Ewropa Magħquda—X’Differenza Tagħmel?
IL-FLIEXKEN tax-xampanja nfetħu, u fis-sema dehru ħafna murtali. X’kienet l-okkażjoni? Kien dan millennju l-ġdid? Le, f’din l-okkażjoni bla dubju sar iktar milli sempliċement inbidlu xi numri fil-kalendarji. Kien l-ewwel taʼ Jannar, 1999. Dakinhar ġie maħruġ uffiċjalment tip ġdid taʼ flus għall-Unjoni Ewropea (UE), l-euro.
Għal ħafna Ewropej, il-fatt li jkollhom tip wieħed taʼ flus huwa pass storiku billi l-Ewropa ilha tfittex li tingħaqad. Il-gazzetta Olandiża De Telegraaf iddeskriviet il-ħruġ taʼ l-euro bħala l-“kuruna taʼ l-unifikazzjoni Ewropea.” Fil-fatt, wara snin twal taʼ ħolm, diplomazija, u dewmien, issa l-unità Ewropea tidher iktar fil-viċin minn qatt qabel.
Bir-raġun, dawk in-nies li jgħixu barra mill-Ewropa għandhom mnejn jiddubitaw għalfejn qamet din l-għagħa kollha. Forsi jħossu li l-ħajja tagħhom taʼ kuljum ftit li xejn hija effettwata mill-wasla taʼ l-euro u mill-isforzi li qed isiru biex l-Ewropa tingħaqad. Però, jekk l-Ewropa tingħaqad, din se tkun blokk ekonomiku mill-akbar fid-dinja. Għalhekk, jgħix fejn jgħix, wieħed mhux la kemm jaqbad u jinjoraha l-Ewropa magħquda.
Per eżempju m’ilux wisq, Marc Grossman, l-Assistent Segretarju Amerikan taʼ l-Istat, qal lill-udjenza mill-Amerka taʼ Fuq: “Ir-riżq tagħna huwa konness maʼ l-Ewropa.” Dan għala? Fost ir-raġunijiet li semma kien hemm li “wieħed minn kull 12-il ħaddiem fil-fabbriki fl-Istati Uniti għandhom impjieg f’waħda mill-4,000 kumpaniji b’sidien Ewropej li hemm fl-Istati Uniti.” Ir-rapporti jgħidu wkoll li dan it-tip ġdid taʼ flus għall-Ewropa jistaʼ jeffettwa l-prezz taʼ l-affarijiet importati, u anki r-rati tas-self taʼ flus għall-bini, f’pajjiżi ’l bogħod mill-Ewropa.
Il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jistgħu jibbenefikaw. Kif? Ċertu studju li sar wera li billi l-euro se jieħu post id-diversi muniti fl-Ewropa, ir-relazzjonijiet kummerċjali bejn il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-UE se jissimplifikaw. Iktar minn hekk, xi wħud qed jaħsbu li l-kumpaniji Ġappuniżi u Amerikani li qed jagħmlu kummerċ fl-Ewropa se jibbenefikaw ukoll. La jiġi stabbilit l-euro, ir-rati tal-kambju bejn il-pajjiżi Ewropej m’humiex se joqogħdu telgħin u neżlin. Jistaʼ jiġri li jkun iktar taʼ vantaġġ ekonomiku illi wieħed jagħmel kummerċ fl-Ewropa.
Jekk għandek il-ħsieb li tivvjaġġa fl-Ewropa, int ukoll tistaʼ tibbenefika mill-unità Ewropea. Dalwaqt se tkun tistaʼ tikseb affarijiet u servizzi f’diversi pajjiżi Ewropej b’tip wieħed taʼ flus, l-euro. Dan bejn wieħed u ieħor jiswa daqs nofs lira Maltija. Imbagħad daqshekk turisti mifxulin, ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu bil-guldenijiet Olandiżi, il-franki Franċiżi, il-liri Taljani, il-marki Ġermaniżi, u l-calculators.
Madankollu, il-fatt li l-Ewropa qed tipprova ssir kontinent magħqud joffri xi ħaġa isbaħ. Dan joffri tama. Meta wieħed jieqaf jaħseb, ftit tas-snin ilu l-Ewropa kienet midfuna fil-gwerer. Minn dak il-lat, l-unifikazzjoni Ewropea hija fenomenu taʼ l-għaġeb. Nies mad-dinja kollha qed jinteressaw ruħhom f’dan.
Żgur li ħafna nies jitħassbu jekk huwiex realistiku, fuq kollox, li nistennew li jkun hemm l-għaqda fid-dinja. Dan huwa prospett tassew sabiħ imma qisu impossibbli! Il-passi li qed jittieħdu biex l-Ewropa tingħaqad, se jwasslu lill-bniedem għal dinja magħquda? Qabel ma nikkunsidraw din il-mistoqsija, hemm bżonn li nikkunsidraw b’mod onest l-unifikazzjoni Ewropea. Liema ostakli għad iridu jitneħħew qabel ma jkun hemm din l-għaqda?
[Kaxxa/Tabella f’paġna 4]
HIJA DIN L-UNITÀ XI ĦAĠA TAʼ ISSA?
L-idea t’Ewropa magħquda m’hi ġdida xejn. Kien hemm ċerta unità matul iż-żmien taʼ l-Imperu Ruman, imbagħad taħt il-ħakma taʼ Karlumanju, u iktar tard taħt Napuljun I. F’dawn il-każi l-unità kienet ibbażata fuq il-forza u l-konkwisti. Iżda wara t-Tieni Gwerra Dinjija, għadd taʼ pajjiżi mħarbtin bil-gwerer ħassew il-bżonn għall-unità bbażata fuq il-kooperazzjoni. Dawn il-pajjiżi ttamaw li kooperazzjoni bħal din mhux biss kienet se twassalhom biex jirkupraw ekonomikament imma wkoll biex ma jkunx hemm iktar gwerer. Dawn li ġejjin huma xi wħud mill-passi storiċi li wasslu għas-sitwazzjoni fil-preżent:
• 1948 Mijiet taʼ ħakkiema politiċi fl-Ewropa jinġabru flimkien f’The Hague, fl-Olanda, u jaħilfu: “Qatt m’aħna se nerġgħu niggwerraw kontra xulxin.”
• 1950 Franza u l-Ġermanja jibdew jikkooperaw sabiex jipproteġu l-industriji tagħhom tal-faħam u taʼ l-azzar. Iżjed pajjiżi jingħaqdu magħhom, u dan iwassal biex tiġi fformata l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar (European Coal and Steel Community [ECSC]). L-ECSC tibda topera fl-1952 u tinkludi lill-Belġju, Franza, il-Ġermanja tal-Punent, l-Italja, il-Lussemburgu, u l-Olanda.
• 1957 Is-sitt membri taʼ l-ECSC jifformaw żewġ organizzazzjonijiet oħrajn: is-Suq Komuni (European Economic Community [EEC]) u l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika (European Atomic Energy Community [Euratom]).
• 1967 L-EEC tingħaqad maʼ l-ECSC u l-Euratom biex jifformaw il-Komunità Ewropea (EC, bl-Ingliż).
• 1973 L-EC taċċetta lid-Danimarka, lill-Irlanda, u lir-Renju Unit.
• 1981 Il-Greċja tidħol fl-EC.
• 1986 Il-Portugall u Spanja jidħlu fl-EC.
• 1990 L-EC tkompli tikber meta l-Ġermanja tal-Punent u tal-Lvant jingħaqdu flimkien, u b’hekk dik li qabel kienet il-Ġermanja tal-Lvant tidħol fl-organizzazzjoni.
• 1993 L-isforzi għal unjoni ekonomika u politika akbar bejn il-membri taʼ l-EC jwasslu biex tinħoloq l-Unjoni Ewropea (UE).
• 2000 L-UE tikkonsisti fi 15-il pajjiż membru—l-Awstrija, il-Belġju, id-Danimarka, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Isvezja, l-Italja, il-Lussemburgu, l-Olanda, il-Portugall, ir-Renju Unit, u Spanja.
[Stampa f’paġna 3]
L-euro se jieħu post ħafna mill-muniti Ewropej
[Sors tal-istampa f’paġna 3]
Euros u s-simboli taʼ l-euro f’paġni 3, 5-6, u 8: © European Monetary Institute