LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 5/8 pp. 18-24
  • “It-Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla”

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • “It-Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla”
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Niddeċiedi li Naqdi lil Alla
  • Niddefendi Legalment l-​Aħbar Tajba
  • Il-​Battalja taʼ Quebec
  • Niddefendu l-​Akkuża taʼ Sedizzjoni
  • Ġlieda Kontra ċ-​Ċensura
  • L-​Attakk Finali taʼ Duplessis
  • Bidla fiċ-​Ċirkustanzi
  • Iktar Battalji
  • Grat għas-​Sehem li Tajt
  • Predikaturi tas-Saltna jiftħu kawża l-qorti
    Is-Saltna t’Alla qed taħkem!
  • Kelli Ħafna Barkiet Sbieħ Għax Tgħallimt minn Eżempji Tajbin
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2020
  • Kif ix-xogħol ġie legalizzat fi Quebec
    Fuljett għal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna—2019
  • Jehovah Hu r-Refuġju u l-Qawwa Tiegħi
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2000
Stenbaħ!—2000
g00 5/8 pp. 18-24

“It-​Taqbida M’Hijiex Tagħkom, imma taʼ Alla”

KIF RAKKONTAT MINN W. GLEN HOW

Matul dawn l-​aħħar sittin sena, ix-​Xhieda taʼ Jehovah ġġieldu bosta battalji legali fil-​Kanada. Ir-​rebħiet li kellhom saru magħrufa mill-​komunità legali. Għas-​sehem li kelli f’xi wħud minn dawn l-​isfidi, dan l-​aħħar ġejt mogħti l-​Premju għal Difiża Kuraġġuża, mill-​Għaqda Amerikana taʼ l-​Avukati. Waqt iċ-​ċerimonja taʼ l-​għoti tal-​premju, intqal li l-​każijiet li kienu jinvolvu lix-​Xhieda taʼ Jehovah ‘fformaw difiżi importanti kontra abbużi min-​naħa taʼ l-​istat, għax dawn il-​każijiet ħolqu u ssuġġerew abbozz taʼ drittijiet aċċettat mil-​liġi, drittijiet li rrikonoxxew u pproteġew il-​libertajiet tal-​Kanadiżi kollha.’ Ħalli nagħtikom xi dettalji dwar xi wħud minn dawn il-​każijiet fil-​qorti u ngħidilkom kif ġejt involut kemm fil-​liġi kif ukoll max-​Xhieda taʼ Jehovah.

FL-​1924, George Rix, Student tal-​Bibbja, kif kienu jissejħu dakinhar ix-​Xhieda taʼ Jehovah, żar lill-​ġenituri tiegħi f’Toronto, il-​Kanada. Ommi, Bessie How, mara magħmula żgħira, stidnitu ġewwa biex jiddiskutu flimkien. Jien kelli ħames snin, u ħija, Joe, kellu tliet snin.

Ommi ma damitx ma bdiet tattendi l-​laqgħat taʼ l-​Istudenti tal-​Bibbja f’Toronto. Fl-​1929 hi saret pijuniera, jew ministru full-time, u kompliet għaddejja f’dik l-​attività sa l-​1969, meta temmet il-​ħajja tagħha fuq l-​art. Il-​ministeru determinat u bla heda li kienet tagħmel kien taʼ eżempju mill-​aħjar għalina u permezz taʼ dan ħafna kienu dawk li saru jafu l-​verità tal-​Bibbja.

Missieri, Frank How, kien raġel kwiet li għall-​ewwel ma kienx ħa pjaċir bl-​attivitajiet reliġjużi t’ommi. Madankollu, hi wżat l-​għaqal u stiednet ministri li jivvjaġġaw, bħal George Young, biex iżuruh u jitkellmu miegħu. Maż-​żmien, missieri ma baqax daqshekk iebes. Meta beda josserva l-​effetti tajbin li kellha l-​verità Biblika fuq il-​familja tiegħu, hu beda jikkoopera ħafna, għalkemm qatt ma sar Xhud.

Niddeċiedi li Naqdi lil Alla

Fl-​1936, jien iggradwajt mill-​iskola. Matul żgħożiti, ma tantx kont interessat f’affarijiet spiritwali. Konna ninsabu f’nofs id-​Dipressjoni l-​Kbira, u l-​prospetti tax-​xogħol kienu ftit li xejn. Għalhekk mort l-​Università taʼ Toronto. Fl-​1940, iddeċidejt li nibda nistudja l-​liġi. Ommi ma ħadithiex bi kbira d-​deċiżjoni tiegħi. Meta kont għadni żgħir, taʼ spiss kienu jitilgħulha u tgħid: “Dan id-​daqsxejn taʼ brikkun iħaqqaqha fuq kollox! Ma tridx wisq biex jilħaq avukat!”

