Il-Ħarsa tal-Bibbja
Innamra bil-Ħsieb li Tiżżewweġ
Julie u Lee kienu qed joħorġu flimkien u kienu determinati li jibqgħu nodfa moralment.a Imma lejla minnhom meta kienu waħedhom, is-sentimenti sesswali tagħhom bdew jiżdiedu. Fortunatament ġew f’sensihom qabel ma kien tard wisq u evitaw li jagħmlu xi dnub serju.
IL-QIMA vera tinvolvi iktar milli sempliċement tattendi laqgħa reliġjuża kull ġimgħa. Hi mod taʼ ħajja li jinfluwenza l-kondotta u l-livelli morali taʼ dak li jkun. Ġesù Kristu qal li dawk biss li ‘jagħmlu r-rieda’ t’Alla ħaqqhom l-approvazzjoni Tiegħu. (Mattew 7:21) Biex nogħġbu lil Alla, għandna bżonn inżommu r-relazzjoni tagħna mas-sess oppost onorabbli u ninnamraw bil-ħsieb li niżżewġu.
Kif tistaʼ żżomm ir-relazzjoni tiegħek nadifa f’għajnejn Alla, speċjalment meta tqis il-pressjoni tremenda li hemm fuq il-koppji biex ma jżommux ir-relazzjoni tagħhom safja? L-ewwel, irrikonoxxi li l-livelli t’Alla ġew stabbiliti fl-aħjar interess tagħna. It-tieni, aċċetta l-verità dwar in-natura umana. It-tielet, agħmel limiti ċari għall-imġiba xierqa. U r-rabaʼ, żomm lil Alla fir-relazzjoni tagħkom. Ikkunsidra dawn il-punti wieħed wieħed.
Livelli Mfasslin għall-Benefiċċju Tagħna
F’Isaija 48:17, 18, naqraw: “Jien, Ġeħova, jien Alla tiegħek, li ngħallmek għall-ġid tiegħek, li mmexxik fit-triq li għandek timxi. O li kieku fil-fatt tagħti kas il-kmandamenti tiegħi! Imbagħad il-paċi tiegħek tkun bħal xmara, u s-sewwa tiegħek bħall-mewġ tal-baħar.”
Iva, il-kmandamenti u l-prinċipji li nkitbu fil-Kelma ispirata t’Alla, il-Bibbja Mqaddsa, huma għall-benefiċċju tagħna. (2 Timotju 3:16, 17) Huma evidenza li l-Ħallieq tagħna verament jimpurtah minna u jridna nkunu ferħanin u nirnexxu fl-aspetti kollha tal-ħajja. (Salm 19:7-10) Hekk tħossok int f’qalbek? Jekk inhu hekk, qed turi l-għerf veru.
Aċċetta l-Verità Dwarek Innifsek
Bħal ħabib taʼ veru, Ġeħova hu onest magħna; jgħidilna l-verità dwarna nfusna. Pereżempju, il-Kelma tiegħu twissina li “l-qalb qarrieqa iktar minn kull ħaġa oħra u hi ddisprata. Min jistaʼ jifhimha?” (Ġeremija 17:9) Il-Bibbja tgħid ukoll: “Min jafda lil qalbu stess hu stupidu, imma dak li jimxi bl-għerf jeħlisha.”—Proverbji 28:26.
Koppja li qed jinnamraw kif jistgħu juru li qed jafdaw f’qalbhom stess? Mod wieħed hu billi jħallu lilhom infushom jidħlu f’ċirkustanzi fejn ikunu mħajrin li jsiru intimi żżejjed, bħalma għamlu l-koppja li semmejna fuq. Mod ieħor hu billi ma jagħtux kas il-pariri għaqlin taʼ ġenituri li jibżgħu minn Alla. Ġenituri bħal dawn jafu li s-sentimenti sesswali, speċjalment matul iż-żgħożija, jistgħu jkunu bħal magna b’saħħitha li għandha tiġi kontrollata sew.
