LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 5/8 pp. 5-8
  • Tassew li l-Ewropa Se Tingħaqad?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Tassew li l-Ewropa Se Tingħaqad?
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Passi lejn Munita Waħda
  • Kwistjonijiet Oħra Konnessi mal-​Flus
  • Membri Ġodda Jixtiequ Jidħlu fl-​UE
  • Korla, Nazzjonaliżmu, u Qgħad
  • Min Hu l-​Kap?
  • Ewropa Magħquda—X’Differenza Tagħmel?
    Stenbaħ!—2000
  • Id-Dinja f’Liema Direzzjoni Sejra?
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2005
  • Ħarsa Lejn Id-​dinja
    Stenbaħ!—1999
Stenbaħ!—2000
g00 5/8 pp. 5-8

Tassew li l-​Ewropa Se Tingħaqad?

JEKK ma tistax tniżżilha li l-​Ewropa trid tingħaqad bis-​serjetà, kulma trid tagħmel hu li taqsam xi wħud mill-​fruntieri taʼ ġo fiha. In-​nies issa qed jivvjaġġaw bil-​libertà kollha ġewwa l-​Unjoni Ewropea (UE). M’għadhomx iridu jistennew bħal qabel meta jkunu se jaqsmu l-​fruntieri. M’għandniex xi ngħidu, dawk li jivvjaġġaw ħafna jinsabu ferħanin b’dan. Imma dawn m’humiex l-​uniċi li qed jibbenefikaw. Issa ċ-​ċittadini tal-​pajjiżi fl-​UE jistgħu jistudjaw, jaħdmu, u jifformaw negozji fejn iridu fl-​UE mingħajr inkwiet taʼ xejn. Dan, min-​naħa tiegħu, wassal għal progress ekonomiku fil-​partijiet l-​iktar fqar taʼ l-​Unjoni.

Il-fatt li issa wieħed jistaʼ jaqsam il-​fruntieri faċilment żgur li hija waħda mill-​akbar bidliet li seħħew. Iżda, għandna nikkonkludu li l-​Ewropa hija diġà magħquda u li m’hemm l-​ebda ostakli oħra biex din tingħaqad? Għall-​kuntrarju, l-​ostakli jidhru li għadhom ġejjin, u xi wħud minnhom huma skuraġġanti ferm. Imma qabel ma niddiskutu dawn l-​affarijiet, ejja nagħtu daqqa t’għajn lejn wieħed mill-​iktar passi taʼ ġgant li saru s’issa biex din tingħaqad. B’dan il-​mod inkunu nistgħu nifhmu aħjar għala n-​nies jittamaw daqshekk fl-​unità.

Passi lejn Munita Waħda

Jiswa l-​flus biex pajjiż iżomm il-​fruntieri. Il-​formalitajiet tad-​dwana li kellhom darba l-​15-il pajjiż membru taʼ l-​UE kienu jiswewlhom xi 12-il elf miljun euro kull sena. Mhux taʼ b’xejn li minħabba din is-​sitwazzjoni l-​ġdida fil-​fruntieri taʼ ġo l-​Ewropa, l-​ekonomija ħadet spinta ’l quddiem. Meta taħseb dwar it-​370 miljun ruħ li jgħixu fl-​UE u li jivvjaġġaw bil-​libertà kollha minn pajjiż għall-​ieħor ġewwa suq komuni wieħed, jidher ċar li l-​potenzjal ekonomiku huwa eċċezzjonali. X’kien li għamel dan il-​progress possibbli?

Lura fi Frar taʼ l-​1992, mexxejja governattivi għamlu pass kbir lejn li jingħaqdu, billi ffirmaw it-​Trattat dwar l-​Unjoni Ewropea, jew it-​Trattat taʼ Maastricht. Dan it-​trattat serva bħala l-​bażi biex jiġi stabbilit suq unit ġewwa l-​Ewropa, bank ċentrali, u munita waħda. Però, kien hemm bżonn li jittieħed pass importanti ieħor: ir-​rati tal-​kambju ma kellhomx jibqgħu telgħin u neżlin. Fuq kollox, bidla mil-​lum għal għada fir-​rati tal-​kambju tistaʼ tagħmel differenza kbira fejn jidħlu l-​flus.

Dan l-​ostaklu għall-​unità tneħħa meta twaqqfet l-​Unjoni Ekonomika u Monetarja (Economic and Monetary Union [EMU]) u ġie introdott l-​euro bħala tip taʼ flus li kulħadd jistaʼ juża. M’għadx hemm l-​ispejjeż tal-​kambju, u n-​negozji m’għadx baqgħalhom il-​bżonn li jipproteġu ruħhom kontra r-​riskji tar-​rati tal-​kambju. Ir-​riżultat hu inqas spejjeż fin-​negozju u iktar kummerċ internazzjonali. Imbagħad, dan jistaʼ jwassal għal iktar impjiegi u jkunu jistgħu jintefqu iktar flus—xi ħaġa li kulħadd jistaʼ jibbenefika minnha.

Meta twaqqaf il-​Bank Ċentrali Ewropew fl-​1998, dan kien pass importanti ieħor biex ikun hemm munita waħda. Dan il-​bank indipendenti, misjub fil-​belt Ġermaniża taʼ Frankfurt, għandu l-​poter monetarju fuq il-​gvernijiet tal-​pajjiżi membri. Dan il-​bank jipprova kemm jistaʼ jkun iżomm l-​inflazzjoni baxxa f’dik li hi msejħa l-​eurozone, li tikkonsisti fi 11-il pajjiż parteċipant,a u li jistabbilizza l-​bdil fir-​rati tal-​kambju bejn l-​euro, id-​dollaru, u l-​yen.

Allura meta nqisu l-​kwistjoni tal-​flus, naraw li saru passi taʼ ġgant biex l-​Ewropa tersaq lejn l-​unità. Madankollu, il-​kwistjonijiet l-​oħra konnessi mal-​flus juru wkoll in-​nuqqas t’unità li għadha teżisti bejn il-​pajjiżi Ewropej.

Kwistjonijiet Oħra Konnessi mal-​Flus

Il-​ġnus l-​iktar foqra fl-​UE jħossu li ċerti affarijiet m’humiex ġusti. Huma jħossu li l-​ġnus membri li huma iktar sinjuri m’humiex qed jaqsmu magħhom biżżejjed ġid milli għandhom. L-​ebda wieħed mill-​pajjiżi iktar sinjuri ma jiċħad li għandu bżonn joffri iżjed appoġġ finanzjarju lill-​pajjiżi sħab li huma foqra fl-​Ewropa. Madankollu, il-​ġnus l-​iktar sinjuri jħossu li għandhom raġunijiet validi għala joqogħdu lura.

Per eżempju, ħu l-​Ġermanja. Issa li dan il-​pajjiż żdiditlu t-​tagħbija finanzjarja tiegħu stess, jidher ċar li naqaslu l-​entużjażmu li kellu biex jipprovdi l-​finanzi għall-​unifikazzjoni taʼ l-​Ewropa. Biss biss, biex jingħaqdu l-​Ġermanja tal-​Punent maʼ dik tal-​Lvant kellhom jintefqu flejjes kbar—kważi mitt elf miljun dollaru Amerikan [kważi erbgħin elf miljun lira Maltija] fis-​sena. Dan huwa kwart tal-​budget nazzjonali! Dawn l-​iżviluppi tant ġagħlu d-​dejn nazzjonali jitlaʼ m’ogħla s-​sema, li l-​Ġermanja kellha tagħmel sforzi kbar biex tkun tistaʼ tidħol skond ir-​regoli li stabbiliet l-​EMU.

Membri Ġodda Jixtiequ Jidħlu fl-​UE

Dawk li huma fi qbil li jkun hemm munita waħda jittamaw li fi żmien qasir, il-​pajjiżi taʼ l-​UE li għadhom m’humiex fl-​EMU jegħlbu l-​ostakli li għandhom qabel is-​sena 2002, meta suppost il-​muniti u l-​karti taʼ l-​euro jieħdu post il-​flus li jintużaw fl-​Ewropa llum il-​ġurnata. Jekk il-​Britannja, id-​Danimarka, u l-​Isvezja ma jibqgħux iżommu lura, in-​nies li jgħixu f’dawn il-​pajjiżi wkoll jistgħu jaraw l-​euro jieħu post il-​lira sterlina, il-​kroner Daniż, u l-​kroner Svediż.

Sadattant, sitt pajjiżi Ewropej oħra jixtiequ jidħlu fl-​UE. Dawn huma Ċipru, l-​Estonja, l-​Islovenja, il-​Polonja, ir-​Repubblika Ċeka, u l-​Ungerija. Ħames pajjiżi oħra, jiġifieri, il-​Bulgarija, l-​Islovakkja, il-​Latvja, il-​Litwanja, u r-​Rumanija qed jistennew li jkun imiss lilhom. Mhux se tiġihom irħisa biex jidħlu. Skond l-​istimi li saru, bejn is-​sena 2000 u 2006, l-​UE se jkollha tipprovdi 80 elf miljun euro biex tgħin lill-​għaxar pajjiżi ġodda li se jidħlu mill-​Ewropa tal-​Lvant.

Madankollu, dawn il-​pajjiżi ġodda se jkollhom jaraw minfejn se jġibu l-​fondi biex jilħqu l-​ħtiġijiet sabiex jidħlu fl-​UE. Dawn il-​fondi huma ħafna akbar mill-​ammont li se jirċievu bħala għajnuna mill-​UE. Per eżempju, l-​Ungerija se jkollha tonfoq 12-il elf miljun euro għall-​iżvilupp tat-​toroq u l-​linji tal-​ferroviji. Ir-​Repubblika Ċeka se jkollha tonfoq iktar minn 3.4 elf miljun euro u dan sempliċement biex jiġi purifikat l-​ilma. Il-​Polonja se jkollha tonfoq 3 elef miljun euro biex tnaqqas il-​kubrit li qed joħroġ fl-​arja. Xorta waħda, dawn l-​applikanti jħossu li l-​benefiċċji huma ħafna iktar mill-​ispejjeż. L-​ewwelnett, il-​kummerċ bejnhom u bejn pajjiżi fl-​UE se jiżdied. Madankollu, l-​applikanti jistaʼ jkollhom jistennew għal ftit żmien mhux ħażin. Skond l-​opinjoni pubblika fil-​preżent, il-​ġnus membri ġodda għandhom jiġu aċċettati biss wara li l-​UE tkun irranġat il-​kwistjonijiet finanzjarji tagħha.

Korla, Nazzjonaliżmu, u Qgħad

Saru partita sforzi biex tikber l-​unità. Minkejja dan, sew fl-​Ewropa u sew barra, hemm tħassib kbir dwar l-​iżviluppi f’dan il-​kontinent. Teżisti wkoll ċerta diffikultà dwar kif għandhom jiġu trattati l-​konflitti etniċi, bħal dawk li jeżistu fir-​reġjun tal-​Balkani li qed jisfaxxa fix-​xejn—l-​ewwel bil-​gwerra tal-​Bosnja u mbagħad bil-​ġlied fil-​Kosovo. Il-​ġnus li huma membri taʼ l-​UE taʼ spiss ma jaqblux bejniethom dwar kif jittrattaw ċerti konflitti fl-​Ewropa u lil hinn minnha. Peress li l-​UE m’hijiex federazzjoni taʼ stati u m’għandha l-​ebda politika barranija, taʼ spiss jiddominaw l-​interessi nazzjonali. Jidher ċar li l-​interessi nazzjonali huma ostaklu kbir ferm biex tiġi fformata l-​‘Istati Uniti taʼ l-​Ewropa.’