Fl-4 taʼ Lulju, 1940, ftit qabel ma bdejt nistudja l-​liġi, il-​gvern Kanadiż qabad u pprojbixxa lix-​Xhieda taʼ Jehovah. Dan kien mument kruċjali f’ħajti. Meta l-​poter kollu tal-​gvern ġie mmirat kontra din l-​organizzazzjoni ċkejkna taʼ nies innoċenti u umlin, ikkonvinċejt ruħi li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu l-​veri segwaċi taʼ Ġesù. Sewwa sew bħalma kien ipprofetizza, ‘il-​ġnus kollha . . . jobogħduhom minħabba f’ismu.’ (Mattew 24:9) Jien qtajtha li naqdi l-​Qawwa Divina li kien hemm wara din l-​organizzazzjoni. Fl-​10 taʼ Frar, 1941, issimbolizzajt id-​dedikazzjoni tiegħi lil Alla Jehovah permezz tal-​magħmudija fl-​ilma.

Jien ridt nibda minnufih fix-​xogħol taʼ pijunier. Madankollu, Jack Nathan, li dakinhar kien minn taʼ quddiem fix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fil-​Kanada, inkuraġġieni biex inkompli t-​taħriġ legali li kont qed nieħu. U hekk għamilt. Iggradwajt f’Mejju taʼ l-​1943, u wara bdejt naqdi bħala pijunier. F’Awissu, ġejt mistieden biex naqdi fl-​uffiċċju tal-​fergħa tal-​Watch Tower Society f’Toronto u biex nagħti l-​għajnuna tiegħi fil-​problemi legali li kienu qed jiffaċċjaw ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Ix-​xahar taʼ wara lħaqt avukat f’Toronto, il-​Kanada.

Niddefendi Legalment l-​Aħbar Tajba

It-​Tieni Gwerra Dinjija kienet fl-​aqwa tagħha, u x-​Xhieda kienu għadhom projbiti fil-​Kanada. Irġiel u nisa kienu qed jintefgħu l-​ħabs sempliċement għax kienu Xhieda taʼ Jehovah. It-​tfal bdew jitkeċċew mill-​iskola, u xi wħud minnhom saħansitra ntbagħtu fil-​kustodja taʼ familji oħra. Dan kien għaliex huma rrifjutaw li jieħdu sehem f’forom nazzjonalistiċi taʼ qima, bħal li jsellmu lill-​bandiera jew ikantaw l-​innu nazzjonali. Il-​Professur William Kaplan, li kiteb ktieb intitolat State and Salvation: The Jehovah’s Witnesses and Their Fight for Civil Rights, qal li x-​Xhieda ġew mgħajrin fil-​pubbliku u attakkati kemm mill-​istat u kemm fil-​privat minn gvern intolleranti u minn ċittadini ostili li wrew ċar u tond li kienu mitlufin fil-​passjonijiet u l-​patrijottiżmu tal-​gwerra.

Ix-Xhieda kienu ilhom jipprovaw biex titneħħa l-​projbizzjoni imma kien kollu għalxejn. F’daqqa waħda, fl-​14 t’Ottubru, 1943, din tneħħiet. Madankollu, ix-​Xhieda xorta kienu għadhom fil-​ħabsijiet u fil-​kampijiet tax-​xogħol. It-​tfal xorta ma bdewx jitħallew jattendu l-​iskejjel pubbliċi, u l-​projbizzjoni baqgħet tgħodd għall-​Watch Tower Society u l-​International Bible Students Association, korporazzjoni li kellha l-​propjetà tagħna f’Toronto fuq isimha.

Lejn it-​tmiem taʼ l-​1943, mort New York flimkien maʼ Percy Chapman, li kien il-​qaddej tal-​fergħa tal-​Kanada, biex nikkonsultaw maʼ Nathan Knorr, li dakinhar kien il-​president tal-​Watch Tower Society, u maʼ Hayden Covington, il-​viċi president u l-​avukat legali tas-​Soċjetà. Ħuna Covington kellu esperjenza kbira fil-​qasam legali. Eventwalment hu rebaħ it-​total taʼ l-​għaġeb taʼ 36 appell minn 45 li nstemgħu quddiem il-​Qorti Suprema taʼ l-​Istati Uniti.

Il-problemi bdew jonqsu bil-​mod il-​mod għax-​Xhieda fil-​Kanada. Fl-​1944 ngħatat lura l-​propjetà tal-​fergħa f’Toronto, u dawk li kienu jaqdu hemm qabel il-​projbizzjoni setgħu jmorru lura. Fl-​1945 l-​ogħla qorti għall-​provinċja taʼ Ontario ddikjarat li t-​tfal ma setgħux jiġu sforzati biex jieħdu sehem f’attivitajiet li l-​kuxjenza ma kinitx tippermettilhom. Il-​qorti ordnat biex it-​tfal li tkeċċew mill-​iskola jerġgħu jiġu aċċettati. Fl-​aħħar, fl-​1946 il-​gvern Kanadiż ħeles lix-​Xhieda kollha li kienu fil-​kampijiet tax-​xogħol. Taħt il-​gwida taʼ Ħuna Covington, tgħallimt niddefendi dawn il-​kawżi bil-​kuraġġ u d-​determinazzjoni imma, fuq kollox, billi nistrieħ fuq Jehovah.

Il-​Battalja taʼ Quebec

Filwaqt li l-​ħelsien reliġjuż tax-​Xhieda taʼ Jehovah kien issa qiegħed jiġi rispettat tistaʼ tgħid fil-​Kanada kollha, kien għad baqaʼ post wieħed—il-​provinċja Franċiża u Kattolika taʼ Quebec. Din il-​provinċja kienet ilha għal iktar minn 300 sena taħt il-​kontroll dirett tal-​Knisja Kattolika Rumana. L-​iskejjel, l-​isptarijiet, u l-​maġġuranza tas-​servizzi pubbliċi kienu jew immexxijin mill-​kleru jew inkella kontrollati minnhom. Fil-​leġislatura taʼ Quebec, il-​kardinal Kattoliku kellu saħansitra tron ħdejn is-​siġġu taʼ l-​ispeaker!

Il-prim ministru u l-​avukat ġenerali tal-​gvern għal Quebec, Maurice Duplessis, kien dittatur li, skond l-​istorjografu taʼ Quebec Gérard Pelletier, għabba lill-​provinċja “b’għoxrin sena taʼ ħakma mimlija gideb, inġustizzja u korruzzjoni, abbuż tal-​poter b’mod sistematiku, kontroll fuq l-​imħuħ magħluqa u t-​trijonf taʼ l-​istupidità.” Duplessis saħħaħ il-​qawwa politika tiegħu billi ħadem id f’id mal-​Kardinal Kattoliku Ruman Villeneuve.

Sal-bidu tas-​snin erbgħin, kien hemm 300 Xhud fi Quebec. Ħafna minnhom, inkluż ħija Joe, kienu pijunieri minn partijiet oħra tal-​Kanada. Hekk kif ix-​xogħol taʼ l-​ippridkar fi Quebec beda jiżdied, il-​pulizija lokali, taħt pressjoni mill-​kleru, irreaġixxew billi qabdu qabda max-​Xhieda. Bdew jarrestawhom taʼ sikwit u applikaw b’mod ħażin ċerti liġijiet kummerċjali fejn kellhom x’jaqsmu l-​attivitajiet reliġjużi tagħna.

Tant kont ili ġej u sejjer minn Toronto għal Quebec li maż-​żmien ġejt maħtur biex immur noqgħod fi Quebec sabiex ngħin lill-​avukati li ma kinux Xhieda u li kienu qed jirrappreżentaw lil ħutna Kristjani. Kuljum, l-​ewwel biċċa xogħol tiegħi kienet li nara kemm uħud kienu ġew arrestati l-​jum taʼ qabel u nerħilha malajr għall-​qorti lokali biex noħroġhom fuq pleġġ. Anzi kien hemm Xhud tat-​tajjeb, ċertu Frank Roncarelli, li kien jipprovdihom hu l-​flus f’ħafna każijiet.

Mill-1944 sa l-​1946, l-​għadd taʼ kawżi li saru minħabba l-​ksur allegat tal-​liġijiet żdiedu minn 40 għal 800! Mhux l-​awtoritajiet pubbliċi biss kienu qabdu max-​Xhieda u bdew jarrestawhom kontinwament. Magħhom kien hemm ukoll klikek ġellieda taʼ nies li kienu qed jaħbtu għax-​Xhieda għax kienu qed jiġu mxewxin mill-​kleru Kattoliku.

Fit-2 u t-​3 taʼ Novembru, 1946, inżammet laqgħa speċjali f’Montreal sabiex tiġi indirizzata din il-​kriżi. Ħuna Knorr ta l-​aħħar taħdita, bit-​titlu “X’Se Nagħmlu?” Dawk kollha fl-​udjenza ferħu ħafna bit-​tweġiba li kellu. Hu qara jgħajjat id-​dokument li issa huwa magħruf sew—Quebec’s Burning Hate for God and Christ and Freedom Is the Shame of All Canada (Il-Kanada Kollha Għandha Għalxiex Tistħi bil-​Mibegħda Taħraq taʼ Quebec għal Alla u Kristu u għall-​Ħelsien). Dan kien fuljett t’erbaʼ paġni b’messaġġ jaħraq, mimli b’dettalji li jikxfu l-​ismijiet, id-​dati, u l-​postijiet fejn seħħew rewwixti mxewxin mill-​kleru, ħruxija min-​naħa tal-​pulizija, arresti, u attakki vjolenti minn klikek fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah fi Quebec. It-​tqassim tal-​fuljett fil-​Kanada beda 12-il jum wara.

F’temp taʼ ftit ġranet, Duplessis ħabbar pubblikament “gwerra bla ħniena” kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah. Imma mingħajr ma induna, dak li għamel ħadem favurina. Kif? Billi ordna li kulmin iqassam il-​fuljett Quebec’s Burning Hate kellu jiġi akkużat b’sedizzjoni​—att kriminali serju ħafna li mill-​qrati taʼ Quebec kien se jiħodna għal ġol-​Qorti Suprema tal-​Kanada. Fid-​dagħdigħa li kien fiha, Duplessis bi traskuraġni injora din il-​konsegwenza. Imbagħad hu ordna personalment li tittieħed il-​liċenzja tax-​xorb li kellu Frank Roncarelli, il-​wieħed li kien jipprovdi ħafna mill-​fondi għall-​pleġġijiet. Mingħajr inbid, Ħuna Roncarelli fi ftit xhur kellu jagħlaq ir-​restorant mill-​aqwa li kellu f’Montreal, u spiċċa fallut.

L-arresti bdew jiżdiedu bl-​għama. Minflok 800 kawża, malajr spiċċajna b’1,600. Ħafna avukati u mħallfin bdew igergru li dawn il-​kawżi kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qed ifixklu l-​qrati taʼ Quebec. Aħna malajr konna nissuġġerixxu s-​soluzzjoni: Il-​pulizija jarrestaw lill-​kriminali minflok lill-​Kristjani. Imbagħad żgur kienu jsolvuha l-​problema!

Żewġ avukati Lhud kuraġġużi, A. L. Stein minn Montreal u Sam S. Bard mill-​Belt taʼ Quebec, kienu jgħinuna billi jiħdulna ħafna kawżi, speċjalment qabel ma bdejt nagħmilha t’avukat fi Quebec fl-​1949. Pierre Elliott Trudeau, iktar tard prim ministru tal-​Kanada, kiteb li x-​Xhieda taʼ Jehovah fi Quebec kienu ġew “mgħajrin, persegwitati, u mibgħuda mis-​soċjetà tagħna kollha; imma huma rnexxielhom b’mezzi legali jiġġieldu lill-​Knisja, lill-​gvern, lin-​nazzjon, lill-​pulizija, u lill-​opinjoni pubblika.”

L-attitudni li kellhom il-​qrati taʼ Quebec intweriet bil-​mod kif ittrattaw lil ħija, Joe. Hu ġie akkużat li kien kiser il-​paċi pubblika. L-​Imħallef Jean Mercier issentenzja lil Joe għall-​piena massima taʼ 60 jum il-​ħabs. Imbagħad, tilef il-​boxxla għalkollox u b’leħen għoli minn postu qal illi li kien għalih, kien jibagħtu għal għomru!

Gazzetta minnhom qalet li Mercier kien ta l-​ordni lill-​pulizija taʼ Quebec biex “jarrestaw fuq il-​post lil kull Xhud jew lil kulmin kien maħsub li hu Xhud.” Aġir bħal dan wera kemm kienu minnhom l-​akkużi li ntqalu fil-​fuljett tagħna Quebec’s Burning Hate. Dawn li ġejjin huma xi titli t’artikli li dehru fl-​ewwel paġna f’gazzetti Kanadiżi barra Quebec: “Iż-​Żminijiet tad-​Dlam Jirritornaw fi Quebec” (The Toronto Star), “Ir-​Ritorn taʼ l-​Inkwiżizzjoni” (The Globe and Mail, Toronto), “L-​Intiena tal-​Faxxiżmu” (The Gazette, Glace Bay, Nova Scotia).

