Tkunx Vittma tal-Propaganda!
“Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox.”—PROVERBJI 14:15.
HEMM differenza—u differenza kbira—bejn l-edukazzjoni u l-propaganda. L-edukazzjoni turik kif taħseb. Il-propaganda tgħidlek x’għandek taħseb. Min jgħallem tajjeb jurik l-aspetti kollha taʼ ċerta kwistjoni u jinkuraġġik tiddiskuti. Min juża l-propaganda jkun moħħu f’li jisforzak biex tismaʼ l-opinjoni tiegħu u jiskuraġġik milli tiddiskuti. Taʼ spiss il-motivi tiegħu ma jkunux jidhru ċari. Dan jagħżel il-fatti, billi juża dak li jaqbillu u jaħbi l-bqija. Il-fatti jgħawwiġhom, u l-ispeċjalità tiegħu hija l-gideb u n-nofs verità. Jimmira lejn l-emozzjonijiet tiegħek, mhux lejn l-abbiltà li għandek biex taħseb bil-loġika.
Min juża l-propaganda jkun ċert li l-messaġġ tiegħu jidher tajjeb anki moralment. Hu jkun irid li l-messaġġ jagħtik sens taʼ importanza u li tħossok li qed tagħmel sew jekk issegwih. Talli tagħti kas taʼ dak li jgħidlek tkun qed turi li int intelliġenti, m’għandekx dubji, kunfidenti, bħall-oħrajn—hekk iridek temmen.
Kif tistaʼ tipproteġi ruħek mit-tipi taʼ nies li l-Bibbja tgħid li “jitkellmu fil-vojt u li jqarrqu bl-oħrajn”? (Titu 1:10) Meta ssir midħla taʼ xi wħud mill-metodi makakki li jużaw, tkun f’pożizzjoni aħjar biex tiżen xi messaġġ jew informazzjoni li jiġu f’idejk. Dawn huma xi modi kif tagħmel hekk.
Kun selettiv: Moħħ miftuħ għalkollox jistaʼ jitqabbel maʼ katusa li kollox jistaʼ jgħaddi minnha—anki d-drenaġġ. Ħadd ma jrid li moħħu jiġi vvelenat. Salamun, sultan u għalliem fi żmien il-qedem, wissa: “Min hu nieqes minn moħħu jemmen kollox, min moħħu jilħaqlu jara sewwa qabel jemmen.” (Proverbji 14:15) Għalhekk irridu nkunu selettivi. Irridu ngħarblu kulma jippreżentawlna, u niddeċiedu x’naċċettaw u x’nirrifjutaw.
Madankollu, ma jridx ikollna moħħna tant magħluq li nirrifjutaw li nikkunsidraw fatti li jistgħu jtejbulna l-mod kif naħsbu. Kif nistgħu nsibu bilanċ tajjeb? Billi jkollna miżien li bih niżnu l-informazzjoni ġdida li nirċievu. F’dan ir-rigward, il-Kristjan għandu sors t’għerf kbir. Għandu l-Bibbja bħala gwida soda għall-ħsieb tiegħu. Minn banda, moħħu huwa miftuħ, jiġifieri lest li jirċievi informazzjoni ġdida. Hu jiżen sew din l-informazzjoni ġdida skond il-miżien tal-Bibbja u jinkludi dak li hu tajjeb fil-mod kif jaħseb. Mill-banda l-oħra, moħħu jara l-periklu li jeżisti jekk l-informazzjoni ma tkun taqbel xejn mal-valuri bbażati fuq il-Bibbja.
Uża d-dixxerniment: Id-dixxerniment huwa “ġudizzju għaqli.” Huwa “l-qawwa jew il-fakultà tal-moħħ li biha jiddistingwi ħaġa minn oħra.” Individwu li għandu d-dixxerniment jaf jiddeċiedi tajjeb u jinduna meta xi ideat jew affarijiet ikunu intenzjonati biex jidħlu fin fin.
Billi nużaw id-dixxerniment, se nkunu nistgħu nagħrfu lil dawk li jkunu sempliċement qed jużaw “il-kliem u t-tmellis” sabiex “iqarrqu bil-qlub taʼ nies bla malizzja.” (Rumani 16:18) Id-dixxerniment jgħinek tinjora informazzjoni bla sens jew fatti li jqarrqu u tagħraf x’inhu s-sugu taʼ ċerta kwistjoni. Imma kif tistaʼ tagħraf li xi ħadd qed jipprova jqarraq bik?
Eżamina l-informazzjoni: Ġwanni, għalliem Kristjan taʼ l-ewwel seklu, jgħidilna biex ma nemmnux kull xorta taʼ espressjoni mnebbħa imma għandna neżaminawhom. (1 Ġwann 4:1) Xi nies illum huma bħal sponoż; jixorbu kulma jaraw u jisimgħu. Ikun faċli wisq li naqbdu u naċċettaw dak kollu li hemm madwarna.
