Id-Dinja f’Liema Direzzjoni Sejra?
L-UNITÀ FID-DINJA. Kemm iddoqq għal widnejna! Żgur li kulħadd jixtieqha, hux hekk? Iva, saru ħafna taħditiet dwar l-unità. Kemm-il darba, il-laqgħat tal-mexxejja dinjin iċċentraw fuq dan is-suġġett. F’Awissu tas-sena 2000, iktar minn 1,000 mexxej reliġjuż iltaqgħu l-Istati Uniti fi New York għas-Summit tal-Millennju għall-Paċi Dinjija. Huma ddiskutew is-soluzzjonijiet għall-konflitti tad-dinja. Madankollu, il-konferenza fiha nfisha kienet riflessjoni tal-kontroversji jbaqbqu tad-dinja. Wieħed mufti, uffiċjal Musulman minn Ġerusalemm, irrifjuta li jattendi minħabba li kien se jkun hemm rabbi Lhudi preżenti. Oħrajn ħassewhom offiżi minħabba li d-Dalai Lama, mexxej reliġjuż tal-Buddisti, ma ġiex mistieden għall-ewwel żewġ ġranet minħabba l-biżaʼ li dan setaʼ jqajjem l-għadab taċ-Ċina.
F’Ottubru tas-sena 2003, in-nazzjonijiet taʼ madwar l-Oċean Paċifiku ddiskutew kwistjonijiet dwar is-sigurtà fid-dinja fis-summit Asia-Pacific Economic Cooperation (APEC) li nżamm fit-Tajlandja. Il-21 nazzjon li kien hemm preżenti wiegħdu solennement li jġibu fix-xejn lill-gruppi terroristiċi u qablu bejniethom dwar modi kif jistgħu jżidu s-sigurtà tal-globu kollu. Madankollu, waqt il-konferenza, diversi rappreżentanti gergru dwar ir-rimarki taʼ prim ministru wieħed, għax intqal li dawn ir-rimarki kienu attakk mimli mibegħda għal-Lhud.
Għala M’Hawnx Unità?
Avolja nisimgħu ħafna dwar l-unità fid-dinja, ftit li xejn naraw riżultati konkreti. Minkejja l-isforzi sinċieri taʼ ħafna wħud, l-unità fid-dinja għala għadha ma tistax tinkiseb mill-umanità fis-seklu 21?
Parti mit-tweġiba tidher fil-kummenti taʼ wieħed mill-prim ministri li attendew il-konferenza APEC. Hu qal, “Jeżisti fattur li jissejjaħ kburija nazzjonali.” Iva, is-soċjetà umana hija mgħaddsa fin-nazzjonaliżmu. Kull nazzjon u grupp etniku huwa maħkum minn xewqa li jkun indipendenti minn pajjiżi oħrajn. Is-sovranità nazzjonali flimkien maʼ l-ispirtu taʼ kompetizzjoni u regħba pproduċew sitwazzjoni tbaqbaq. F’każ wara l-ieħor, meta l-interessi nazzjonali jiġu f’konflitt maʼ l-interessi globali, huma l-interessi nazzjonali li joħorġu rebbieħa.
In-nazzjonaliżmu jiġi deskritt tajjeb bl-espressjoni mis-salmista, “mard tal-mewt.” (Salm 91:3) Huwa bħallikieku pjaga fuq l-umanità, li twassal għal tbatija kbira. In-nazzjonaliżmu, bil-mibegħda għal popli oħra li tirriżulta minnu, ilu jeżisti għal sekli sħaħ. Illum, in-nazzjonaliżmu jkompli jrewwaħ il-fjammi tal-firda, u l-ħakkiema umani ma kinux kapaċi jwaqqfuh.
Ħafna awtoritajiet jirrikonoxxu li n-nazzjonaliżmu u l-egoiżmu huma l-għeruq tal-problemi tad-dinja. Per eżempju, U Thant, li qabel kien is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda osserva: “Ħafna mill-problemi li niffaċċjaw illum huma ħtija, jew riżultat, t’attitudnijiet ħżiena . . . Fost dawn insibu l-konċett taʼ nazzjonaliżmu ristrett—‘il-pajjiż tiegħi, tajjeb jew ħażin.’” Xorta waħda, illum in-nazzjonijiet, mitlufin fl-egoiżmu, qed jinsistu dejjem iktar għas-sovranità tagħhom stess. Dawk li qegħdin minn fuq, ma jridu jċedu lanqas farka mill-vantaġġi li għandhom. Per eżempju, l-International Herald Tribune għamlet din l-osservazzjoni dwar l-Unjoni Ewropea: “Ir-rivalità u n-nuqqas taʼ fiduċja jibqgħu l-mod bażiku kif timxi l-politika Ewropea. Il-maġġuranza mill-pajjiżi membri taʼ l-Unjoni Ewropea għadhom ma jistgħux jaċċettaw li xi wieħed mill-membri l-oħra jkun iktar influwenti u jieħu t-tmexxija.”
Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, tiddeskrivi tajjeb ir-riżultat taʼ ħakma mill-bniedem, billi tgħid: “Bniedem jaħkem fuq ieħor u jagħmillu l-ħsara.” (Koħèlet 8:9) Minħabba li qasmu d-dinja f’nazzjonijiet separati għalihom infushom, gruppi taʼ bnedmin kif ukoll nies individwali esperjenzaw it-twettiq taʼ dan il-prinċipju Bibliku: “Min irid jinfired mill-oħrajn jara x’jaqlaʼ, u għal kull xejn jiġġieled.”—Proverbji 18:1.
Il-Ħallieq tagħna, li jaf x’inhu l-aħjar għalina, qatt ma kellu l-intenzjoni li l-bnedmin iwaqqfu gvernijiet tagħhom u jaħkmu lilhom infushom. Billi għamlu dan, il-bnedmin injoraw l-iskop t’Alla u l-fatt li kollox jappartjeni lilu. Salm 95:3-5 jgħid: “Alla kbir hu l-Mulej, sultan kbir fuq l-allat kollha. F’idejh huma qigħan l-art, tiegħu huma qċaċet l-għoljiet. Tiegħu l-baħar, għax hu għamlu; tiegħu l-art, għax b’idejh saret.” Alla bi dritt huwa s-Sovran li lkoll għandna nqisuh bħala ħakkiem. Billi joqogħdu jfittxu li jiksbu s-sovranità tagħhom stess, il-ġnus qed jaħdmu kontra r-rieda tiegħu.—Salm 2:2.
X’Inhu Meħtieġ?
L-uniku mod kif id-dinja tistaʼ tingħaqad huwa billi jkollha awtorità dinjija waħda li taħdem għall-ġid tan-nies kollha. Ħafna nies li jaħsbu dwar is-sitwazzjoni għarfu dan il-bżonn. Dawk li jirnexxilhom jaslu għal din il-konklużjoni, madankollu, spiss ma jfittxux is-sors it-tajjeb. Per eżempju, ħafna kummentaturi oħra, fosthom mexxejja reliġjużi, ħeġġew lin-nies jittamaw fil-Ġnus Magħquda biex iġġib l-unità fid-dinja. Madankollu, organizzazzjonijiet magħmula mill-bniedem, ikunu kemm ikunu nobbli l-ideali tagħhom, qatt ma kienu kapaċi jsolvu l-problemi internazzjonali taʼ l-umanità. Minflok, ħafna minn dawn l-organizzazzjonijiet saru mera tal-firda li teżisti bejn diversi pajjiżi.
Il-Bibbja twissi biex il-bniedem ma jħarisx lejn istituzzjonijiet tal-bniedem għas-soluzzjonijiet meta tgħid: “La tittamawx fil-kbarat, għax il-bniedem ma jsalvakomx.” (Salm 146:3) Iħallina dan bla tama għal dak li għandu x’jaqsam maʼ l-unità fid-dinja? Lanqas xejn! Hemm mod ieħor.
Ħafna nies m’humiex konxji li Alla diġà waqqaf gvern li hu kapaċi jgħaqqad id-dinja. Il-Bibbja tgħid li Alla Ġeħova qal: “‘Jien għamiltu s-sultan tiegħi, fuq Sijon, l-għolja mqaddsa tiegħi!’ Itlobni, u l-ġnus nagħtik b’wirtek, u truf l-art bi priża tiegħek.” (Salm 2:6, 8) Innota li l-Iskrittura tgħid li Alla Ġeħova ‘għamlu s-sultan tiegħu,’ u jirreferi għalih bħala “ibni” fil-vers 7. Dan m’hu ħadd ħlief l-aqwa Iben spirtu li għandu Alla, Ġesù Kristu, li ngħata awtorità fuq il-ġnus kollha.
Kif Se Tiġi l-Unità fid-Dinja
Ħafna nies ma jirrikonoxxux din il-ħakma mis-sema li waqqaf Alla. Il-ġnus jibqgħu mqabbdin b’mod persistenti mad-dritt li jaħsbu li għandhom għas-sovranità tagħhom stess. Madankollu, Alla mhux se jittollera lil dawk li jirrifjutaw li jirrikonoxxu s-sovranità tiegħu u lill-gvern li waqqaf. Dwar dawk li ma jridux jaċċettaw dan l-arranġament, Salm 2:9 jgħid: “B’virga tal-ħadid int [l-Iben, Ġesù Kristu] tkissirhom, bħal ġarra tal-fuħħar frak tagħmilhom.” Kemm jekk jirrealizzaw u kemm jekk le, il-ġnus jinsabu f’mixja li se twassalhom f’konfront dirett m’Alla. L-aħħar ktieb tal-Bibbja jitkellem dwar “is-slaten taʼ l-art abitata kollha” li jinġabru flimkien “għall-gwerra tal-jum il-kbir t’Alla li Jistaʼ Kollox.” (Rivelazzjoni 16:14) Il-ġnus flimkien mal-metodi tagħhom li jġibu firda se jinqerdu għalkollox. Dan se jwitti t-triq biex il-gvern t’Alla jkun jistaʼ jagħmel xogħlu bla xkiel.
Bħala s-Sovran Universali, Alla Ġeħova permezz taʼ Ibnu se jeżerċita l-qawwa bl-għerf biex jagħmel il-bidliet meħtieġa għal dinja magħquda. Il-gvern t’Alla se jġib unità vera u se jbierek lil dawk kollha li jħobbu s-sewwa. Għala ma twarrabx ftit minuti biex taqra Salm 72 mill-Bibbja tiegħek? Hemmhekk, tingħata stampa profetika taʼ dak li se tagħmel il-ħakma taħt l-Iben t’Alla għall-umanità. In-nies se jesperjenzaw unità dinjija taʼ veru, u l-problemi tagħhom kollha—moħqrija, vjolenza, faqar, u nibqgħu sejrin—se jkunu affarijiet taʼ l-imgħoddi.
Fid-dinja mifruda taʼ llum, ħafna jaħsbu li tama bħal din m’hijiex realistika. Imma nagħmlu żball jekk naħsbu hekk. Il-wegħdi t’Alla qatt ma fallew, u qatt m’hu se jfallu. (Isaija 55:10, 11) Tixtieq taraha din il-bidla? Tistaʼ jekk trid. Fil-fatt, diġà hawn poplu li qed jipprepara għal dak iż-żmien. Dawn in-nies jiġu minn kull ġens, imma minflok jiġġieldu, huma jinsabu magħqudin f’sottomissjoni lejn is-sovranità t’Alla. (Isaija 2:2-4) Dawn min huma? Huma magħrufin bħala x-Xhieda taʼ Ġeħova. Għala ma taċċettax l-istedina tagħhom biex iżżur il-postijiet fejn jiltaqgħu? X’aktarx li se tgawdi minn sħubija li tibni maʼ nies li jistgħu jgħinuk tkun sottomess għas-sovranità t’Alla u tgawdi unità li ma se tispiċċa qatt.
[Stampi f’paġna 7]
Nies minn kull ġens qed jippreparaw għal ħajja f’dinja magħquda
[Sors tal-Istampa f’paġna 4]
Saeed Khan/AFP/Getty Images
[Sors tal-Istampi f’paġna 5]
Mara mnikkta: Igor Dutina/AFP/Getty Images; protesta: Said Khatib/AFP/Getty Images; vetturi tal-gwerra: Joseph Barrak/AFP/Getty Images