Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
X’Hemm Ħażin f’li Toħroġ maʼ Xi Ħadd Meta Tkun Għadek Żgħir?
“Dan l-aħħar, xi subien mill-iskola bdew jistaqsuni biex noħroġ magħhom jew biex inkun it-tfajla tagħhom.”—Becky, 11-il sena.a
“Ħafna mit-tfal li hemm fl-iskola tagħna qegħdin joħorġu maʼ xi ħadd. Fil-fatt, mhux l-ewwel darba li tara subien u bniet jitbewsu fil-kurituri.”—Liana, studenta taʼ madwar 16-il sena.
ĦAFNA żgħażagħ jibdew joħorġu maʼ xi ħadd minn etajiet żgħar ħafna. Il-mezzi tax-xandir jippromwovu din il-prattika bħala xi ħaġa normali—bħallikieku kienet xi passatemp bla ħsara. Oneyda, tifla taʼ tnax-il sena tgħid: “L-iskola kważi kulħadd qed joħroġ maʼ xi ħadd.” Żagħżugħa li jisimha Jenifer tirrakkonta: “Niftakar li kien hemm tfal taʼ madwar disaʼ snin li kienu joħorġu maʼ xi ħadd b’mod regulari.” Hi tkompli: “Taʼ ħdax-il sena kont diġà nħoss pressjoni biex noħroġ maʼ xi ħadd.”
Naturalment, mela, jekk m’intix toħroġ maʼ xi ħadd, int forsi tħossok imwarrab. Forsi anki sfajt vittma taʼ nkejja jew irridikolar minħabba li ma tagħmilx hekk. Minħabba li ħasset li kienet għadha żgħira biex toħroġ maʼ xi ħadd, Jenifer irrifjutat il-proposti li kienu għamlulha xi subien meta staqsewha biex toħroġ magħhom. X’kienet ir-reazzjoni tagħhom? Jenifer tiftakar: “Huma bdew iwaqqgħuni għaċ-ċajt u jiżżuffjettaw bija.” Ħadd ma jieħu gost jiġi ridikolat. Imma għandek int toħroġ maʼ xi ħadd sempliċement għax ħaddieħor jagħmel hekk? Xi jfisser eżattament li toħroġ maʼ xi ħadd tas-sess oppost? U għal liema skop iservi dan?
Xi Jfisser li Toħroġ maʼ Xi Ħadd?
‘Aħna m’aħniex qed noħorġu flimkien. Aħna sempliċement ħbieb,’ jistqarru ħafna żgħażagħ, avolja jkunu qegħdin iqattgħu ħafna ħin maʼ persuna tas-sess oppost. Imma hu x’inhu l-każ—jekk hux toħorġu flimkien, li tkunu flimkien, jew sempliċement tiltaqgħu—meta tfajla u ġuvni jagħtu attenzjoni speċjali lil xulxin u jibdew iqattgħu l-ħin jassoċjaw flimkien, ġeneralment ikun hemm involut iktar minn sempliċement ħbiberija. U biex toħroġ maʼ xi ħadd m’hemmx għalfejn ikun wiċċ imbwiċċ. Diskussjonijiet fiċ-chat rooms taʼ fuq l-Internet, fuq it-telefon, bl-ittri, jew permezz taʼ l-E-mail, jistgħu wkoll ikunu modi kif tagħmel dan.
Il-mistoqsija li tqum hija, Kemm huwa serju l-fatt li tqattaʼ kważi l-ħin kollu tiegħek maʼ persuna tas-sess oppost?
Li Toħroġ maʼ Xi Ħadd—Il-Perikli
Fi Proverbji 30:19, il-Bibbja titkellem dwar “it-triq taʼ raġel lejn xebba.” Din l-espressjoni tindika li ġeneralment, relazzjonijiet taʼ bejn ġuvni u tfajla jsegwu mudell. Meta t-tnejn huma maturi biżżejjed u jżommu mal-morali mogħtijin minn Alla, il-fatt li joħorġu flimkien jistaʼ jwassal għall-imħabba, u eventwalment, għal żwieġ onorabbli. Fuq kollox, Alla ħalaq ir-raġel u l-mara biex jinġibdu lejn xulxin. Imma xi ngħidu jekk m’intix kbir biżżejjed biex terfaʼ r-responsabbiltà taż-żwieġ? Jekk tibda toħroġ maʼ xi ħadd minn meta tkun għadek żgħir, tkun qiegħed tistieden l-inkwiet.
Għala? Għax hija ħaġa naturali li jekk se tqattaʼ ħafna ħin maʼ persuna tas-sess oppost, l-emozzjonijiet tiegħek se jiġu mqanqla. Ma ddumx ma tibda tħares ’il quddiem biex tiltaqaʼ maʼ dik il-persuna. Meta ma tkunux flimkien tibda taħseb fuqu jew fuqha. Ħafna drabi però, dawn is-sentimenti jkunu ġejjin biss minn naħa waħda, u għalhekk il-persuna l-oħra tiġi mweġġgħa. Anki jekk dawn is-sentimenti huma reċiproċi, il-fatt li xi ħadd minnkom ma jkunx matur biżżejjed jew ikun għadu żgħir biex jiżżewweġ se jirriżulta fi frustrazzjoni u qsim il-qalb. Fejn tistaʼ tassew twassal relazzjoni bħal din? Proverbju Bibliku jgħid hekk: “Jista xi ħadd iġorr in-nar f’ħobbu, u ħwejġu ma jinħarqulux?”—Proverbji 6:27.
Ikkunsidra x’ġara lil waħda żagħżugħa jisimha Nina. Hi tirrakkonta: “Iltqajt maʼ ġuvni fuq l-Internet. Konna nqattgħu sigħat sħaħ fiċ-chat room. Irbatt qalbi miegħu u bdejt ngħix għalih. Din ir-relazzjoni malajr spiċċat. Meta ntemmet kont verament imdejqa. Ftit wara ċempilli u qalli li minħabba li ħassarna kien se joqtol ruħu b’idejh. Dan ġagħalni nħossni iktar dipressa.” Meta tħares lura Nina tosserva: “Kemm swieli ħażin! Din ir-relazzjoni ntemmet sentejn ilu, imma xorta għadni nbati mid-dipressjoni.” Nina kienet għadha żgħira wisq biex tidħol f’relazzjoni sentimentali maʼ xi ħadd.
Taʼ interess, meta l-Bibbja titkellem dwar “it-triq taʼ raġel lejn xebba,” tistaʼ tirreferi għal relazzjonijiet sesswali. Taʼ spiss illum il-ġurnata, il-ħruġ maʼ xi ħadd jitqies biss bħala l-bidu għal relazzjonijiet sesswali. Forsi għall-ewwel dan jibda mingħajr intenzjonijiet ħżiena, sempliċement billi tnejn iżommu idejn xulxin. Imbagħad ikun hemm tgħanniqa taʼ malajr u bewsa fuq il-wiċċ. Espressjonijiet t’affezzjoni bħal dawn ifissru mod għal żewġ adulti żgħażagħ li taw kelmithom lil xulxin bis-serjetà, imma għal żewġ persuni li għadhom żgħar biex jiżżewġu, din l-imġiba ma tagħmel xejn iktar ħlief tqanqlilhom ix-xewqat sesswali tagħhom bla bżonn. Atti “t’affezzjoni” jistgħu bil-mod il-mod jinbidlu f’atti mhux xierqa jew maħmuġa. Saħansitra jistgħu jwasslu għal xi forom taʼ fornikazzjoni.b
Il-fornikazzjoni ġġib riżultati qarsa. Uħud li jieħdu sehem fiha jintlaqtu b’mard trasmess sesswalment. Oħrajn jitilfu r-rispett tagħhom infushom u jagħmlu ħsara lill-kuxjenza tagħhom. Xi tfajliet jisfaw tqal. Mhux taʼ b’xejn li l-Bibbja tagħti dan il-kmand: “Aħarbu ż-żína”! (1 Korintin 6:13, 18; 1 Tessalonikin 4:3) Il-fatt li tevita li toħroġ maʼ xi ħadd minn meta tkun għadek żgħir, jgħinek tobdi dan il-kmand.
Meta Għandek Toħroġ maʼ Xi Ħadd
Dan ma jfissirx li qatt m’hu se tkun tistaʼ toħroġ maʼ xi ħadd. Imma jekk int għadek adolexxent, x’aktarx għadek fiż-żmien li l-Bibbja ssejjaħlu bħala “l-fjur taż-żgħożija.” (1 Korintin 7:36, NW) Int għadek kemm bdejt tiżviluppa f’dak ir-raġel jew f’dik il-mara li se tkun fl-aħħar mill-aħħar. F’dan il-perijodu taʼ żmien, tibda timmatura fiżikament, emozzjonalment, u sesswalment. Is-sentimenti tiegħek—li jinkludu x-xewqat sesswali tiegħek—jistgħu jkunu fl-aqwa tagħhom. Però dawn is-sentimenti jistgħu jinbidlu mil-lejl għan-nhar. Għal din ir-raġuni, relazzjonijiet taʼ bejn l-adolexxenti ma jdumux wisq. “Meta kont noħroġ maʼ xi ħadd,” tiftakar waħda adolexxenti “ġeneralment kont indum ġimgħa biss.”
Mela jidher ċar li m’huwiex għaqli li toħroġ maʼ xi ħadd waqt “il-fjur taż-żgħożija.” L-aħjar hu li tistenna li ssir taf lilek innifsek, xi tħobb u x’ma tħobbx, u x’inhuma l-miri tiegħek. Fuq kollox trid tkun kbir biżżejjed biex twettaq id-dmirijiet tiegħek fiż-żwieġ. Per eżempju, Jehovah jistenna mir-raġel li jipprovdi għall-familja tiegħu—fiżikament, materjalment, u spiritwalment. Jekk int ġuvni adolexxent, int lest li ssib xogħol u tieħu ħsieb il-mara u anki t-tfal li forsi jkollok? Qiegħed int f’pożizzjoni li tistaʼ tgħinhom iżommu l-ispiritwalità tagħhom? U xi ngħidu għalik li għadek tfajla? Il-mara għandha tħobb u tirrispetta ’l żewġha; hi trid tappoġġah fid-deċiżjonijiet li jieħu. Tħossok li int verament lesta tagħmel dan għal żmien twil? U lesta li tieħu ħsieb lil taʼ darek ġurnata wara oħra—li tipprepara l-ikel u tieħu ħsieb it-tfal?—Efesin 5:22-25, 28-31; 1 Timotju 5:8.
Ħalli nġibu eżempju: Fil-pajjiżi tal-Punent, iż-żgħażagħ ikollhom sebaʼ mitt sena sakemm jibdew isuqu l-karozza. Imma xi jridu jagħmlu qabel ma jitħallew jibdew isuqu? F’ħafna pajjiżi qabel tingħata l-liċenzja l-ewwel trid tmur tieħu l-lezzjonijiet tas-sewqan u mbagħad trid titlaʼ għat-test. Għala? Għax is-sewqan jinvolvi responsabbiltà kbira. Meta tkun qed issuq, hemm ħajtek u ħajjet ħaddieħor fin-nofs. Bl-istess mod, iż-żwieġ huwa responsabbiltà serja wkoll! Forsi bħala adolexxent għadek m’intix lest għalih. Għalhekk, kun għaqli biżżejjed biex tirreżisti t-tentazzjoni li tibda toħroġ maʼ xi ħadd, ladarba dan huwa pass biex issib sieħeb jew sieħba għaż-żwieġ. Fi ftit kliem: Jekk m’intix lest għaż-żwieġ, m’għandekx tibda toħroġ maʼ xi ħadd.
Biex tieħu deċiżjoni tajba f’dan ir-rigward, int għandek bżonn dak li l-Bibbja ssejjaħ bħala “l-għerf u l-għaqal.” (Proverbji 1:4) Mela, tkun idea tajba jekk tieħu vantaġġ mill-għerf u l-esperjenza taʼ xi ħadd akbar minnek. Il-ġenituri Kristjani tiegħek ġeneralment ikunu fl-aħjar qagħda biex jgħinuk tiddetermina jekk intix lest għaż-żwieġ jew le. Forsi tistaʼ tieħu xi parir minn aħwa maturi fil-kongregazzjoni Kristjana. Jekk il-ġenituri tiegħek ma jridukx tibda toħroġ maʼ xi ħadd, tagħmel tajjeb jekk tismaʼ minnhom. Ix-xewqa tagħhom hi li jgħinuk ‘iżżomm il-ħsara ’l bogħod.’—Koħèlet 11:10.
Jekk iħossuhom li m’intix lest biex toħroġ maʼ xi ħadd, huma għandhom mnejn jissuġġerixxu li sadanittant, minflok ma tillimita l-attenzjoni tiegħek għal persuna waħda, kabbar iċ-ċirku taʼ ħbieb. Billi tassoċja maʼ dawk li huma miżżewġin u dawk li m’humiex, mal-kbar u maż-żgħar, kif ukoll maʼ dawk taʼ mparek, jgħinek biex tipperfezzjona l-personalità tiegħek u biex tieħu stampa iktar realistika tal-ħajja u ż-żwieġ.
Li tistenna sakemm tkun lest biex toħroġ maʼ xi ħadd mhux se jkun faċli, imma jaqbillek. Billi tuża “l-fjur taż-żgħożija” biex tikber f’adult matur u responsabbli, se teħles lilek innifsek minn ħafna problemi. B’hekk se tagħti żmien lilek innifsek biex tiżviluppa f’tip taʼ persuna li tistaʼ tkampa mal-pressjonijiet u r-responsabbiltajiet taż-żwieġ. Ukoll se tħalli żmien biżżejjed jgħaddi biex tikber spiritwalment. B’dan il-mod, meta finalment tkun lest biex toħroġ maʼ xi ħadd, ħaddieħor ikun jistaʼ jħares lejk bħala li inti persuna li verament taʼ min isir jafha aħjar.
[Noti taʼ taħt]
a Xi wħud mill-ismijiet ġew mibdulin.
b Il-kelma Griega oriġinali għal fornikazzjoni hi por·neiʹa. Din tirreferi għal attività sesswali li tinvolvi l-użu taʼ l-organi sesswali barra mir-rabta taż-żwieġ. Tinkludi t-tmesmis taʼ l-organi sesswali u sess li jsir bil-ħalq.
[Stampa f’paġna 18]
Spiss, atti t’affezzjoni jwasslu għall-inkwiet