X’Sar Minnha l-Unità fid-Dinja?
“Għall-ewwel darba mit-tieni gwerra dinjija ’l hawn, il-komunità internazzjonali hija magħquda. . . . Għaldaqstant, id-dinja tistaʼ taħtaf din l-opportunità biex twettaq il-wegħda tant mistennija taʼ ordni dinjija ġdida.”
HEKK qal president taʼ l-Istati Uniti fl-aħħar snin tas-seklu għoxrin. Dak iż-żmien, il-ġrajjiet internazzjonali kienu donnhom qegħdin juru li l-unità fid-dinja kienet fuq ix-xefaq. Il-gvernijiet totalitarji bdew jaqgħu wieħed wara l-ieħor. Il-Ħajt taʼ Berlin waqaʼ, u għall-Ewropa dan kien ifisser era ġdida. L-Unjoni Sovjetika, meqjusa minn ħafna fil-Punent bħala li tqajjem konflitti globali, għabet u ħalliet lil kulħadd skantat. Il-Gwerra Bierda waslet fit-tmiem, u bdew isiru taħditiet favur id-diżarmament, inkluż id-diżarmament nukleari. Huwa minnu li faqqgħet gwerra fil-Golf Persjan, imma din dehret li kienet biss problema temporanja u ħalliet il-maġġorparti tad-dinja iktar determinata biex issus wara l-paċi fid-dinja.
Setgħu jidhru sinjali pożittivi mhux biss fil-politika imma wkoll f’aspetti oħra tal-ħajja. Il-livell t’għajxien beda jitjieb f’ħafna partijiet tad-dinja. Il-progress fil-qasam mediku għamilha possibbli biex it-tobba jagħmlu affarijiet li sa ftit għexur taʼ snin qabel kienu jidhru daqslikieku mirakli. Iż-żjieda fl-ekonomija f’ħafna pajjiżi tant imxiet ’il quddiem li kien jidher li se twassal għal prosperità globali. L-affarijiet kienu jidhru li sejrin f’direzzjoni tajba.
Illum, ftit snin wara, ma nistgħu nagħmlu xejn ħlief nistaqsu: ‘X’ġara? Fejn hi l-unità fid-dinja li tant ġiet imwiegħda? Għal kuntrarju, id-dinja tidher li sejra fid-direzzjoni opposta. Nies jisplodu lilhom infushom, attakki terroristiċi, żjieda rapportata t’armi li jeqirdu bil-massa, u żviluppi oħrajn li jinkwetawk saru fatturi regulari li jiġu pubblikati fl-aħbarijiet. Dawn il-ġrajjiet jidhru li qed jimbottaw lid-dinja iktar u iktar ’il bogħod mill-unità globali. Wieħed kapitalista prominenti dan l-aħħar qal: “Qed ninqabdu ġo ċirku vizzjuż taʼ vjolenza li dejjem tiżdied.”
Unità fid-Dinja jew Diviżjoni Globali?
Meta fformat il-Ġnus Magħquda, wieħed mill-iskopijiet li ġew mistqarra kien li “tiżviluppa relazzjonijiet taʼ ħbiberija fost il-ġnus ibbażati fuq rispett għall-prinċipju taʼ drittijiet ugwali u l-jedd taʼ indipendenza tal-popli.” Wara kważi 60 sena, intlaħaq dan l-għan nobbli? ’Il bogħod minn hekk! Minflok “relazzjonijiet taʼ ħbiberija,” l-espressjoni “jedd taʼ indipendenza” tidher li qiegħda iktar f’moħħ il-ġnus. Popli u gruppi etniċi li qed jitħabtu biex jistabbilixxu identità u sovranità għalihom infushom qed ikomplu jifirdu d-dinja. Meta fformat il-Ġnus Magħquda, din kellha 51 pajjiż bħala membru. Illum għandha 191.
Kif rajna, lejn tmiem is-seklu 20, kulħadd kien qed jittama għal dinja magħquda. Minn dak iż-żmien, dik it-tama sfaxxat hekk kif il-bnedmin komplew jaraw b’għajnejhom it-tkissir bil-mod il-mod tal-komunità dinjija. Il-mod kif il-Jugoslavja nqasmet bi vjolenza, in-nuqqas taʼ qbil bejn iċ-Ċeċnija u r-Russja, il-gwerra fl-Iraq, u l-massakru kontinwu fil-Lvant Nofsani—dan kollu jagħti evidenza taʼ nuqqas li dejjem jikber taʼ unità.
M’għandniex xi ngħidu, ħafna mill-isforzi li jsiru għall-paċi kienu sinċieri u b’intenzjoni tajba. Minkejja dan, l-unità fid-dinja donnha ma tistax tintlaħaq. Ħafna jibqgħu jaħsbu: ‘L-unità fid-dinja għala donnha li qatt ma tistaʼ tinkiseb? Id-dinja f’liema direzzjoni sejra?’
[Sors tal-Istampi f’paġna 3]
AP Photo/Lionel Cironneau
Arlo K. Abrahamson/AFP/ Getty Images