Imma jkun ħafna aħjar jekk kull individwu jagħżel personalment x’se jitmaʼ lil moħħu. Jingħad li l-ikel jeffettwa x’tip taʼ persuna int, u dan jistaʼ japplika kemm għall-ikel tal-ġisem u kemm għal dak tal-moħħ. Ikun x’ikun dak li qed taqra, tara, jew tismaʼ, eżaminah biex tara jekk fihx xi ħjiel taʼ propaganda jew jekk hux veru.
Iktar minn hekk, jekk irridu nimxu b’mod ġust, irridu nkunu lesti li nħallu l-opinjonijiet tagħna stess jiġu eżaminati hekk kif niksbu informazzjoni ġdida. Irridu nirrealizzaw li fuq kollox dawn huma opinjonijiet. Dawn se jkunu taʼ min joqgħod fuqhom skond kemm ikunu validi l-fatti li nagħtu, kemm l-irraġunar tagħna jkun tajjeb, u kemm dak li nagħżlu li napplikaw ikollu livelli u valuri għoljin.
Staqsi mistoqsijiet: Bħalma rajna, hemm ħafna llum li jixtiequ ‘jqarrqu bina b’xi kliem fieragħ.’ (Kolossin 2:4) Għalhekk, meta xi ħadd jippreżentalna xi argumenti biex jipprova jipperswadina b’xi ħaġa, għandna nistaqsu xi mistoqsijiet.
L-ewwelnett, eżamina jekk hemmx xi preġudizzju fin-nofs. X’inhu l-motiv taʼ dan il-messaġġ? Jekk dan ikun mimli tagħjir u jkun jistaʼ jinftiehem b’diversi modi, x’inhi r-raġuni? Apparti dan il-kliem, x’inhuma l-punti importanti tal-messaġġ innifsu? Ukoll, jekk jistaʼ jkun, ipprova ċċekkja r-reputazzjoni taʼ dawk li qed jitkellmu. Huma magħrufin li jgħidu l-verità? Jekk dak li jgħidu jibbażawh fuq ċerti “awtoritajiet”, dawn min huma jew x’inhuma? Għalfejn għandek tqis lil dan l-individwu—jew organizzazzjoni jew pubblikazzjoni—bħala li għandu għarfien t’espert jew informazzjoni taʼ min joqgħod fuqha rigward is-suġġett li qed jiġi diskuss? Jekk tħoss li l-messaġġ ikun immirat lejn l-emozzjonijiet, staqsi lilek innifsek, ‘Meta nikkunsidra dan il-messaġġ mingħajr emozzjonijiet persunali, x’inhuma l-punti importanti tal-messaġġ?’
Timxix mal-kurrent: Jekk tirrealizza li dak li jaħseb kulħadd mhux bilfors huwa korrett, tistaʼ tkun sod biżżejjed biex taħseb differenti. Filwaqt li jistaʼ jidher li kulħadd għandu l-istess ħsieb, ifisser dan li int għandek taħseb hekk ukoll? Il-verità ma tistax titkejjel tajjeb skond l-opinjoni tal-maġġuranza. Matul is-sekli ġew aċċettati kull tip taʼ ideat, biex imbagħad wara nstab li kienu ħżiena. Madankollu, xorta hemm it-tendenza li ssegwi l-massa. Il-kmand li jingħata f’Eżodu 23:2 iservi taʼ prinċipju tajjeb: “La tmurx mal-kotra biex tagħmel id-deni.”
Għarfien Veru Kontra l-Propaganda
Qabel, semmejna li l-Bibbja hija gwida soda li tgħinna naħsbu ċar. Ix-Xhieda taʼ Jehovah jemmnu u jaqblu assolutament maʼ dak li Ġesù qal lil Alla: “Il-kelma tiegħek hi l-verità.” (Ġwann 17:17) Dan minħabba li Alla, l-Awtur tal-Bibbja, huwa “Alla tas-sewwa.”—Salm 31:6 [31:5, NW].
Iva, f’din l-era taʼ propaganda sofistikata, nistgħu nħarsu b’fiduċja lejn il-Kelma t’Alla bħala s-sors tal-verità. Fl-aħħar mill-aħħar dan se jipproteġina minn dawk li jridu ‘jagħmlu negozju minn fuqna bi kliem qarrieq.’—2 Pietru 2:3.
[Stampa f’paġna 9]
Id-dixxerniment jgħinna ninjoraw informazzjoni bla sens jew qarrieqa
[Stampa f’paġna 10]
Eżamina kulma taqra jew tara biex tara jekk hux veru
[Stampa f’paġna 11]
Mhux dejjem tistaʼ toqgħod fuq l-opinjoni tal-maġġuranza
[Stampa f’paġna 11]
Nistgħu nħarsu b’fiduċja lejn il-Kelma t’Alla bħala s-sors tal-verità