Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Se Ngħidlu li M’Għandix Grazzja Miegħu?
“Das-sajf ħu fil-kongregazzjoni tiegħi ħa grazzja miegħi. Qatt ma kont niffansjah ħafna. Il-problema hi li ma kontx naf kif ngħidlu le mingħajr ma nweġġagħlu s-sentimenti tiegħu.”—Elizabeth.a
“NISTAʼ nsir nafek aħjar?” Qatt kien hemm xi ġuvni li staqsiek din il-mistoqsija? Bħala żagħżugħa,b forsi ħadtu bħala kumpliment sabiħ u kont ferħana—saħansitra stajt ħassejtek eċċitata ħafna! Mill-banda l-oħra, forsi ħassejtek ukoll konfuża ferm għax ma kontx taf kif se taqbad twieġbu.
Meta xi ħadd jesprimi interess romantiku lejk, jistaʼ jqajjem fik varjetà vasta t’emozzjonijiet. Dan japplika b’mod speċjali jekk inti kbira biżżejjed biex tiżżewweġ, u b’hekk tinsab f’qagħda li taċċetta attenzjoni bħal din!c Xorta waħda, il-mod kif twieġeb huwa influwenzat ħafna minn min jagħmillek il-mistoqsija. Jekk hu individwu matur emozzjonalment u tħossok miġbuda lejh, it-tweġiba tiegħek tistaʼ tkun faċli. Iżda, xi ngħidu jekk jidher ċar li ma jikkwalifikax bħala sieħeb xieraq? Jew xi ngħidu jekk minkejja li jkollu kwalitajiet sbieħ, int sempliċement ma tkun tħoss xejn lejh b’mod romantiku?
Ikkunsidra wkoll is-sitwazzjoni taʼ żagħżugħa li tkun ilha xi żmien toħroġ maʼ xi ħadd, imma mbagħad tinduna li ma tridx tqattaʼ l-bqija taʼ ħajjitha miegħu. Minflok ma ttemm kollox, hi tkompli toħroġ miegħu. “Kif nistaʼ ngħidlu li m’għandix grazzja miegħu?” tistaqsi hi.
Meta Ma Tħoss Xejn Lejh b’Mod Romantiku
Lura fi żmien il-patrijarki, milli jidher in-nies kienu jiżżewġu lil min kienu jagħżlu l-ġenituri tagħhom. (Ġenesi 24:2-4, 8) Fil-pajjiżi tal-Punent, il-biċċa l-kbira tal-Kristjani huma ħielsa li jagħżlu huma stess lil min jiżżewġu. Il-Bibbja tagħmel kundizzjoni waħda—li Kristjan jiżżewweġ “basta fil-Mulej.”—1 Korintin 7:39.
Ifisser dan li għandek tiżżewweġ lil kwalunkwe Kristjan li jesprimi interess fik jew li tkun ilek ftit toħroġ miegħu? Sewwa, ikkunsidra l-eżempju Bibliku taʼ kampanjola żagħżugħa mir-raħal taʼ Sunem fil-Lvant Nofsani. Salamun, is-sultan tagħha, raha u sar iħobbha ħafna. Madankollu, meta pprova jiġri warajha, iż-żagħżugħa mhux talli rrifjutatu imma wkoll issupplikat lin-nisa tal-palazz li kienu jaqdu lis-sultan: “La tqajjmux, le, la tqajjmux l-imħabba, qabel ma jogħġob lilha.” (L-Għanja taʼ l-Għanjiet 2:7) Din it-tfajla għaqlija ma riedet lil ħadd jipprova jisforzaha f’li tiġi kontrollata mill-emozzjoni. Hi sempliċement ma kienet tħoss xejn b’mod romantiku lejn Salamun, għax hi kienet tħobb lil daqsxejn taʼ ragħaj.
Lil dawk li llum qed jaħsbuha biex jiżżewġu, dan jgħallimhom lezzjoni importanti: Ma jistax ikollok imħabba romantika għal kull wieħed li jiġi. Għalhekk, anki jekk wara li mara żagħżugħa tkun ilha ftit toħroġ maʼ xi ħadd, hi tistaʼ tiskopri li ma tħoss xejn lejh b’mod romantiku. Forsi s-sentimenti tagħha huma bbażati fuq xi dgħjufijiet li jispikkaw fil-karattru tiegħu. Jew forsi ma tħosshiex miġbuda lejh. Tkun bluha li ma tagħtix kas taʼ sentimenti bħal dawn. Jekk tinjorahom ma jfissirx li m’hijiex se tħossha hekk iktar.d “Kelli wisq dubji dwaru f’moħħi,” tgħid Tamara rigward ġuvni li kienet qed toħroġ miegħu. “Mhux dubji żgħar, imma dubji li tant kienu qed jinkwetawni li meta kont inkun miegħu kont inħossni ansjuża u nervuża.” Iktar tard hi ntebħet li minħabba dawn id-dubji kien aħjar li ma jibqgħux joħorġu flimkien.
Għala Hu Tant Diffiċli li Tgħidlu Le
Xorta waħda, li tgħid le lil ġuvni jistaʼ ma jkunx faċli daqskemm taħseb. Bħal Elizabeth, li semmejnieha fil-bidu, forsi tibżaʼ li tweġġgħu. Huwa veru li rridu nkunu sensittivi dwar is-sentimenti t’oħrajn. Il-Bibbja tinkuraġġixxi lill-Kristjani biex ‘jilbsu sentimenti taʼ ħniena’ u biex jittrattaw lil oħrajn bħalma huma jixtiequ li ħaddieħor jittrattahom. (Kolossin 3:12; Mattew 7:12) Iżda jfisser dan li għandek tagħmilha taʼ bir-ruħek li tinsab kuntenta kif int sabiex ma tiddiżappuntax jew tweġġaʼ lil dan il-ġuvni? Xi darba jew oħra hu żgur li se jiskopri kif tħossok tassew, u jekk ma tkunx onesta u tħalliha dejjem għal iktar tard biex tgħidlu kif verament tħossok, tkun qegħda biss iżżid l-uġigħ. U jkun ħafna agħar jekk tiżżewweġ lil dan il-ġuvni sempliċement għax titħassru. Il-fatt li titħassru m’huwiex bażi soda fuqiex tibni ż-żwieġ.
Iżda għandek mnejn qed tberren f’moħħok, ‘Jekk ma niżżewwiġx lilu, nibżaʼ li nibqaʼ fuq l-ixkaffa.’ Bħalma qal artiklu fir-rivista Teen, tfajla għandha mnejn tirraġuna li għalkemm ġuvni ma jkunx il-wieħed li tkun dejjem xtaqet, għallinqas huwa xi ħadd, u hi tassew ma tridx tibqaʼ waħedha. Irridu nammettu li x-xewqa għal sieħeb hija qawwija. Madankollu, biex taqtagħha kif jixraq jinvolvi iktar milli sempliċement ikollok lil xi ħadd, ikun min ikun, bħala sieħeb. Trid issib lil xi ħadd li tistaʼ verament tħobbu u li jistaʼ jwettaq ir-responsabbiltajiet Skritturali taż-żwieġ. (Efesin 5:33) Mela tiħux deċiżjoni mgħaġġla biex tagħżel sieħeb! Ħafna huma dawk li ddispjaċiehom li żżewġu taʼ malajr.
Fl-aħħar, hemm dawk li jkomplu joħorġu maʼ żagħżugħ anki meta jkun ċar għalihom li jkollu difetti serji. ‘Jekk nagħtih ftit taż-żmien ieħor, jistaʼ jkun li jinbidel,’ jirraġunaw huma. Huwa tassew għaqli dan? Wara kollox, vizzji u modi taʼ mġiba koroh taʼ spiss ikunu fil-fond f’persuna u jkun diffiċli ferm biex jinbidlu. U anki jekk jagħmel xi bidliet kbar f’daqqa, tistaʼ tkun ċerta li jkun inbidel għal dejjem? F’sitwazzjoni bħal din, żagħżugħa li jisimha Karen ħadet id-deċiżjoni għaqlija li tinfired minn maʼ żagħżugħ meta ntebħet li ma kellhomx l-istess miri. “Kien diffiċli,” tammetti hi, “għax fiżikament kont miġbuda lejh. Imma kont naf li kienet l-aħjar ħaġa li stajt nagħmel.”
Uża t-Tattika u Konsiderazzjoni
Irridu nammettu li m’huwiex faċli tgħid lil xi ħadd li m’għandekx grazzja miegħu. Bħal pakkett li jkun fih xi ħaġa fraġli ġo fih, is-sitwazzjoni trid tittrattaha bl-attenzjoni kollha. Hawnhekk hawn xi ftit suġġerimenti li jistgħu jkunu t’għajnuna.
Iddiskuti l-kwistjoni mal-ġenituri tiegħek jew maʼ xi ħadd ieħor matur fil-kongregazzjoni. Għandhom mnejn ikunu jistgħu jgħinuk tiddetermina jekk dak li qed tistenna huwiex daqstant realistiku jew le.
Kun ċara u sinċiera. Tħallilu l-ebda dubju f’moħħu dwar kif tħossok. Il-biċċa l-kbira taʼ dawk li jistaqsuk toħroġ magħhom jieqfu hemm jekk sempliċement tgħidilhom “Le grazzi.” Jekk ikun hemm bżonn, għidlu li ma tridux b’mod iktar sod, bħal per eżempju, “Jiddispjaċini, imma ma jiena interessata xejn.” Oqgħod attenta biex ma tagħtihx l-impressjoni li għandek mnejn tibdel fehmtek jekk jippersisti ftit iktar. Jekk tagħmilhielu ċara li ma tħoss xejn lejh b’mod romantiku, tiffranka ħafna taħwid u jkun iktar faċli għalih li jirkupra mid-diżappunt.
Ibbilanċja l-onestà mat-tattika. Proverbji 12:18 (KŻ) jgħid: “Hemm min jitkellem bħall-infid taʼ sejf.” Għalkemm huwa importanti li ma ddurx mal-lewża, il-Bibbja tgħid li kliemna għandu jkun ‘kollu ħlewwa, imħawwar bil-melħ.’—Kolossin 4:6.
Żomm mad-deċiżjoni tiegħek. Ħbieb li jkollhom intenzjoni tajba, imma li x’aktarx ma tantx ikunu jafu r-raġunijiet għad-deċiżjoni tiegħek, jistgħu jagħmlulek pressjoni biex terġgħu tipprovaw għal darb’oħra. Imma fl-aħħar mill-aħħar int se jkollok tgħix bid-deċiżjoni li tkun ħadt—mhux il-ħbieb b’intenzjoni tajba.
Aġixxi fi qbil maʼ kliemek. Qabel, it-tnejn li intom forsi kontu ħbieb sew, u huwa naturali li tkun tixtieq li l-affarijiet ikomplu kif kienu. Imma ġeneralment dan la jkun prattiku u lanqas possibbli. Is-sentimenti tiegħu għalik saru romantiċi. Huwa realistiku li taħseb li hu jistaʼ sempliċement jinjora dawn is-sentimenti u jagħmilha taʼ bir-ruħu li ma ġara xejn? Għalhekk, filwaqt li ovvjament ikun aħjar li tittrattaw lil xulxin b’mod kordjali, il-fatt li toqogħdu titkellmu regolarment fuq it-telefon jew tqattgħu ħafna ħin flimkien f’sitwazzjonijiet soċjali x’aktarx li se jżidlu l-miżerja tiegħu. Tistaʼ tkun qed tilgħab bl-emozzjonijiet tiegħu, u b’hekk ma tkunx qed turi qalb tajba miegħu.
L-appostlu Pawlu ħeġġeġ lill-Kristjani biex ‘jgħidu l-verità’ lil xulxin. (Efesin 4:25) Jistaʼ jkun diffiċli li tagħmel hekk, imma jistaʼ jgħinkom it-tnejn biex tkomplu għaddejjin b’ħajjitkom.
[Noti taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
b Għalkemm dan l-artiklu huwa dirett lejn nisa żgħażagħ, il-prinċipji japplikaw ukoll għal irġiel żgħażagħ.
c Il-perikli taʼ li wieħed joħroġ maʼ xi ħadd meta jkun għadu żgħir ħafna ġew diskussi fil-ħarġa tagħna tat-8 taʼ Frar, 2001.
d Ara l-artiklu “Young People Ask . . . Should We Break Up?” li deher fil-ħarġa taʼ l-Awake! tat-22 taʼ Lulju, 1988, u l-kaxxa intitolata “Nistgħu Ninfirdu?” f’paġna 256 tal-ktieb Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Tweġibiet Prattiċi għall-Mistoqsijiet Tagħhom, pubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.
[Kumment f’paġna 21]
Ma jistax ikollok imħabba romantika għal kull wieħed li jiġi
[Stampa f’paġna 22]
Kun ċara u diretta fil-mod kif tesprimi s-sentimenti tiegħek