Għalhekk, żgħażagħ li ‘jimxu bl-għerf divin’ jieħdu l-gwida mingħand il-ġenituri bis-serjetà. Iva, jgħożżu l-pariri taʼ ġenituri li jħobbuhom biżżejjed biex jgħidulhom affarijiet li wliedhom għandhom mnejn ma jkunux iridu jisimgħu. Naturalment, dak li jħobbok l-iktar hu Missierek tas-sema, Alla Ġeħova, li jagħtik il-parir biex ‘tneħħi d-dwejjaq minn qalbek, u tbiegħed l-għali minn ġismek.’ (Ekkleżjasti 11:9, 10) Kif tistaʼ tagħmel dan? Billi ma ċċedix għal xewqat mhux xierqa.
Agħmlu Limiti Ċari għall-Imġiba Tagħkom
“L-għerf qiegħed ma’ dawk li jikkonsultaw flimkien.” (Proverbji 13:10) Mill-bidu tar-relazzjoni tagħhom, koppji għaqlin japplikaw dan il-kliem billi jaqblu fuq espressjonijiet taʼ affezzjoni li huma xierqa Skritturalment, u billi jkunu determinati li ma jaqbżux dawk il-limiti. Jekk ikollhom kunfidenza żejda maʼ xulxin jew jafdaw iżżejjed fihom infushom ikunu bħallikieku qed isuqu b’mod perikoluż. Ikun tard wisq li tagħmel riżoluzzjonijiet dwar is-sigurtà fis-sewqan meta jkunu qed joħorġuk minn karozza mfarrka.
“Min hu bil-għaqal jara l-għawġ u jwarrab” tgħid il-Bibbja. “Min hu moħħu ħafif jidħol fih u jħallas għalih.” (Proverbji 22:3, Għaqda Biblika Maltija) Il-koppji jistgħu jevitaw ħafna inkwiet billi joħorġu flimkien maʼ grupp taʼ nies maturi jew maʼ xi ħadd ieħor li jistgħu jafdaw. Il-ħlas għall-bluha matul in-namur jistaʼ jinkludi kuxjenza mtebbgħa, nuqqas taʼ rispett għalik innifsek u għall-persuna l-oħra, u mistħija għal kull min ikun involut, inkluż il-membri tal-familja. Għalhekk, kunu għaqlin; ftiehmu li tapplikaw il-livelli Skritturali u żommu magħhom!
Agħmel lil Ġeħova Parti mill-“Ħabel bi Tlieta”
Iż-żwieġ qisu ħabel bi tlieta, u Alla hu l-parti primarja. “Ħabel bi tlieta ma jinqatax malajr fi tnejn,” jgħid Ekkleżjasti 4:12. L-istess prinċipju jistaʼ japplika għall-koppji li qed joħorġu flimkien. Dawk li jridu l-barka t’Alla fuq ir-relazzjoni tagħhom jirċievu dik il-barka meta jibqgħu qrib Alla b’mod individwali. Salm 1:1-3 jgħid: “Hieni l-bniedem li ma mexiex fuq il-parir tal-ħżiena . . . Imma li l-għaxqa tiegħu hi fil-liġi taʼ Ġeħova, u lejl u nhar jaqra u jimmedita fuq il-liġi tiegħu . . . , u jirnexxi f’kulma jagħmel.”
Iva, suċċess veru fil-ħajja, inkluż suċċess fl-għerusija u ż-żwieġ, jiġi meta nagħmlu l-affarijiet bil-mod kif iridhom Ġeħova. Wara kollox, hu l-Ħallieq tagħna, u l-attrazzjoni romantika u ż-żwieġ huma għotjiet prezzjużi mingħandu. Għalhekk, jixraq li nagħtuhom l-akbar rispett.—Ġakbu 1:17.
[Nota taʼ taħt]
a Xi ismijiet ġew mibdulin.
QATT ĦSIBT DWAR DAN?
● Kif nafu li Alla jrid l-aħjar għalina? —Isaija 48:17, 18.
● Liema verità dwarna nfusna għandna naċċettaw?—Ġeremija 17:9.
● X’inhu s-sigriet għal suċċess matul in-namur u, iktar tard, fiż-żwieġ? —Salm 1:1-3.
[Stampa f’paġna 31]
Mill-bidu tar-relazzjoni tagħhom, koppji għaqlin jaqblu fuq espressjonijiet taʼ affezzjoni li huma xierqa Skritturalment u jkunu determinati li ma jaqbżux dawk il-limiti