Mingħand il-Qarrejja
Is-Seklu Għoxrin Qed nikteb rigward is-serje “Is-Seklu 20—Snin Kritiċi taʼ Bidla.” (8 taʼ Diċembru, 1999) Bqajt impressjonat bit-tagħrif ċar li ppreżentajtu fuq iż-żminijiet diffiċli li għaddejna minnhom matul is-seklu 20. Stajt nara wkoll kif ftit ftit il-vjolenza qed teqred lill-umanità. Nifirħilkom għax-xogħol taʼ l-għaġeb li qegħdin tagħmlu.
W. G., Puerto Rico
Id-Drogi Nixtieq nirringrazzjakom għas-serje “Qegħdin id-Drogi Jieħdu d-Dinja taħt Idejhom?” (8 taʼ Novembru, 1999) Missieri huwa skjav tad-drogi u l-alkoħol minħabba l-influwenza taʼ ħbiebu. Id-dar m’hijiex post taʼ kenn imma post fejn jien taʼ spiss niġi mhedda. Minkejja dan kollu, qatt ma se nieqaf nistieden lill-ġenituri tiegħi biex igawdu l-ferħ taʼ li jaqdu lil Alla.
M. L., Italja
Darba fil-ġimgħa, fl-iskola tagħna jiġi uffiċjal tal-pulizija u jkellimna dwar affarijiet bħad-drogi u l-alkoħol. Iddeċidejt li meta jkun imissu jerġaʼ jiġi fil-klassi tagħna, nagħtih l-artikli fuq id-drogi. Hu baqaʼ impressjonat ħafna bihom u qara partijiet minnhom fil-klassi. Il-klassi kollha bbenefikat mill-artikli!
C. D., Stati Uniti
Is-serje “Qegħdin id-Drogi Jieħdu d-Dinja taħt Idejhom?” (8 taʼ Novembru, 1999) kien fiha riċerka tajba ħafna. Jien naħdem bħala probation officer f’post fejn hemm ħafna żgħażagħ bil-vizzju tad-drogi. Din il-ħarġa se tgħin lil ħafna biex jaqtgħu dan il-vizzju.
J. T., Ġermanja
Ġejt inkuraġġit ħafna bir-rakkont taʼ Pedro u martu, Ana. Id-drogi ħarbtuli sitt snin minn ħajti. Billi nistudja l-Bibbja u nitkellem m’oħrajn dwar dak li qed nitgħallem, ksibt is-saħħa spiritwali biex neħles minn dan il-vizzju tad-drogi.
D. J., Stati Uniti
Jien ili 15-il sena ngħallem dwar is-saħħa fl-iskejjel. Din il-ħarġa taʼ Stenbaħ! ġiet verament f’waqtha, peress li bħalissa qed ngħaddu s-suġġett taʼ l-alkoħol, id-drogi u s-sewqan. Ibqgħu ċerti li se nuża t-tagħrif li fiha din il-ħarġa!
C. J., Stati Uniti
Il-Kwizz Rigward il-kwizz, ma tistgħux tpoġġu t-tweġibiet kompluti fil-ħarġa li jkun imiss? Jien dejjem naqra r-rivista l-ewwel u mbagħad nagħmel il-kwizz wara, u nsibha diffiċli biex naqra l-paġna li jkun fiha t-tweġibiet mingħajr ma nħares lejhom.
J. L., Stati Uniti
Napprezzaw is-suġġeriment. Madankollu, peress li Stenbaħ! jitqassam minn bieb għal bieb, ħafna mill-qarrejja tagħna ma jirċivux il-ħarġiet taʼ wara. Għaldaqstant inħossu li jkun aħjar jekk inżommu t-tweġibiet fl-istess ħarġa. Ipprova tħarisx lejhom minn qabel!—ED.