LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g00 7/8 pp. 4-8
  • L-Informazzjoni Wżata Ħażin

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • L-Informazzjoni Wżata Ħażin
  • Stenbaħ!—2000
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • L-​Istorja tal-​Propaganda
  • Gidba wara l-​Oħra!
  • Meta Wieħed Jiġġeneralizza
  • Tgħajjir
  • Jilagħbu bl-​Emozzjonijiet
  • Kliem u Simboli
  • Nirbħu l-ġlieda tal-moħħ
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova (Studju)—2017
  • Il-Propaganda Tistaʼ Toqtol
    Stenbaħ!—2000
  • Tkunx Vittma tal-Propaganda!
    Stenbaħ!—2000
  • Irreżisti l-Propaganda taʼ Satana
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2010
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2000
g00 7/8 pp. 4-8

L-​Informazzjoni Wżata Ħażin

Jekk il-​propaganda tintuża bis-​sengħa u bil-​perseveranza anki s-​sema jistaʼ jiġi rappreżentat bħala l-​infern għan-​nies, u mill-​banda l-​oħra l-​iktar ħajja miżerabbli tistaʼ tiġi rappreżentata bħala ġenna.—ADOLF HITLER, MEIN KAMPF.

HEKK kif il-​mezzi taʼ komunikazzjoni, bħall-​istampar, it-​telefon, ir-​radju, it-​televixin, u l-​Internet ikomplu jiżviluppaw, il-​messaġġi li jipprovaw jipperswadu lin-​nies ikomplu jiżdiedu ferm. B’riżultat taʼ din ir-​rivoluzzjoni fil-​komunikazzjoni sar hawn iżżejjed informazzjoni, tant li n-​nies jinsabu mgħarrqin f’partita messaġġi li jiġu minn kull qasam. Ħafna wħud jirreaġixxu għal din il-​pressjoni billi jemmnu dak li jisimgħu malajr u jaċċettawh mingħajr ma joqogħdu jiddubitawh jew jifluh.

Dak li jagħmel il-​propaganda jkun moħħu jilħaqlu. Hu jieħu pjaċir b’nies li ma tantx idumu jaħsbuha—speċjalment b’dawk li ma jaħsbuha xejn. Il-​propaganda tinkuraġġixxi lin-​nies jagħmlu dan billi tqanqlilhom l-​emozzjonijiet, u billi tapprofitta ruħha mid-​dubji tagħhom. Tagħmel dan ukoll billi tieħu vantaġġ mill-​fatt li l-​lingwa tistaʼ tinftiehem b’diversi modi, u billi tgħawweġ ir-​regoli tal-​loġika. Kif turina l-​istorja tal-​bniedem, dawn it-​tattiċi kienu effettivi tassew.

L-​Istorja tal-​Propaganda

Illum meta tgħid “propaganda” tiġik f’moħħok xi ħaġa negattiva. Iġġagħlek taħseb f’mezzi diżonesti. Imma fil-​bidu din il-​kelma ma kinitx tinftiehem hekk. Il-​kelma “propaganda” milli jidher ġejja mill-​isem Latin li kellhom grupp taʼ kardinali Kattoliċi Rumani, il-​Congregatio de Propaganda Fide (Kongregazzjoni għat-​Tixrid tal-​Fidi). Dan il-​kumitat​—imsejjaħ Propaganda għall-​qasir—ġie stabbilit mill-​Papa Gregorju XV fl-​1622 għas-​superviżjoni tal-​missjunarji. Bil-​mod il-​mod, “propaganda” saret tfisser kull sforz li jsir għat-​tixrid taʼ ċertu twemmin.

Imma l-​idea taʼ propaganda ma bdietx teżisti fis-​seklu 17. Minn żmien il-​qedem, il-​bniedem uża kull mezz possibbli biex ixerred dak li kien jemmen jew biex ikabbar il-​fama u l-​poter tiegħu. Per eżempju, l-​arti ilha sservi bħala mezz taʼ propaganda minn żmien il-​fargħuni Eġizzjani. Dawn is-​slaten iddisinjaw il-​piramidi tagħhom biex jagħtu dehra taʼ qawwa li tibqaʼ għal żmien twil. B’mod simili, l-​arkitettura Rumana serviet skop politiku—il-​glorifikazzjoni taʼ l-​istat. Il-​kelma “propaganda” ħadet xejra negattiva fl-​Ewwel Gwerra Dinjija meta l-​gvernijiet beda jkollhom sehem attiv f’li jikkontrollaw l-​informazzjoni li kienet tiġi mxandra mill-​medja dwar il-​gwerra. Matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, Adolf Hitler u Joseph Goebbels urew kemm kienu propagandisti taʼ prima kwalità.

Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, il-​propaganda iktar saret għodda prinċipali f’li tmexxi ’l quddiem il-​politika nazzjonali. Kemm il-​blokk tal-​Punent u kemm dak tal-​Lvant intefgħu b’ruħhom u b’ġisimhom f’kampanji biex jiġbdu lejhom mases kbar taʼ nies li kienu għadhom ma jżommu maʼ ħadd. Kull aspett tal-​ħajja u l-​politika nazzjonali kienu wżati għal skopijiet taʼ propaganda. F’dawn l-​aħħar snin il-​metodi wżati għall-​propaganda saru iktar sofistikati, bħalma jidher ċar f’kampanji elettorali, kif ukoll fir-​reklamar minn kumpaniji tat-​tabakk. L-​hekk imsejħin esperti u anki mexxejja oħrajn jiġu mqabbdin biex it-​tipjip jagħtuh id-​dehra taʼ xi ħaġa affaxxinanti u tajba għas-​saħħa. Ma jagħmluhx jidher bħala li hu perikoluż għas-​saħħa tal-​pubbliku, bħalma fil-​fatt huwa.

Gidba wara l-​Oħra!

Żgur li l-​iktar tattika konvenjenti li tintuża minn min jagħmel propaganda hija l-​gideb sfaċċat. Per eżempju, ikkunsidra l-​gideb li kiteb Luteru fl-​1543 dwar il-​Lhud fl-​Ewropa: “Huma vvelenaw il-​bjar, ikkommettew qtil, serqu t-​tfal . . . Huma velenużi, ħorox, vendikattivi, u makakki bħas-​sriep, qattiela, u wlied id-​demonju li jniggżu u jagħmlu d-​deni.” X’ħeġġiġhom jagħmlu lill-​hekk imsejħa Kristjani? “Agħtu n-​nar lis-​sinagogi jew lill-​iskejjel tagħhom . . . Id-​djar tagħhom ukoll [għandhom] jiġu mġarrfin u meqrudin.”

Professur taʼ l-​istudji soċjali u governattivi, li studja dik l-​era, jgħid li l-​anti-Semitiżmu m’għandu x’jaqsam xejn la maʼ dak li għamlu l-​Lhud, u lanqas mal-​karattru tagħhom. Hu jinnota wkoll li l-​Lhud irrappreżentaw kulma kien imur żmerċ. Allura meta kien ikun hemm xi inkwiet naturali jew soċjali, l-​ewwel reazzjoni kienet tkun li dan l-​inkwiet kien kollu tort tal-​Lhud.

Meta Wieħed Jiġġeneralizza

Tattika oħra li tirnexxi ferm fil-​propaganda hija li wieħed jiġġeneralizza. Meta wieħed jitkellem b’mod ġenerali għandu mnejn jaħbi fatti importanti dwar il-​kwistjoni vera li tkun qed tiġi diskussa, u taʼ spiss jagħmel hekk biex ibaxxi lil gruppi sħaħ taʼ nies. Per eżempju, “Iż-​żingari [jew l-​immigranti] huma ħallelin,” hija frażi li taʼ sikwit tismagħha f’xi pajjiżi Ewropej. Imma dan minnu?

Richardos Someritis, kittieb fil-​gazzetti, jgħid li f’pajjiż wieħed dawn il-​ħsibijiet qanqlu tip taʼ ġenn li wassal lin-​nies biex jibżgħu mill-​barranin u taʼ spiss biex ikunu razzisti. Madankollu, intwera li l-​atti kriminali f’dak il-​pajjiż jistgħu jsiru kemm minn xi ħadd tal-​pajjiż u kemm minn xi ħadd barrani. Per eżempju, Someritis jinnota li l-​istħarriġ kollu li sar fil-​Greċja wera li “96 minn 100 delitt isiru minn [Griegi].” Hu josserva li l-​attività kriminali hija kaġunata minn kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali mhux razzjali. Hu jagħti t-​tort lill-​medja talli b’mod effiċjenti rawmet fin-​nies il-​biżaʼ mill-​barranin u r-​razziżmu, permezz tal-​preġudizzju fl-​aħbarijiet dwar il-​kriminalità.

Tgħajjir

Xi nies jinsultaw lil min ma jaqbilx magħhom billi jitfgħu dell ikrah fuq il-​karattru jew fuq il-​motivi taʼ dak li jkun minflok ma jiffokaw fuq il-​fatti. Bit-​tgħajjir malajr tispiċċa biex lil persuna, grupp, jew idea, tagħtihom timbru negattiv u li faċli tibqaʼ tiftakru. Il-​wieħed li jinfama lil xi ħadd ikun qed jittama li dik il-​fama tibqagħlu. Il-​pjan ikun irnexxa jekk in-​nies jibdew iwarrbu lil xi individwu jew xi idea minħabba dak it-​timbru negattiv minflok għax qagħdu jgħarblu l-​evidenza għalihom infushom.

Per eżempju, f’dawn l-​aħħar snin ħafna pajjiżi fl-​Ewropa u postijiet oħrajn ġew maħkumin minn sentiment qawwi kontra s-​setet. Dan ħawwad l-​emozzjonijiet, ħoloq idea taʼ min hu l-​għadu, u kompla jsaħħaħ il-​preġudizzji li diġà kienu jeżistu kontra l-​minoranzi reliġjużi. Taʼ spiss, il-​kelma “setta” ssir laqam. “‘Settaʼ hija kelma oħra għal ‘eretiku,’” kiteb il-​Professur Ġermaniż Martin Kriele fl-​1993, “u eretiku llum fil-​Ġermanja, bħal qabel, huwa [kundannat biex jitneħħa min-​nofs]—jekk mhux bin-​nar . . . , allura permezz taʼ qtil tal-​karattru, iżolament u qerda ekonomika.”

L-Istitut għall-​Analisi tal-​Propaganda jgħid li l-​laqmijiet koroh kellhom sehem qawwi ferm fl-​istorja tad-​dinja u fl-​iżvilupp persunali tagħna. Ikompli jgħid kif dawn ħassru r-​reputazzjonijiet, bagħtu lin-​nies il-​ħabs, u ġennew lil xi wħud sal-​punt li aċċettaw li jmorru jiġġieldu u jbiċċru lil bnedmin sħabhom.

Jilagħbu bl-​Emozzjonijiet

Avolja s-​sentimenti m’humiex importanti fejn jidħlu stqarrijiet taʼ fatti jew il-​loġika taʼ l-​argument, dawn għandhom parti kruċjali fil-​persważjoni. Dawk li għandhom l-​esperjenza f’li jirriklamaw l-​informazzjoni jimmiraw lejn l-​emozzjonijiet tagħna. Tant huma tas-​sengħa, li jafu jilagħbu bis-​sentimenti daqskemm plejer taʼ klassi jaf jilgħab il-​futbol.

Per eżempju, il-​biżaʼ huwa emozzjoni li ċċajprilna moħħna. U bħal fil-​każ taʼ l-​għira, dak li jkun jistaʼ jieħu vantaġġ mill-​biżaʼ. Il-​gazzetta Kanadiża The Globe and Mail, tal-​15 taʼ Frar, 1999, irrapportat dan minn Moska: “Meta l-​ġimgħa l-​oħra tliet tfajliet ikkommettew suwiċidju f’Moska, ix-​xandir Russu immedjatament issuġġerixxa li kienu segwaċi fanatiċi tax-​Xhieda taʼ Jehovah.” Innota l-​kelma “fanatiċi.” Naturalment, in-​nies se jibżgħu minn organizzazzjoni reliġjuża li tkun fanatika u li skond ma qalu ġġiegħel liż-​żgħażagħ jagħmlu suwiċidju. Huwa veru li dawn it-​tfajliet sfortunati kellhom x’jaqsmu b’xi mod max-​Xhieda taʼ Jehovah?

Il-Globe kompliet: “Il-​pulizija iktar tard ammettiet li t-​tfajliet ma kellhom x’jaqsmu xejn [max-Xhieda taʼ Jehovah]. Imma sadattant stazzjon televiżiv taʼ Moska kien laħaq fetaħ attakk ieħor kontra s-​setta, billi qal lit-​telespettaturi li x-​Xhieda taʼ Jehovah kienu kkollaboraw maʼ Adolf Hitler fil-​Ġermanja Nazista—minkejja l-​evidenza storika li eluf mill-​membri tagħhom kienu vittmi tal-​kampijiet tal-​konċentrament tan-​Nazi.” Fl-​imħuħ tal-​pubbliku informat ħażin u x’aktarx beżgħan, ix-​Xhieda taʼ Jehovah kienu jew kult suwiċida jew nies li kkollaboraw man-​Nazi.

Il-mibegħda hija emozzjoni qawwija li l-​propagandisti jużawha ħafna għall-​vantaġġ tagħhom. Espressjonijiet li jkun fihom implikazzjoni moħbija jew mhux xierqa huma effettivi b’mod partikulari biex joħolqu mibegħda f’ħaddieħor. Donnu l-​kliem kattiv li jkompli jħeġġeġ u jinqeda bil-​mibegħda lejn gruppi razzjali, etniċi, jew reliġjużi ma jispiċċa qatt.

Xi wħud jużaw il-​kburija. Taʼ spiss nindunaw kemm ikunu qed jimmiraw lejn il-​kburija meta tqis frażijiet bħal: “Kulmin hu intelliġenti jaf li . . .” jew, “Bniedem taʼ skola bħalek ma jistax ma jindunax li . . . ” Jekk ma naqblux magħhom nibżgħu li nidhru stupidi. Dawk li huma esperti f’li jipperswadu lil dak li jkun, jafuh tajjeb dan.

Kliem u Simboli

Sabiex wieħed jesprimi xi opinjoni jew mira ħafna drabi juża kliem jew frażijiet vagi. Minħabba li ma jkunux daqshekk preċiżi, faċli li ħaddieħor jaqbel magħhom.

Per eżempju, fi żmien xi kriżi jew konflitt nazzjonali, mexxejja politiċi xewwiexa jistgħu jużaw frażijiet bħal “Il-​pajjiż tiegħi, jiġri x’jiġri,” “Il-​Patrija, ir-​Reliġjon, il-​Familja,” jew “Ħelsien jew Mewt.” Imma l-​biċċa l-​kbira tan-​nies jifluhom sew il-​kwistjonijiet li tassew ikunu involuti fil-​kriżi jew fil-​konflitt? Jew sempliċement jibilgħu dak kollu li jintqalilhom?

Meta kien qed jikteb dwar l-​Ewwel Gwerra Dinjija, Winston Churchill osserva: “Hemm bżonn biss taʼ sinjal biex tittrasforma dawn il-​folol taʼ pajżani u ħaddiema paċifiċi f’armati qawwija li jkunu lesti li jqattgħu lil xulxin f’biċċiet.” Hu osserva wkoll li l-​biċċa l-​kbira tan-​nies, meta jintqalilhom x’għandhom jagħmlu, jaġixxu bla ma jaħsbu.

Min ikun qed jagħmel propaganda għandu ħafna simboli u sinjali li jistaʼ jużahom biex iwassal il-​messaġġ tiegħu—xi salut taʼ 21 sparatura, salut militari, jew bandiera. Jistaʼ jieħu vantaġġ ukoll mill-​imħabba għall-​ġenituri. Fil-​fatt min b’makakkerija jkun irid jipperswadi lil oħrajn juża simboliżmi bħal patrija, din l-​art ommna, jew ommna l-​knisja, li lkoll huma għodda utli f’idejh.

Allura l-​arti makakka tal-​propaganda tistaʼ ma tħallix lil dak li jkun jaħseb sew u juża d-​dehen, u ġġiegħel lil individwi jaġixxu bħala massa. Kif tistaʼ tipproteġi ruħek?

[Kumment f’paġna 8]

L-​arti makakka tal-​propaganda tistaʼ ma tħallix lil dak li jkun jaħseb sew

[Kaxxa/Stampi f’paġna 7]

VERU LI X-​XHIEDA TAʼ JEHOVAH JUŻAW IL-​PROPAGANDA FIX-​XOGĦOL TAGĦHOM?

Xi wħud minn dawk li jopponu lix-​Xhieda taʼ Jehovah xlewhom li kienu qed ixerrdu propaganda Zijonista. Oħrajn akkużaw lix-​Xhieda li l-​ministeru tagħhom jinkuraġġixxi l-​Komuniżmu. Jerġaʼ oħrajn qalu li x-​xogħol tax-​Xhieda taʼ Jehovah huwa favur l-​ideali u l-​interessi taʼ l-​“imperjaliżmu Amerikan.” U hemm dawk li jsostnu li x-​Xhieda huma anarkisti, li jqanqlu d-​diżordni bl-​iskop li jibdlu l-​ordni soċjali, ekonomiku, politiku, jew legali. Jidher ċar li dawn l-​akkużi ladarba ma jaqblux maʼ xulxin ma jistgħux ikunu kollha veri.

Il-​fatt sempliċement hu li x-​Xhieda taʼ Jehovah m’huma xejn minn dan kollu. Ix-​xogħol tax-​Xhieda jsir għax huma jobdu b’fedeltà l-​kmand li Ġesù Kristu ta lid-​dixxipli tiegħu: “Tkunu xhieda tiegħi . . . sa truf l-​art.” (Atti 1:8) Xogħolhom jiffoka biss u għalkollox fuq l-​aħbar tajba tas-​Saltna tas-​smewwiet—l-​istrument li se juża Alla biex iġib il-​paċi fuq l-​art kollha.—Mattew 6:10; 24:14.

Dawk li qagħdu josservaw lix-​Xhieda taʼ Jehovah ma sabu l-​ebda evidenza li din il-​komunità Kristjana qatt xi darba għamlet xi ħaġa biex tfixkel il-​bon ordni taʼ xi pajjiż.

Ħafna ġurnalisti, imħallfin, u oħrajn ikkummentaw kemm ix-​Xhieda taʼ Jehovah kkontribwew b’mod pożittiv fil-​komunitajiet fejn jgħixu. Ikkunsidra xi eżempji. Wara li attendiet konvenzjoni tax-​Xhieda taʼ Jehovah, waħda ġurnalista min-​nofsinhar taʼ l-​Ewropa kkummentat: “Dawn huma nies li għandhom rabtiet sodi fil-​familja, mgħallmin li għandhom iħobbu u jgħixu skond il-​kuxjenza tagħhom sabiex ma jagħmlux ħsara lil ħaddieħor.”

Ġurnalist ieħor, li qabel kellu ħarsa negattiva dwar ix-​Xhieda, qal hekk: “Huma jgħixu ħajja eżemplari. Ma jiksrux il-​livelli taʼ x’inhu morali u tajjeb.” Xjenzat politiku bl-​istess mod għadda din ir-​rimarka dwar ix-​Xhieda: “Huma jġibu ruħhom b’qalb tajba, imħabba u ġentilezza kbira maʼ nies oħra.”

Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jgħallmu kemm hi tajba s-​sottomissjoni lejn l-​awtorità. Bħala ċittadini li jobdu l-​liġi, huma jsegwu l-​livelli Bibliċi dwar l-​onestà, il-​verità, u l-​indafa. Huma jrawmu morali tajbin fil-​familji tagħhom stess, u jgħinu lil oħrajn jitgħallmu kif jistgħu jagħmlu l-​istess. Huma jgħixu fil-​paċi man-​nies kollha, billi ma jinvolvux ruħhom fi protesti jew rivoluzzjonijiet politiċi li joħolqu l-​inkwiet. Ix-​Xhieda taʼ Jehovah jistinkaw biex ikunu eżemplari f’li jobdu l-​liġijiet taʼ l-​awtoritajiet superjuri tal-​bniedem. Dan jagħmluh waqt li jistennew bil-​paċenzja lill-​Awtorità Suprema, il-​Mulej Sovran Jehovah, biex jerġaʼ jġib paċi perfetta u gvern ġust fuq din l-​art.

Fl-​istess ħin, ix-​xogħol tax-​Xhieda huwa edukattiv. Huma jużaw il-​Bibbja bħala l-​bażi biex jgħallmu lin-​nies mad-​dinja kollha kif jirraġunaw fuq il-​prinċipji Bibliċi, u b’hekk dawn jiżviluppaw livelli tajbin taʼ mġiba u integrità morali. Ix-​Xhieda jinkuraġġixxu valuri li jtejbu l-​ħajja tal-​familja u li jgħinu liż-​żgħażagħ ikampaw maʼ l-​isfidi diffiċli li jiffaċċjaw. Ukoll, huma jgħinu lin-​nies jagħmlu l-​kuraġġ biex jaqtgħu vizzji li jagħmlu ħsara, u jgħinuhom ukoll jitgħallmu jingwalawha m’oħrajn. Dan ix-​xogħol ma tantx tistaʼ ssejjaħlu “propaganda.” Bħalma tgħid The World Book Encyclopedia, f’ambjent fejn wieħed jistaʼ jesprimi l-​ideat tiegħu bil-​libertà kollha, “il-​propaganda hija differenti mill-​edukazzjoni.”

[Stampi]

Il-​pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Jehovah jinkuraġġixxu valuri tal-​familjau livelli morali għoljin

[Stampi f’paġna 5]

Il-​propaganda favur il-​gwerra u t-​tipjip ikkontribwiet għal ħafna mwiet

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja