija bil-​problemi taʼ John, ħbieb fil-​kongregazzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah fejn kienu jattendu għenu lil Amy billi tawha attenzjoni iktar mis-​soltu.

● Inkuraġġixxi affarijiet li jgħinu s-​saħħa mentali. Biex ittejjeb is-​saħħa mentali hemm bżonn tippjana bid-​dettall biex tinkludi affarijiet bħalma huma dieta tajba, eżerċizzju, irqad, u attivitajiet soċjali. Attivitajiet sempliċi maʼ gruppi żgħar taʼ ħbieb normalment huma inqas taʼ sfida. Ftakar ukoll li l-​alkoħol jistaʼ jiggrava s-​sintomi u jfixkel l-​effett tal-​mediċini. Issa, il-​familja Borg qed tipprova żżomm rutina t’affarijiet li huma taʼ benefiċċju għas-​saħħa mentali taʼ kulħadd, imma speċjalment taʼ binhom.

● Ħu ħsieb tiegħek innifsek. Meta tkun qed tieħu ħsieb xi ħadd b’disturbi mentali tistaʼ tinħakem minn ħafna stress li jistaʼ jhedded l-​istess benesseri tiegħek. Għalhekk, huwa essenzjali li toqgħod attent għall-​bżonnijiet fiżiċi, emozzjonali, u spiritwali tiegħek. Il-​membri tal-​familja Borg huma Xhieda taʼ Jehovah. Marija tħoss li l-​fidi tagħha għenitha ħafna biex tkampa mal-​kriżi li ġiet fuq il-​familja tagħha. Hi tgħid: “Il-​laqgħat Kristjani kienu t’għajnuna biex inaqqsuli l-​istress, kienu ħin li fih ninsa għal ftit dak li kien qed jinkwetani u niffoka fuq kwistjonijiet akbar u fuq it-​tama aħħarija. Ma jingħaddux id-​drabi li tlabt disperatament għal serħan, u dejjem kien jittaffa l-​uġigħ b’xi bidla li kienet isseħħ. Bl-​għajnuna taʼ Jehovah, kelli paċi tal-​moħħ li ma titwemminx meta tqis iċ-​ċirkustanzi li konna għaddejjin minnhom.”

John issa sar adult żagħżugħ u jħares lejn il-​ħajja b’mod differenti. Hu jgħid: “Inħoss li dak li għaddejt minnu ġagħalni nsir persuna aħjar.” Amy, oħt John, tħoss li hi wkoll ibbenefikat mill-​esperjenza. Hi tgħid: “Sirt nikkritika inqas lill-​oħrajn. Ma tkunx taf minn liema ċirkustanzi jkun maħkum dak li jkun. Alla Jehovah biss jaf.”

Jekk xi ħadd li tħobb għandu disturbi mentali, dejjem ftakar li jekk toqgħod tisimgħu, tagħtih daqqa t’id, u ma tkunx preġudikat tistaʼ tgħinu biex jissupera l-​kriżi​—u biex saħansitra jfiq għalkollox.

[Noti taʼ taħt]

a L-ismijiet ġew mibdulin.

b Xi nies jużaw it-​terminu “disturbi mentali” għax jinstemaʼ aħjar minn mard tal-​moħħ u jispjega aħjar kull tip taʼ problemi mentali.

c Għandhom jiġu kunsidrati mhux biss xi benefiċċji li jistgħu jiġu permezz taʼ dawn il-​mediċini imma anki xi effetti ħżiena li jistaʼ jkollhom. Ir-​rivista Stenbaħ! ma tappoġġax xi kura medika partikulari. Il-​Kristjani għandhom ikunu żguri li kwalunkwe kura li jieħdu ma tkunx f’konflitt mal-​prinċipji tal-​Bibbja.

[Kaxxa f’paġna 21]

Xi Sintomi tad-​Disturbi Mentali

Jekk xi ħadd li tħobb ikollu xi sintomi minn dawn li ġejjin, għandu mnejn li jkollu bżonn jikkonsulta tabib jew speċjalista tas-​saħħa mentali:

• Dwejjaq jew nervi persistenti

• Jinqataʼ għalih waħdu

• Bidliet kbar fil-​burdati

• Rabja eċċessiva

• Imġiba vjolenti

• Jabbuża mid-​drogi jew l-​alkoħol

• Biżaʼ, inkwiet, u ansjetà eċċessiva

• Biżaʼ mhux aċċettabbli minn żjieda fil-​piż

• Bidla sinifikanti fid-​drawwiet taʼ l-​ikel u l-​irqad

• Ħolm tal-​biżaʼ persistenti

• Ħsibijiet imħawdin

• Delużjonijiet u alluċinazzjonijiet

• Thewdin dwar mewt u suwiċidju

• Ma jkunx jistaʼ jkampa mal-​problemi u l-​attivitajiet taʼ kuljum

• Ma jaċċettax problemi li jkunu ovvji

• Bosta wġigħ fiżiku li ma jkunx jaf minn xiex ġej

[Stampa f’paġna 22]

Meta dak li jkollu l-​problema donnu li ma jkunx irid jaf b’dak li qed tgħidlu, oqgħod kwiet u isimgħu

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja