Il-Misteru taʼ l-Għasafar tal-Bejt fil-Britannja
MINN KITTIEB TAʼ STENBAĦ! FIL-BRITANNJA
L-GĦASFUR tal-bejt, li jinsab kullimkien u li għandu tpespisa u tisfira li semagħha kulħadd, għal żmien twil kien għasfur komuni ħafna fil-Britannja. Imma issa qiegħed jisparixxi—taʼ spiss f’daqqa—mill-bliet, u ħadd ma jaf x’inhi r-raġuni. Il-gazzetta Independent taʼ Londra offriet premju taʼ 5,000 lira sterlina [Lm3,300] lil min jirnexxilu jippubblika stqarrija xjentifika li tipprovdi soluzzjoni għal dan il-misteru. Is-Soċjetà Rjali għall-Protezzjoni taʼ l-Għasafar u l-Għaqda Britannika taʼ l-Ornitoloġija se jiddeċiedu min se jkun ir-rebbieħ. Huwa mistenni li l-proġett se jieħu minn taʼ l-inqas sentejn biex jitlesta.
L-istudju wera li f’xi bliet kbar u żgħar fil-Britannja, l-għadd t’għasafar tal-bejt naqas b’mod drastiku. F’xi nħawi dawn għebu għalkollox. Madankollu, l-għasafar tal-bejt għadhom jeżistu bil-gzuz fi bliet Ewropej oħra, bħal Pariġi u Madrid. Dr. Denis Summers-Smith, espert dinji fuq l-għasfur tal-bejt, jgħid: ‘Dan huwa wieħed mill-iktar misteri notevoli fin-natura f’dawn l-aħħar 50 sena.’
L-għasafar tal-bejt naqsu b’65 fil-mija fl-inħawi rurali. Huwa mifhum li x’aktarx dan ġara minħabba li fil-biedja jintużaw metodi biex tiżdied il-produzzjoni. Speċi oħra t’għasafar ukoll naqsu ħafna fl-inħawi rurali. Imma dan il-fatt ma jispjegax għala l-għasafar tal-bejt naqsu bi 92 fil-mija fil-bliet. L-ambjentalista Michael McCarthy jasal għall-konklużjoni li l-fatt li l-għasafar tal-bejt għebu b’mod drammatiku “huwa indikazzjoni ċerta li xi ħaġa marret żmerċ ħafna fl-ekosistema taʼ l-għasfur tal-bejt—u forsi f’tagħna wkoll.” Nittamaw li xi darba nsiru nafu eżatt x’mar żmerċ u kemm hija gravi s-sitwazzjoni.