Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Nistaʼ Nagħmel Meta Xi Ħadd Jagħtini Fastidju b’Mod Sesswali?
“Il-ġuvintur joqogħdu jsaffru u jibbuwjaw.”—Carla, Irlanda.
“It-tfajliet il-ħin kollu jċemplu. Jipprovaw jherruk.” —Jason, Stati Uniti.
“Qagħad il-ħin kollu jmissli dirgħajja u jipprova jaqbadli idi.”—Yukiko, Ġappun.
“It-tfajliet jgħadduli kummenti suġġestivi.”—Alexander, Irlanda.
“Ċertu ġuvni beda jsejjaħli ħafna xorti mill-karozza taʼ l-iskola. Ma riedx joħroġ miegħi. Kien biss qed jagħtini fastidju.” —Rosilyn, Stati Uniti.
TNEMMIS, “kumplimenti” doppju sens, ċajt oxxen, u tmesmis sesswali ovvju—meta tiġi trattat b’dan il-mod kontra x-xewqa tiegħek u darba wara l-oħra, taʼ spiss dan tistaʼ ssejjaħlu fastidju sesswali. Għalkemm huwa diffiċli li jinkisbu statistiċi minn mad-dinja kollha, ċertu stħarriġ juri li l-biċċa l-kbira taż-żgħażagħ fl-Istati Uniti għaddew minnu.
Il-fastidju sesswali x’inhu eżattament? Dr. Victoria Shaw fil-ktieb tagħha tagħti d-definizzjoni taʼ “li ddejjaq lil xi ħadd b’mod sesswali . . . Jistaʼ jkun fiżiku (bħal li tmiss lil xi ħadd b’mod sesswali), verbali (bħal li tgħaddi kummenti dwar id-dehra taʼ xi ħadd kontra x-xewqa tiegħu), jew mhux verbali.” (Coping With Sexual Harassment and Gender Bias [Kif Tkampa maʼ Fastidju Sesswali u Preġudizzju Minħabba l-Ġeneru]). Xi drabi dan il-fastidju jinkludi li xi ħadd jagħmel proposti vulgari.
X’aktarx li dawk taʼ mparek huma dawk li l-iktar se jagħtuk fastidju. Madankollu, f’ċerti każi din l-imġiba offensiva tiġi mill-kbar, bħal per eżempju mill-għalliema. Artiklu li deher fir-rivista Redbook jissuspetta li fil-fatt huma ftit ferm l-għalliema li jiġu mħarrkin għal offiżi sesswali, waqt li probabbilment hemm ħafna iktar li huma ħatja taʼ dan.
Saħansitra fi żminijiet Bibliċi n-nisa, u xi kultant l-irġiel ukoll, kienu jiġu trattati b’dan il-mod ħażin. (Ġenesi 39:7; Rut 2:8, 9, 15) U l-Bibbja bassret din il-ħaġa taʼ dwejjaq: “L-aħħar tad-dinja jkun żmien iebes. Il-bnedmin jingħataw għall-imħabba tagħhom infushom u tal-flus; faħħarin, suppervi, dgħajja, . . . bla qalb, bla ħniena, lablaba, bla rażan; kiefra.” (2 Timotju 3:1-3) Mela jistaʼ jkun, u fil-fatt hemm ċans kbir, li int stess se tiltaqaʼ maʼ fastidju sesswali.
Il-Ħarsa t’Alla
Irridu nammettu li mhux iż-żgħażagħ kollha jiddejqu meta xi ħadd iġib ruħu magħhom b’mod aggressiv sesswalment. Xi wħud jieħdu pjaċir, jew saħansitra jqisuh bħala kumpliment. Ċertu stħarriġ li sar fl-Istati Uniti huwa kemxejn inkwetanti. Dan juri li 75 fil-mija fost dawk li ngħataw fastidju sesswali ammettew li huma stess kienu taw fastidju lil ħaddieħor. Xi adulti jkomplu jgħaxxqu l-problema għax iċekknu l-gravità taʼ mġiba aggressiva sesswalment, billi jgħidu li t-tfal ikunu qegħdin sempliċement jesperimentaw meta jaġixxu b’dan il-mod. Imma Alla kif iqisha?