Niddefendu l-​Akkuża taʼ Sedizzjoni

Fl-​1947, għent lill-​Avukat Stein fl-​ewwel kawża taʼ sedizzjoni li kellha tinstemaʼ, dik taʼ Aimé Boucher. Aimé kien qassam xi fuljetti qrib id-​dar tiegħu. Fil-​ġuri taʼ Aimé tajna l-​provi li Quebec’s Burning Hate ma kien fih l-​ebda gideb imma li sempliċement uża kliem iebes biex jesprimi d-​diżappunt dwar l-​atroċitajiet li kienu qegħdin isiru fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah. Urejna li ma kienu saru l-​ebda akkużi kontra dawk li kienu kkommettew dawn l-​atroċitajiet. Aimé kien ġie akkużat sempliċement talli qassamhom lill-​pubbliku. L-​akkuża kienet bażikament li kien sar att kriminali jekk tgħid il-​verità!

Il-qrati taʼ Quebec kienu qagħdu fuq definizzjoni mhux ċara u antika 350 sena tal-​frażi “sedizzjoni,” li kienet tissuġġerixxi li kulmin jikkritika lill-​gvern setaʼ jiġi akkużat li kien ikkommetta att kriminali. Duplessis wkoll kien qagħad fuq din id-​definizzjoni sabiex joħnoq kwalunkwe kritika dwar ir-​reġim tiegħu. Imma fl-​1950 il-​Qorti Suprema tal-​Kanada aċċettat dak li tlabniehom jikkunsidraw, jiġifieri li f’demokrazija moderna, “sedizzjoni” tirrikjedi tixwix li jwassal għal vjolenza jew irvell kontra l-​gvern. Quebec’s Burning Hate ma kien fiha ebda tixwix minn dan u għaldaqstant kienet għamla legali taʼ diskors ħieles. B’din id-​deċiżjoni waħda taʼ importanza kbira, il-​123 kawża taʼ sedizzjoni li kien hemm waqgħu! Stajt nara b’għajnejja stess kif Jehovah tana r-​rebħa.

Ġlieda Kontra ċ-​Ċensura

Il-​Belt taʼ Quebec kellha liġi li kienet tipprojbixxi t-​tqassim taʼ letteratura mingħajr il-​permess tal-​kap tal-​pulizija. Din kienet għamla diretta taʼ ċensura u għaldaqstant kienet tikser il-​libertà reliġjuża. Laurier Saumur, li dakinhar kien qed jaqdi bħala indokratur li jivvjaġġa, kien intbagħat il-​ħabs għal tliet xhur minħabba din il-​liġi u kien qed jiffaċċja diversi akkużi oħra minħabba fiha.

Fl-1947 infetħet kawża ċivili f’isem Ħuna Saumur sabiex il-​Belt taʼ Quebec tiġi projbita milli tinforza din il-​liġi kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah. Il-​qrati taʼ Quebec qatgħu s-​sentenza kontrina, u għal darb’oħra appellajna fil-​Qorti Suprema tal-​Kanada. F’Ottubru taʼ l-​1953, wara smigħ li dam sejjer sebat ijiem quddiem id-​disaʼ mħallfin kollha taʼ dik il-​Qorti, intlaqgħet it-​talba tagħna biex tinħareġ ordni kontra din il-​liġi. Il-​Qorti rrikonoxxiet li t-​tqassim lill-​pubbliku taʼ taħditiet Bibliċi stampati huwa parti fundamentali mill-​qima Kristjana tax-​Xhieda taʼ Jehovah u għaldaqstant, skond il-​kostituzzjoni, ma jaqax taħt iċ-​ċensura.

B’hekk fil-​każ Boucher kien ġie deċiż li dak li x-​Xhieda kienu qegħdin jgħidu kien skond il-​liġi; imma d-​deċiżjoni li kienet ittieħdet fil-​każ Saumur stabbiliet kif u fejn setaʼ dan jintqal. Ir-​rebħa fil-​każ Saumur wasslet biex jaqgħu iktar minn 1,100 akkuża skond liġijiet bħal dawn fi Quebec. F’Montreal kien hemm ukoll iktar minn 500 akkuża li waqgħu minħabba nuqqas taʼ provi. Fi ftit żmien l-​akkużi kollha waqgħu u ma kienx baqaʼ kawża waħda kontrina fi Quebec!

L-​Attakk Finali taʼ Duplessis

Billi ma kienx baqagħlu iktar liġijiet x’juża kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah, fil-​bidu taʼ Jannar taʼ l-​1954, Duplessis introduċa liġi ġdida fil-​leġislatura, l-​Abbozz Nru. 38, li ġie deskritt mill-​medja bħala ‘l-​liġi kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah.’ Din kienet tgħid li dawk li jissuspettaw li xi persuna bi ħsiebha tagħmel stqarrija li tkun “abbużiva jew insolenti” setgħu jagħmlu rapport mingħajr il-​bżonn li jipprovdu xi provi. Bħala l-​avukat ġenerali, Duplessis setaʼ mbagħad jikseb ordni mill-​qorti biex jipprojbixxi lill-​persuna akkużata milli tagħmel xi stqarrija pubblika. Ladarba kienet se toħroġ din l-​ordni kontra individwu wieħed, il-​membri kollha tal-​knisja taʼ dak l-​individwu kienu jiġu projbiti daqstant milli jitkellmu. Flimkien maʼ dan, il-​Bibbji u l-​letteratura reliġjuża kollha li kien ikollha dik il-​knisja kienu jittieħdu u jinqerdu, u l-​postijiet taʼ qima kollha tagħha kienu jingħalqu sakemm jiġi deċiż il-​każ, proċess li jistaʼ jieħu s-​snin.

L-Abbozz Nru. 38 kien jixbah liġi li kienet tfasslet fis-​seklu 15 matul l-​Inkwiżizzjoni Spanjola taħt Torquemada. Il-​wieħed akkużat u dawk kollha mseħbin miegħu kienu jitilfu kull dritt ċivili li kellhom mingħajr ebda prova taʼ ksur taʼ liġi. Rigward l-​Abbozz Nru. 38, l-​istampa ħabbret li l-​pulizija tal-​provinċja kienu ġew ordnati biex jagħlqu s-​Swali tas-​Saltna kollha tax-​Xhieda taʼ Jehovah u biex jieħdu u jeqirdu l-​Bibbji tagħhom u letteratura oħra. Iffaċċjati b’din it-​theddida tant mostruża, ix-​Xhieda taʼ Jehovah neħħew il-​pubblikazzjonijiet reliġjużi kollha li kellhom fil-​provinċja. Madankollu, baqgħu għaddejjin bix-​xogħol taʼ l-​ippridkar pubbliku billi jużaw biss il-​kopji persunali tal-​Bibbja.

L-abbozz taʼ liġi għadda fit-​28 taʼ Jannar, 1954. Fid-​29 taʼ Jannar, fid-​9.00 taʼ fil-​għodu, kont diġà qiegħed il-​qorti biex niftaħ kawża f’isem ix-​Xhieda taʼ Jehovah kollha fil-​provinċja taʼ Quebec, sabiex niksbu ordni permanenti mill-​qorti kontra din il-​liġi qabel ma Duplessis setaʼ biss jipprova jużaha. L-​imħallef ma tax permess għal ordni temporanja għax l-​Abbozz Nru. 38 kien għadu ma ġiex użat. Imma hu qal li jekk il-​gvern kien se jipprova jużah, stajt nerġaʼ mmur għandu għall-​protezzjoni. B’hekk l-​azzjoni taʼ l-​imħallef kellha l-​istess effett bħal taʼ ordni temporanja, għax malli Duplessis kien se jitħajjar juża din il-​liġi, ma kienx se jitħalla!

Matul il-​ġimgħa taʼ wara, stennejna biex naraw jekk il-​pulizija kinux se jieħdu xi azzjoni taħt din il-​liġi ġdida. Xejn ma ġara! Biex insiru nafu għala le, għamilt prova. Żewġ pijunieri, Victoria Dougaluk (iktar tard Steele) u Helen Dougaluk (iktar tard Simcox), marru minn dar għal dar bil-​letteratura fi Trois-Rivières, il-​post fejn trabba Duplessis. Għal darb’oħra, ma kien hemm reazzjoni taʼ xejn. Waqt li ż-​żewġ aħwa kienu qed jieħdu sehem fix-​xogħol, bgħatt lil Laurier Saumur biex iċempel lill-​pulizija tal-​provinċja. Mingħajr ma kixef min kien, hu lmenta li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu qed jippridkaw u li l-​pulizija ma kinux qed jinforzaw il-​liġi ġdida taʼ Duplessis.

Bil-mistħija, l-​uffiċjal inkarigat qal: “Iva, nafu li l-​liġi għaddiet, imma l-​ġurnata taʼ wara x-​Xhieda taʼ Jehovah kisbu ordni mill-​qorti kontrina, u allura ma nistgħu nagħmlu xejn.” Minnufih, ġibna lura l-​letteratura fil-​provinċja, u matul l-​għaxar snin li l-​każ dam jiġi appellat fi qrati ogħla, ix-​xogħol tagħna taʼ l-​ippridkar baqaʼ għaddej b’suċċess.

Flimkien maʼ l-​ordni mill-​qorti, ipprovajna niddikjaraw l-​Abbozz Nru. 38 bħala li ma kienx kostituzzjonali. Biex nipprovaw li din il-​liġi kienet immirata proprju għax-​Xhieda taʼ Jehovah, iddeċidejna li nieħdu azzjoni kuraġġuża u nibagħtu lil Duplessis mandat taʼ taħrik taʼ xiehda biex inġagħluh jattendi għall-​ġuri u jixhed. Domt nagħmillu kontro-eżami għal sagħtejn u nofs sħaħ. Ikkonfrontajtu għal darba wara l-​oħra bid-​dikjarazzjonijiet pubbliċi tiegħu taʼ “gwerra bla ħniena fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah” u l-​istqarrija tiegħu li l-​Abbozz Nru. 38 kien se jkun it-​tmiem tax-​Xhieda taʼ Jehovah fi Quebec. Mimli rabja, dar fuqi u qalli: “Int veru żagħżugħ arroganti!”

“Avukat Duplessis,” weġibtu, “li kieku konna qed niddiskutu l-​personalitajiet taʼ xulxin, kont insib xi ħaġa x’ngħid fuqek. Imma la qegħdin hawnhekk biex nitkellmu dwar affarijiet iktar serji, tistaʼ jekk jogħġbok tispjega quddiem din il-​qorti għala ma weġibtx l-​aħħar mistoqsija?”

Fl-1964, tellajna l-​każ taʼ l-​Abbozz Nru. 38 quddiem il-​Qorti Suprema tal-​Kanada. Imma ma ttieħdet l-​ebda deċiżjoni fuq jekk kienx kontra l-​kostituzzjoni jew le għax din il-​liġi qatt ma kienet intużat. Madankollu, Duplessis kien laħaq miet sadattant, u ħadd ma kien għadu jimpurtah mill-​Abbozz Nru. 38. Dan qatt ma ntuża kontra x-​Xhieda taʼ Jehovah jew kontra xi ħaddieħor.

Ftit qabel ma Duplessis miet fl-​1959, kien ġie ordnat mill-​Qorti Suprema tal-​Kanada biex iħallas għad-​danni li sofra Ħuna Roncarelli talli kien ħadlu l-​liċenzja tax-​xorb illegalment. Minn dakinhar ’l hawn, il-​biċċa l-​kbira tan-​nies fi Quebec saru dħulin ħafna magħna. Skond ċensiment tal-​gvern, l-​għadd taʼ Xhieda hemmhekk żdied minn 300 fl-​1943 għal iktar minn 33,000 il-​lum il-​ġurnata. Issa x-​Xhieda taʼ Jehovah jinsabu rikonoxxuti bħala r-​rabaʼ reliġjon mill-​gruppi reliġjużi l-​kbar fil-​provinċja. Jien ma nħossx li dawn ir-​rebħiet legali jew is-​suċċess tal-​ministeru tax-​Xhieda taʼ Jehovah ġraw bis-​saħħa taʼ xi bniedem. Minflok, dan urieni li Jehovah jagħti r-​rebħa, għax it-​taqbida hija tiegħu u mhux tagħna.—2 Kronaki 20:15.

Bidla fiċ-​Ċirkustanzi

Fl-​1954, iżżewwiġt pijuniera ħelwa mill-​Ingilterra, Margaret Biegel, u bdejna naħdmu flimkien fix-​xogħol taʼ pijunier. Bqajt nieħu f’idejja każijiet tal-​qorti li jinvolvu lix-​Xhieda taʼ Jehovah fil-​Kanada u fl-​Istati Uniti, u kont nagħti l-​pariri f’xi każijiet fl-​Ewropa u l-​Awstralja. Margaret  saret is-​segretarja tiegħi u kienet t’għajnuna imprezzabbli għal ħafna snin. Fl-​1984, jien u Margaret erġajna morna noqogħdu fil-​fergħa tal-​Kanada, u għent biex jerġaʼ jitwaqqaf Dipartiment Legali. B’sogħba, fl-​1987, Margaret mietet bil-​kanċer.

Wara li mietet ommi fl-​1969, ħija Joe u martu, Elsie, li t-​tnejn kienu ġew imħarrġin bħala missjunarji fid-​disaʼ klassi taʼ l-​Iskola taʼ Gilgħad, ġabru lil missieri magħhom u ħadu ħsiebu sakemm miet 16-il sena wara. B’dan l-​att taʼ sagrifiċċju min-​naħa tagħhom, ippermettewli li nibqaʼ fis-​servizz full-time, u taʼ dan jien grat ħafna lejhom.

Iktar Battalji

Matul is-​snin, il-​battalji legali tax-​Xhieda taʼ Jehovah nbidlu. Ħafna każijiet kienu jinvolvu li niksbu l-​propjetà u l-​permessi meħtieġa għas-​Swali tas-​Saltna u s-​Swali taʼ l-​Assembleat. Oħrajn kienu jinvolvu l-​kustodja tat-​tfal. F’dawn l-​okkażjonijiet, ġenituri li m’humiex Xhieda wżaw il-​fanatiżmu reliġjuż, jew biex jiksbu l-​kustodja assoluta jew inkella biex ma jħallux lill-​ġenituri Xhieda jaqsmu maʼ wliedhom stess twemmin u prattiċi reliġjużi taʼ benefiċċju.

Avukata Amerikana, Linda Manning, ġiet fil-​fergħa tal-​Kanada fl-​1989 biex tipprovdi għajnuna legali temporanja. F’Novembru taʼ dik is-​sena żżewwiġna u għadna naqdu flimkien hawnhekk minn dakinhar.

Fis-snin disgħin, jien u John Burns, avukat ieħor li jinsab hawnhekk fil-​fergħa tal-​Kanada, morna l-​Ġappun flimkien u għenna lil ħutna l-​Kristjani t’hemmhekk biex jirbħu kawża kostituzzjonali li kienet tinvolvi l-​libertà li kellu student biex ma jiħux sehem fil-​lezzjonijiet taʼ l-​arti marzjali li kienu jsiru bilfors fl-​iskola tiegħu. Irbaħna wkoll kawża oħra rigward id-​dritt taʼ adult li jirrifjuta trasfużjoni tad-​demm.

Imbagħad fl-​1996 u l-​1997, jien u Linda kellna l-​privileġġ li nqattgħu ħames xhur f’Singapor minħabba l-​projbizzjoni li kien hemm fuq ix-​Xhieda taʼ Jehovah u l-​kawżi li nfetħu kontrihom. Jien iddefendejt 64 ruħ—irġiel, nisa, u żgħażagħ—li kienu qed jiffaċċjaw akkużi kriminali talli attendew laqgħat Kristjani u talli kellhom Bibbji u letteratura reliġjuża fil-​pussess tagħhom. Ma rbaħna l-​ebda waħda minn dawn il-​kawżi, imma rajna kif Jehovah saħħaħ lill-​qaddejja leali tiegħu biex jissaportu bl-​integrità u l-​ferħ.

Grat għas-​Sehem li Tajt

Fl-​età taʼ 80 sena, saħħti għadha tajba u ninsab ferħan li nistaʼ nkompli nagħti s-​sehem tiegħi f’li niġġieled il-​battalji legali tal-​poplu taʼ Jehovah. Jien għadni s’issa lest li mmur il-​qorti u niddefendi dak li hu tajjeb. Kelli l-​pjaċir nara l-​għadd taʼ Xhieda fil-​Kanada jiżdied minn 4,000 fl-​1940 għal 111,000 fil-​preżent. In-​nies u l-​ġrajjiet dejjem jinbidlu, imma Jehovah jkompli jidderieġi lill-​poplu tiegħu ’l quddiem, u jagħmel ċert li dan ikollu riżq spiritwalment.

Għandna problemi? Iva, imma l-​Kelma taʼ Jehovah tiżgurana: “L-​ebda arma msawra kontrik ma tirnexxi.” (Isaija 54:​17, Karm Żammit) Mis-​56 sena t’esperjenza li qattajt fil-​ministeru full-time, niddefendi u nistabbilixxi legalment l-​aħbar tajba, nistaʼ nixhed kemm hija minnha l-​profezija taʼ Isaija!—Filippin 1:7.

[Stampa f’paġna 19]

Maʼ ħija ż-​żgħir u l-​ġenituri tagħna

[Stampa f’paġna 19]

Hayden Covington, l-​avukat legali

[Stampa f’paġna 19]

Maʼ Nathan Knorr

[Stampa f’paġna 20]

Duplessis jmil quddiem il-​Kardinal Villeneuve

[Sors]

Ritratt minn W. R. Edwards

[Stampi f’paġna 20, 21]

Frank Roncarelli

[Sors]

Bil-​korteżija taʼ Canada Wide

[Stampi f’paġna 21]

Aimé Boucher

[Stampa f’paġna 24]

Maʼ sħabi l-​avukati John Burns u marti Linda

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja