“Huma Jibdlu x-Xwabel Tagħhom f’Sikek tal-Moħriet”—Meta?
ĦDEJN il-bini tal-Ġnus Magħquda fil-Belt taʼ New York hemm statwa famuża taʼ wieħed raġel li qiegħed jibdel xabla f’sikka tal-moħriet. Din ix-xbieha hija bbażata fuq il-profeziji tal-Bibbja taʼ Isaija kapitlu 2, vers 4, u Mikea kapitlu 4, vers 3. Kif u meta se jitwettaq dan il-kliem?
Rapport li deher dan l-aħħar f’The New York Times kellu t-titlu “Il-Bejgħ Globali taʼ l-Armi Jitlaʼ għal $30 Elf Miljun [Lm14-il elf miljun]”! Fl-1999, min kienu l-pajjiżi prinċipali li kienu jipprovdu din il-varjetà kbira t’armi? Fl-ewwel post, kien hemm l-Istati Uniti b’bejgħ taʼ Lm6 elef miljun. Fit-tieni post, kien hemm ir-Russja b’inqas minn nofs dak l-ammont. Madankollu, ir-Russja kważi biegħet id-doppju tas-sena taʼ qabel. Imbagħad kien hemm il-Ġermanja, iċ-Ċina, Franza, il-Britannja, u l-Italja. L-istess rapport kompla jgħid: “Bħal fil-passat, bejn wieħed u ieħor żewġ terzi taʼ l-armi kollha nbigħu lil nazzjonijiet li qed jiżviluppaw.”
Matul is-seklu 20 kien hawn żewġ gwerer dinjin u ħafna gwerer kbar oħra. Dawn ħallew mijiet taʼ miljuni taʼ nies mejta u feruti. Għaldaqstant, dak li jkun jasal biex jistaqsi, “Il-ġnus meta se jitgħallmu l-paċi minflok il-gwerra?” Il-Bibbja tindika li l-ġnus se jduru għall-paċi “fl-aħħar jiem.” (Isaija 2:2) Fil-fatt, din il-profezija diġà qed titwettaq, għaliex kważi sitt miljun Xhud taʼ Jehovah ħallew lilhom infushom “jitgħallmu mingħand il-Mulej.” Bħala riżultat, ‘kbir huwa s-sliem tagħhom.’—Isaija 54:13, Saydon.
Dalwaqt Jehovah se jġib fi tmiem l-armi u l-gwerer kollha u dawk li huma favurihom, għax hu ‘se jeqred lil dawk li qegħdin jeqirdu d-dinja.’ Jekk tixtieq tkun taf iktar dwar din il-bidla meraviljuża, jekk jogħġbok iżżommx lura milli tikkuntattja lix-Xhieda taʼ Jehovah fejn toqgħod jew ikteb fl-indirizz addattat imniżżel f’paġna 5.—Apokalissi 11:18.