Il-Kelma t’Alla, il-Bibbja, b’mod ċar tikkundanna kull tip taʼ fastidju sesswali. Jintqalilna li m’għandniex ‘nagħmlu ħsara’ lil oħrajn billi naqbżu l-limiti f’affarijiet sesswali. (1 Tessalonikin 4:3-8) Fil-fatt, l-irġiel żgħażagħ huma kmandati speċifikament biex jittrattaw ‘lin-nisa żgħażagħ bħallikieku ħuthom, bis-safa kollu.’ (1 Timotju 5:1, 2) Barra minn hekk, il-Bibbja tikkundanna “ċajt mhux sewwa.” (Efesin 5:3, 4) Għalhekk, għandek raġun li meta xi ħadd jagħtik fastidju tħoss ċertu rabja, dwejjaq, konfużjoni u anki umiljazzjoni!
X’Għandi Ngħid?
Mela kif għandek tirreaġixxi meta xi ħadd idejqek b’dan il-mod? Xi kultant jekk tagħti tweġiba fjakka jew mhux ċara tistaʼ ġġiegħel lil dak li jkun jipprova jagħtik iktar fastidju. Il-Bibbja tgħidilna li meta l-mara taʼ l-imgħallem taʼ Ġużeppi qaltlu jimtedd magħha, hu mhux sempliċement ma tax kasha. Minflok, hu rrifjuta b’mod sod l-avvanzi immorali tagħha. (Ġenesi 39:8, 9, 12) Illum l-aħjar ħaġa wkoll hija li tkun sod u dirett biex tevita l-fastidju.
Veru, min idejqek għandu mnejn ma jkollux l-intenzjoni li joffendik. Forsi jkun qed jipprova jiġbed l-attenzjoni tiegħek bla ma juża tattika, imma minflok taħseb li qed jagħtik fastidju. Allura tħossokx li għandek bilfors tkun żorr biex twaqqaf lil xi ħadd milli jagħmillek proposti li jdejquk. Billi tgħid xi ħaġa sempliċi bħal, ‘Ma jogħġobnix kif qed titkellem’ jew, ‘Żomm idejk ’il bogħod minni, jekk jogħġbok’ tistaʼ tfiehem lil dak li jkun eżatt kif tħossok. Tpoġġi kif tpoġġi l-kliem, iċċekkinx l-importanza taʼ dak li trid tgħid. Ħalli l-le tiegħek tkun le! Iż-żagħżugħa Andrea tgħid hekk: “Jekk ma jifhmux meta tkellimhom bil-ħlewwa, ikollok tgħidilhom b’mod dirett. Ħafna drabi hekk ikollok tagħmel.” Jekk tgħid ‘Aqtagħha!’ b’leħen sod jistaʼ jirnexxilek.
Jekk is-sitwazzjoni tkompli tiggrava, tipprovax issolviha waħdek. Ipprova tkellem dwarha mal-ġenituri tiegħek jew m’adulti maturi oħrajn. Dawn jistaʼ jkollhom suġġerimenti prattiċi kif għandek tittratta s-sitwazzjoni. Jekk ikun hemm bżonn, dawn jistgħu jħossu li wasal iż-żmien li tavżaw lill-awtoritajiet taʼ l-iskola. Veru li ma tantx hi xi ħaġa ħafifa li tagħmel dan, imma permezz t’hekk tkun tistaʼ tipproteġi lilek innifsek milli jkomplu jaqbdu miegħek.
Kif Tevita li Xi Ħadd Jagħtik Fastidju
M’għandniex xi ngħidu, l-aħjar hu li tevita mill-bidu li xi ħadd jagħtik fastidju. X’jistaʼ jgħinek f’dan ir-rigward? Andrea tagħti l-parir: “Qatt tagħti l-impressjoni li int interessat f’xi ħadd. Oħrajn isiru jafu dwar dan, u b’hekk tkompli tiffaċċja pressjoni.” L-ilbies tiegħek jilgħab parti importanti f’dan. Iż-żagħżugħa Mara tgħid: “Jien ma nilbisx qisni xi mara xiħa, imma mbagħad nevita ħwejjeġ li jiġbdu l-attenzjoni lejn ġismi.” Jekk tirrifjuta avvanzi sesswali u fl-istess ħin tilbes ilbies provokattiv, dak li jkun ma jkunx jaf xi trid. Il-Bibbja tirrikkmandalna li nilbsu “bil-modestja u bl-għaqal.”—1 Timotju 2:9.
Il-ħbieb li tagħżel ukoll jeffettwaw il-mod kif tiġi trattat. (Proverbji 13:20) Rosilyn tosserva: “Meta tkun fi grupp taʼ tfajliet li jieħdu pjaċir bl-attenzjoni tal-ġuvintur, il-ġuvintur għandhom mnejn jagħmluha fatta li t-tfajliet kollha fil-grupp iħossuhom l-istess.” Carla qalet bħalha: “Jekk tagħmilha maʼ wħud li joqogħdu għar-rimarki jew li jieħdu gost bl-attenzjoni, mela int ukoll se tingħata fastidju.”
Il-Bibbja tgħidilna dwar tfajla jisimha Dina li kienet tagħmilha maʼ tfajliet minn Kangħan, post fejn in-nisa kienu magħrufin għall-kondotta immorali tagħhom. Dan wassalha biex xi ħadd attakkaha sesswalment. (Ġenesi 34:1, 2) Il-Bibbja għandha raġun tgħid: “Qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief.” (Efesin 5:15) Iva, jekk ‘tqis sew’ u tkun strett dwar kif tilbes, kif titkellem, u maʼ min tagħmilha, jistaʼ jservik taʼ protezzjoni milli tingħata fastidju.
Madankollu, wieħed mill-iktar modi effettivi kif il-Kristjani żgħażagħ jevitaw li jingħataw fastidju huwa sempliċement billi jinformaw lil oħrajn dwar il-waqfa reliġjuża tagħhom. Iż-żagħżugħ Timon, wieħed mix-Xhieda taʼ Jehovah, jiftakar: “It-tfal kienu jafu li jien Xhud, u allura kważi ħadd ma baqaʼ jagħtini fastidju.” Andrea tosserva: “Jekk tgħidilhom li int Xhud tagħmel differenza kbira. Huma se jindunaw li int differenti minnhom f’ħafna affarijiet u li għandek livelli morali stretti.”—Mattew 5:15, 16.
Jekk Xi Ħadd Jagħtik Fastidju
Tagħmel x’tagħmel, ma tistax teħlisha għalkollox minn nies psataż u abbużivi. Imma jekk xi ħadd jagħtik fastidju, m’għandekx għalfejn tinfena bil-ħtija—sakemm tkun ġibt ruħek taʼ Kristjan. (1 Pietru 3:16, 17) Jekk tkun qed tħossok tant imdejjaq minħabba din is-sitwazzjoni, sib l-appoġġ billi titkellem mal-ġenituri tiegħek jew maʼ wħud maturi oħrajn fil-kongregazzjoni Kristjana. Rosilyn tammetti li meta xi ħadd jagħtik fastidju jkun diffiċli li tħossok ferħan bik innifsek. “Li sempliċement ikollok ħabib, xi ħadd maʼ min titkellem, huwa ħafna taʼ ġid,” tgħid hi. Ftakar ukoll li Jehovah huwa “qrib . . . lejn kull min isejjaħlu.”—Salm 145:18, 19.
M’huwiex faċli li tieqaf lil xi ħadd li jittrattak ħażin, imma jkun jaqbillek. Per eżempju, ikkunsidra r-rakkont Bibliku taʼ żagħżugħa minn Sunem. Għalkemm hi fil-fatt ma ngħatatx dak it-tip taʼ fastidju bħalma nafu bih illum, Salamun, is-sultan għani u setgħan taʼ Ġuda, ipprova jħajjarha għal affarijiet kontra r-rieda tagħha. Peress li kienet tħobb lil raġel ieħor, hi rreżistiet dawn it-tentazzjonijiet. Għalhekk, bi kburija setgħet tgħid dwarha nfisha, “Jiena sur.”—L-Għanja taʼ l-Għanjiet 8:4, 10.
Uri l-istess saħħa morali u determinazzjoni int ukoll. Kun bħal “sur” meta xi ħadd jipprova jħajrek għal affarijiet kontra r-rieda tiegħek. Agħmilha ċara maʼ kulħadd x’inhi l-waqfa Kristjana tiegħek. Billi tagħmel hekk, tistaʼ tibqaʼ ‘bla għajb u safi’ u tkun ċert li għoġobt lil Alla.—Filippin 2:15.a
[Nota taʼ taħt]
a Se ssib iktar pariri dwar il-fastidju sesswali fil-ħarġiet taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Mejju, 1996; it-22 t’Awissu, 1995; u t-22 taʼ Mejju, 1991.
[Stampa f’paġna 26]
Jekk tħalli lil kulħadd isir jaf x’temmen bħala Kristjan, tistaʼ tipproteġi ruħek
[Stampa f’paġna 26]
Billi ma tagħmilhiex maʼ kumpanija ħażina, għandek mnejn tevita l-fastidju