L-Ewropa għandha problema oħra li trid tissolva malajr—il-​qgħad kbir. Bejn wieħed u ieħor, 10 fil-​mija tan-​nies li jistgħu jaħdmu jinsabu bla xogħol. Dan ifisser li iktar minn 16-il miljun ruħ huma bla xogħol. Iż-​żgħażagħ, li jagħmlu kwart tal-​popolazzjoni taʼ l-​UE, f’ħafna pajjiżi stinkaw kemm felħu biex isibu xi xogħol imma ma rnexxilhomx. Mhux taʼ b’xejn li ħafna nies iħossu li l-​akbar sfida fl-​Ewropa hi li jiġi megħlub il-​qgħad fuq skala kbira! S’issa, l-​isforzi li saru biex ikun hemm iktar xogħlijiet għall-​ammont taʼ nies li jridu jaħdmu kienu kollha għalxejn.

Madankollu, għad hemm ostaklu akbar li jfixkel l-​unità.

Min Hu l-​Kap?

Is-​sovranità tibqaʼ l-​iktar ħaġa li tfixkel l-​unità fl-​Ewropa. Il-​ġnus li huma membri jridu jaqblu bejniethom sa liema punt huma lesti li jċedu s-​sovranità nazzjonali tagħhom. L-​UE qed timmira li tistabbilixxi tip taʼ sovranità li tinvolvi iktar minn pajjiż wieħed. Jekk ma jsirx hekk, tinnota l-​gazzetta Le Monde, l-​introduzzjoni taʼ l-​euro se tkun biss “rebħa proviżorja.” Iżda, xi ġnus membri jsibuha iebsa li jaċċettaw il-​fatt li jridu jċedu l-​awtorità li għandhom. Per eżempju, skond il-​mexxej taʼ ċertu pajjiż membru taʼ l-​UE, pajjiżu twieled biex imexxi mhux biex imexxuh.

Nistgħu nifhmu għala l-​ġnus iż-​żgħar, membri taʼ l-​UE, jibżgħu li fl-​aħħar mill-​aħħar il-​ġnus il-​kbar se jieħdu r-​riedni f’idejhom u se jirrifjutaw li jaċċettaw ċerti deċiżjonijiet fejn ma jkunx jaqblilhom. Per eżempju, il-​ġnus iż-​żgħar jitħassbu dwar kif se jiġi deċiż liema pajjiżi se jkollhom il-​kwartieri ġenerali tad-​diversi aġenziji taʼ l-​UE. Din hi deċiżjoni importanti għaliex dawn l-​aġenziji jipprovdu iktar xogħlijiet fil-​pajjiżi li jkunu fihom.

Id-differenza fl-​ekonomija, il-​gwerer, il-​qgħad, u n-​nazzjonaliżmu huma ostakli skuraġġanti li jfixklu l-​unità. Meta wieħed joqgħod iqis dawn l-​affarijiet, faċli li jaqtaʼ qalbu mill-​unifikazzjoni taʼ l-​Ewropa. Il-​fatt hu, però, li sar progress kbir. Kemm se jsir iktar progress għadna ma nafux. Il-​problemi li jinkwetaw lil dawk li qed jipprovaw jgħaqqdu l-​Ewropa huma, tistaʼ tgħid, l-​istess problemi li jinkwetaw lill-​gvernijiet umani kollha.

Se jkun qatt possibbli li jkun hemm gvern li jistaʼ jsolvi l-​problemi bħalma huma l-​mibegħda etnika, il-​qgħad fuq skala kbira, il-​faqar, u l-​gwerer? Huwa realistiku li naħsbu dwar dinja fejn in-​nies jgħixu tassew magħqudin? L-​artiklu li jmiss se jikkunsidra tweġiba li forsi ma kontx qed tistennieha.

[Nota taʼ taħt]

a Dawn il-​pajjiżi huma l-​Awstrija, il-​Belġju, il-​Finlandja, Franza, il-​Ġermanja, l-​Irlanda, l-​Italja, il-​Lussemburgu, l-​Olanda, il-​Portugall, u Spanja. Għal diversi raġunijiet, id-​Danimarka, il-​Gran Britannja, il-​Greċja, u l-​Isvezja għadhom m’humiex inklużi.

[Kaxxa f’paġna 6]

Ara Ġej l-​Euro!

