Xita Radjoattiva Kwistjoni li Tinkwieta lil Ħafna
WARA li saru xi testijiet t’armi nukleari fis-snin 50, fis-snien tal-ħalib tat-tfal instab l-istronzju 90 (Sr90), element li jirriżulta minn reazzjonijiet nukleari, tirrapporta l-gazzetta Globe and Mail tal-Kanada. F’dak iż-żmien, dan kien jingħata t-tort għaż-żjieda f’daqqa taʼ kanċer fost it-tfal.
Issa, bosta snin wara, ix-xjenzati mseħbin mal-Proġett tar-Radjazzjoni u s-Saħħa Pubblika fl-Istati Uniti jinsabu inkwetati għal darb’oħra. Dr. Janet Sherman, speċjalista fil-mediċina interna li qed taħdem mal-proġett, tispjega li l-livelli taʼ Sr90 fis-snien tal-ħalib taʼ tfal li twieldu mill-1990 ’l hawn qed jilħqu dawk li eżistew matul is-snin meta t-testijiet taʼ l-armi nukleari ma kinux isiru taħt l-art.
Minfejn ġej l-Sr90? Fost is-sorsi possibbli li xi xjenzati jsemmu hemm l-inċidenti nukleari tal-passat, ir-radjazzjoni minn impjanti nukleari li jkunu jaħdmu sew, jew l-ittestjar taʼ bombi li kien isir ħafna snin ilu.a Ġej minfejn ġej, il-bnedmin jieħdu l-Sr90 billi jieklu ikel minn pjanti kontaminati u jixorbu ħalib minn baqar li jkunu kielu ħaxix imniġġes. Peress li l-Sr90 huwa simili għall-kalċju b’mod kimiku, il-bnedmin jaħżnu l-materjal radjoattiv f’għadamhom, u jżidu r-riskju tal-kanċer fl-għadam u tal-lewkimja.
Il-gazzetta Globe tesprimi wkoll it-tħassib dwar li ġenerazzjonijiet fil-futur jistgħu jintlaqtu mir-radjazzjoni. Il-gazzetta tispjega li meta l-iskart nukleari jitneħħa mill-parti ċentrali taʼ reattur nukleari, dan ikun madwar miljun darba iktar radjoattiv minn meta tqiegħed fiha. Huwa maħsub li gozz fuel użat li jkun għadu kemm tneħħa minn din il-parti ċentrali huwa tant qattiel li individwu li jkun wieqaf metru biss ’il bogħod minnu jmut b’avvelenar tar-radjazzjoni fi żmien siegħa, tkompli tgħid il-gazzetta.
Billi l-bniedem huwa mhedded b’xita radjoattiva, huwa realistiku li nittamaw f’futur fiż-żgur? Meta fil-bidu nħalqu l-art u l-affarijiet ħajjin fiha, il-Bibbja tgħidilna li kollox kien “tajjeb ħafna.” (Ġenesi 1:31) Nistgħu nkunu fiduċjużi fil-wegħda tal-Bibbja li dalwaqt il-pjaneta tagħna se ssir ġenna. L-ikel u l-ilma mniġġsin minħabba r-radjazzjoni se jkunu memorja tal-passat.—Salm 65:10-14 [65:9-13, NW]; Apokalissi 21:1-4.
[Nota taʼ taħt]
a Wara l-inċident li seħħ fl-1986 fl-impjant nukleari taʼ Chernobyl, l-Ukraina, il-livelli taʼ Sr90 fis-snien tal-ħalib taʼ tfal Ġermaniżi żdiedu b’għaxar darbiet.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 31]
Ritratt: U. S. Department of Energy photograph