Għalkemm il-​muniti u l-​karti tal-​flus taʼ kull pajjiż li hu membru taʼ l-​Unjoni Ewropea se jitneħħew fl-​2002, diġà qed isiru transazzjonijiet taʼ l-​euro mingħajr ma jintużaw il-​flus infushom. Din il-​bidla monetarja kienet biċċa xogħol kbira għall-​banek. Madankollu, ir-​rati tal-​kambju bejn il-​flus nazzjonali tal-​pajjiżi membri u l-​euro issa huma fissi. Il-​Borża taʼ dawn il-​pajjiżi tagħti l-​prezzijiet bl-​euro. Ħafna ħwienet u postijiet tan-​negozju issa jimmarkaw il-​prezz tal-​prodotti tagħhom kemm bl-​euro u kemm bil-​flus lokali.

Kummerċ bħal dan jirrikjedi bidliet kbar—speċjalment għal ħafna nies anzjani, li mhux se jkunu jistgħu jużaw iktar il-​mark Ġermaniż, il-​frank Franċiż, jew il-​lira Taljana. Huma b’dawn imdorrijin. Anki l-​cash registers u l-​magni minfejn wieħed jiġbed il-​flus iridu jitranġaw. Biex din il-​bidla ssir bl-​inqas problemi possibbli, ġew organizzati kampanji uffiċjali taʼ informazzjoni. Dawn se jinformaw lin-​nies meta jkun ġej l-​euro u kif se jintuża.

Huma x’inhuma l-​ostakli li baqaʼ, l-​euro ġej. Fil-​fatt, diġà bdew isiru l-​muniti u l-​karti taʼ l-​euro. U din hi biċċa xogħol kbira. Anki f’pajjiż żgħir bħall-​Olanda, fejn jgħixu mal-​15-il ­miljun ruħ, l-​istamperiji tal-​muniti u l-​karti se jibqgħu għaddejjin għal tliet snin bla ma jaqtgħu. Dan sabiex jipproduċu 2.8 elf miljun munita u 380 miljun karta tal-​flus sa l-​1 taʼ ­Jannar, 2002. Kieku dawn il-​karti tal-​flus kellhom jitqegħdu waħda waħda fuq xulxin, jagħmlu munzell għoli xi 20 kilometru!

[Kaxxa fʼpaġna 7]

Sar Massakru taʼ l-​Ewropa?

Fil-​bidu taʼ l-​1999 il-​Kummissjoni Ewropea, il-​ġemgħa eżekuttiva taʼ l-​Unjoni Ewropea (UE), ħadet daqqa taʼ ħarta kbira minħabba każ serju li qam. Il-​kummissjoni ġiet akkużata bi frodi, korruzzjoni, u nepotiżmu. Ġie fformat kumitat biex jinvestiga dawn l-​akkużi. Wara investigazzjoni li damet sejra sitt ġimgħat, il-​kumitat sab li l-​Kummissjoni Ewropea kienet ħatja taʼ frodi u taʼ tmexxija ħażina. Madankollu, il-​kumitat li mexxa l-​investigazzjoni ma sab l-​ebda evidenza li kienet turi li l-​kummissjonarji kienu stagħnew.

Wara li ġie pubblikat ir-​rapport tal-​kumitat, il-​Kummissjoni Ewropea kollha kemm hi rriżenjat f’Marzu taʼ l-​1999—xi ħaġa li qatt ma kienet ġrat qabel. Dan ikkaġuna kriżi serja għall-​UE. Skond ir-​rivista Time, sar massakru taʼ l-​Ewropa. Iż-​żmien jagħtina parir, u dakinhar biss se nkunu nafu liema effett din il-​kriżi se jkollha fuq il-​proċess taʼ l-​unifikazzjoni Ewropea.

[Stampa f’paġna 5]

Diġà sar ħafna iktar faċli li taqsam il-​fruntieri li hemm fl-​Ewropa

[Stampa f’paġna 7]

Il-​Bank Ċentrali Ewropew, fi Frankfurt, il-​Ġermanja, ġie stabbilit fl-​1998

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja