L-Għargħar fil-Możambik Kif il-Kristjani Ħadu Ħsieb lill-Vittmi
MINN KITTIEB GĦAL STENBAĦ! FIL-MOŻAMBIK
KMIENI s-sena l-oħra min kien qed jara t-televixin baqaʼ miblugħ bix-xeni fil-Możambik dwar nies imqabbdin mal-friegħi tas-siġar hekk kif kienu fil-periklu minħabba l-għargħar. Waħda mara wildet fuq siġra u ġabu lilha flimkien mat-tarbija tagħha huma u jtellgħuhom bil-ħelikopter biex jiħduhom f’post ’il bogħod mill-periklu. Iżda, eluf tħallew hemmhekk għal ġranet sħaħ—xi wħud minnhom bis-sriep maġenbhom—sakemm l-ilmijiet bdew jonqsu jew ġew salvati bil-ħelikopters.
It-traġedja bdiet b’xita bil-qliel f’Maputo, il-belt kapitali tal-Możambik. Fi ftit sigħat l-inħawi kollha madwar il-belt kienu mgħarrqin. F’xi postijiet l-ilma baqaʼ tielaʼ sas-soqfa tad-djar. It-toroq spiċċaw bħal xmajjar qawwija. Ifformaw kanali kbar taʼ l-ilma, u dawn kaxkru d-djar u l-karozzi, kif ukoll kważi kulma kien hemm. Imma l-kbir kien għadu ġej.
Ix-xita baqgħet nieżla u n-naħa kollha tan-nofsinhar tal-pajjiż bdiet tegħreq. Ukoll, niżlet ix-xita fl-Afrika t’Isfel, fiż-Żimbabwe, u fil-Botswana li jinsabu fil-viċin. Peress li x-xmajjar Incomati, Limpopo, u Zambezi joħorġu minn dawn il-pajjiżi għal ġol-Możambik u jibqgħu neżlin fl-oċean, ħafna nħawi tal-Możambik inqerdu meta dawn faru bl-ilma. Il-mod kif il-Kristjani ħadu ħsieb xulxin matul din it-traġedja huwa wieħed li jsaħħaħ il-fidi.
Jikkalkulaw l-Ewwel Ħsara
Fid-9 taʼ Frar tas-sena l-oħra, żewġ rappreżentanti mill-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah f’Maputo marru jaraw x’kien ġara fin-naħa tat-tramuntana. Madwar id-disgħa taʼ fil-għodu, għaddew mill-belt taʼ Xinavane, fejn il-livell tax-Xmara Incoluane kien għoli ħafna. Huma ddeċidew li jibqgħu sejrin lejn Xai-Xai, il-kapitali tal-provinċja taʼ Gaza. Madankollu, huma osservaw li viċin il-belt taʼ Chókwè, fejn taʼ spiss matul il-maltemp iseħħ l-akbar għargħar, ma kienx hemm sinjali taʼ problemi. Għalhekk, iddeċidew li jirritornaw lejn Maputo.
Madankollu, hekk kif qorbu lejn Xinavane huma u sejrin lura, waqqfuhom il-pulizija. “Niżlu l-ilmijiet taʼ l-għargħar mill-Afrika t’Isfel u imblokkaw it-triq prinċipali,” wissew il-pulizija. “La l-karozzi tal-linja u lanqas it-trakkijiet ma jistgħu jgħaddu.” L-istess parti tat-triq li kienu għaddew minnha fil-għodu issa kienet kompletament taħt l-ilma! Ladarba x-xmajjar li kienu iktar lejn it-tramuntana bdew jogħlew ukoll, dawk l-inħawi kienu iżolati mill-bqija tal-pajjiż.
It-tnejn li huma ddeċidew li jqattgħu l-lejl f’Macia li kien fil-viċin. Matul dak il-lejl is-sitwazzjoni bdiet tiggrava. Il-belt kollha taʼ Xinavane kienet mgħarrqa, u n-nies t’hemmhekk tilfu kollox. Saru xi arranġamenti biex jagħtu l-għajnuna lix-Xhieda f’dawk l-inħawi ħalli jmorru f’Sala tas-Saltna f’Macia, fejn hemmhekk għamlu speċi taʼ kamp għar-refuġjati. Minnufih xi Xhieda marru fl-imħażen u xtraw affarijiet bażiċi bħal ross, fażola, dqiq, u żejt.
Issa l-attenzjoni marret fuq il-Kristjani sħabhom f’Chókwè u l-bliet fil-viċin. L-indokraturi tal-kongregazzjonijiet f’Chókwè ltaqgħu flimkien u organizzaw biex jevakwaw lil ħafna nies. It-twissija kienet: “Itilqu issa stess, u morru lejn Macia!” Madankollu, malajr saru jafu li ħafna minn Xinavane kienu għadhom ma waslux. Għalhekk, intbagħtu xi Xhieda biex jaraw x’kien ġara. Saru jafu wkoll li anzjan Kristjan għereq f’daru stess. Organizzaw id-difna tiegħu, u sabu lill-bqija tax-Xhieda, li xi wħud minnhom kienu fuq is-soqfa, u għenuhom jaslu Macia.
Wara li saru dawn l-arranġamenti, ir-rappreżentanti mill-fergħa marru f’Bilene, belt żgħira fuq il-kosta, u hemmhekk krew ajruplan għal Maputo. Safejn tathom il-vista, il-vjaġġaturi setgħu jaraw li r-reġjun kien mgħarraq. Ġie rapportat li fil-provinċja taʼ Gaza biss, 600,000 ruħ ġew effettwati.
Is-Sitwazzjoni Tiggrava
Matul il-ftit ġranet taʼ wara, ix-xita żdiedet iktar, u l-provinċji ċentrali tal-Możambik inqerdu wkoll. Imbagħad ifforma ċiklun tropikali enormi jismu Eline. Fl-20 taʼ Frar dan ġab xita qalila fuq il-provinċji taʼ Inhambane, Sofala, u Manica. Dan irriżulta f’iktar għargħar, imwiet, u qerda.
Imbagħad, lejn l-aħħar taʼ Frar, il-belt taʼ Chókwè u r-reġjun kollu taʼ madwarha spiċċaw mgħarrqin b’mod li qatt ma ġara qabel. Qrib nofsillejl tas-Sibt, 26 taʼ Frar, l-ilmijiet waslu bħal valanga, u minn kulfejn għaddew kinsu kulma kien hemm. “Qomna minħabba waħda mill-ġirien li bdiet tgħajjat mit-tieqa,” jirrakkonta Luis Chitlango, Xhud taʼ 32 sena.
Chitlango spjega: “Hekk kif tirna mis-sodda, stajna nisimgħu l-ħoss qawwi ħafna taʼ l-ilma. Aħna u naħarbu ltqajna maʼ ħafna sriep. Fis-sitta, wasalna f’parti fejn l-art kienet għadha tidher, imma iktar tard fil-għodu, meta l-ilmijiet bdew jogħlew fuq kull naħa, kellna nitilgħu fuq is-siġar. Il-grupp tagħna kien jikkonsisti minn 20 persuna.
“L-ewwel ma telgħu fuq is-siġar kienu l-irġiel. Imbagħad in-nisa bdew inewlulhom it-tfal, u dawn rabtuhom mal-friegħi. Fl-aħħar telgħu n-nisa bit-trabi tagħhom. Kull ċertu ħin, konna ninżlu mis-siġar u nfittxu l-karawett fl-art mgħarrqa fl-ilma, billi konna nafu li kienu kultivati hemmhekk.
“Wara tlett ijiem iddeċidejna biex ilkoll nimxu lejn Chókwè. L-ilma beda jlaħħaq sa sidirna, u tħabatna kontra kurrenti qawwijin. Fit-triq iltqajna maʼ ħafna nies fuq is-siġar u s-soqfa. L-għada l-ilmijiet bdew jonqsu sal-punt li setgħu jgħaddu t-trakkijiet għall-belt u jieħdu lin-nies lejn Macia.”
Il-Kamp tar-Refuġjati għax-Xhieda
Fl-4 taʼ Marzu l-uffiċċju tal-fergħa tax-Xhieda taʼ Jehovah kera ajruplan u xi rappreżentanti marru fl-inħawi fejn sar id-diżastru. Parti kbira mill-popolazzjoni marret lejn Macia, li ġie mibdul bħala kamp enormi għar-refuġjati. Ħafna vittmi taʼ l-għargħar sofrew minn influwenza, malnutrizzjoni, malarja, u tbatijiet oħra.
Ix-xena kienet bħal dik taʼ żona tal-gwerra. Fuq din il-belt stajt tara s-sema mimli ħelikopters li ntbagħtu minn diversi pajjiżi u li kienu jinżlu f’runways magħmulin taʼ malajr biex iħottu l-provvisti. Meta t-tim taʼ Xhieda li marru jagħtu l-għajnuna wasal f’Macia, dawn mhux biss irranġaw biex jitimgħu lill-vittmi imma waqqfu wkoll infermerija. Madankollu, l-ewwel kisbu l-approvazzjoni taʼ l-awtoritajiet lokali, li faħħru l-inizjattiva tagħhom.
Kuljum fis-6:30 taʼ fil-għodu kien jiġi kunsidrat test Bibliku fil-kamp tax-Xhieda, li kien jesaʼ kważi 700 Xhud kif ukoll oħrajn. Meta l-aħwa nisa Kristjani kienu jlestu jippreparaw l-ikel, kien jissejjaħ l-isem tal-kap taʼ kull familja. Kull wieħed minnhom kien juri b’subgħajh kemm il-platt irid, u b’hekk kien jitqassam l-ikel.
Kull aspett tal-ħajja fil-kamp kien organizzat sew. Xi nies kienu inkarigati biex jixtru l-ikel; u oħrajn, biex jiċċekkjaw li l-ilma jkun tajjeb għax-xorb, inaddfu t-tojlits, u affarijiet bħal dawn. L-uffiċjali governattivi nnotaw din l-organizzazzjoni tant tajba, u kkummentaw: ‘Sabiħ li tkun f’dan il-post. Ħadd ma jbati l-ġuħ, u m’hemmx ġlied.’ Waħda mill-awtoritajiet lokali qalet: ‘Kulħadd għandu jżur il-kamp tax-Xhieda biex jara kif għandhom jimxu l-affarijiet.’
Jum minnhom, il-kumitat għall-għajnuna sejjaħ lill-anzjani Kristjani flimkien u informahom li l-uffiċċju tal-fergħa kien għamel xi arranġamenti biex jinbnew id-djar u s-Swali tas-Saltna, kif ukoll biex jipprovdi affarijiet bażiċi oħrajn għall-vittmi taʼ l-għargħar. L-għada fil-għodu waqt li kienu qed jikkunsidraw it-test Bibliku, sar avviż dwar dawn il-pjanijiet. Kien hemm ċapċipa twila ħafna.
Avolja l-awtoritajiet kienu taw bħala donazzjonijiet żewġ tined kbar, ħafna fil-kamp kienu għadhom jorqdu barra. Għalhekk, ġie organizzat tim minn fost il-vittmi taʼ l-għargħar biex tinbena Sala tas-Saltna kbira fuq il-biċċa art li kienet tal-kongregazzjoni lokali. Bnewha mill-qasab u l-pjanċi mfdewxin taż-żingu—skond l-istil tal-Możambik—u kienet tesaʼ 200 ruħ. Tlestiet f’jumejn biss!
Jinstabu Dawk Iżolati
Sadanittant, fil-5 taʼ Marzu, wara li l-ilmijiet naqsu daqsxejn, ġie fformat tim għall-għajnuna biex jivvjaġġa lejn il-belt taʼ Aldeia da Barragem, li kienet waħda mill-ewwel reġjuni li għerqet. Hemmhekk kien hemm kongregazzjoni taʼ xi 90 Xhud, u ma kinux jafu x’sar minnhom.
Fi triqtu, it-tim għadda minn Chihaquelane, kamp kbir għar-refuġjati li kien fih madwar 100,000 ruħ. Tħares fejn tħares fuq kull naħa tat-triq, li partijiet minnha ġew imkaxkrin, stajt tara li r-reġjun ġie mgħarraq bl-ilma. Membru mit-tim ikkummenta: “Meta wasalna f’Chókwè, rajna kullimkien deżert. Ħafna djar fid-daħla tal-belt kien għad baqgħalhom l-ilma sas-soqfa. Il-biċċa l-kbira mid-djar kienu mgħarrqin. Kien qed jidlam, u kien għad fadlilna 25 kilometru biex nilħqu naslu f’Aldeia da Barragem.”
Fl-aħħar, matul il-lejl it-tim wasal fid-destinazzjoni tiegħu. Membru mit-tim jiftakar: “Waqafna u bdejna naħsbu x’konna se naqbdu nagħmlu issa.” Imbagħad dehru xi nies u bdew jgħajtu: “Aħwa!” u bdew jidħqu u jgħajtu bil-ferħ. Meta kienu raw id-dwal taż-żewġ vetturi, ix-Xhieda lokali mill-ewwel ħasbu li setgħu jkunu ħuthom, u bdew jgħidu lil oħrajn ukoll. Dawk li kienu qed jaraw kollox baqgħu impressjonati, billi qalu: ‘Dawn in-nies vera għandhom imħabba. Iġibu l-ikel u saħansitra jiġu anki hawn!’
Baqgħu Jipprovdu l-Għajnuna
L-aħwa minn Aldeia da Barragem ġew megħjunin jilħqu l-kamp f’Macia, u hemmhekk ngħataw l-ikel, l-akkomodazzjoni, u l-kura medika. Sadanittant, is-sitwazzjoni f’Macia bdiet issir perikoluża. L-ikel, il-mediċini, u l-fuel bdew jonqsu, peress li kienu jintbagħtu bl-ajru. Kien hemm bżonn urġenti biex jinstab mezz kif wieħed jasal minn fuq l-art f’Maputo. Dan tlesta sat-8 taʼ Marzu.
Il-belt il-kbira taʼ Xai-Xai għerqet kompletament. F’xi postijiet, iċ-ċentru tagħha kien 3 metri fond taħt l-ilma! Ix-Xhieda fformaw kumitat għall-għajnuna biex jieħu ħsieb l-aħwa t’hemmhekk. Iżjed minn hekk, ġew organizzati kumitati biex jieħdu ħsieb lil dawk fil-bżonn fil-provinċji taʼ Sofala u Manica.
Xhieda minn pajjiżi oħrajn bagħtu xi provvisti għall-għajnuna. Per eżempju, il-fergħa taʼ l-Afrika t’Isfel irranġat biex tibgħat tunnellati taʼ ħwejjeġ, kutri, u affarijiet oħrajn. U l-kwartieri ġenerali dinjin tax-Xhieda taʼ Jehovah, fi Brooklyn, New York, bagħtu xi flus biex jieħdu ħsieb lill-vittmi tad-diżastru.
Meta l-ilmijiet naqsu mhux ħażin u ġie kalkulat kemm kien hemm li tilfu djarhom, beda x-xogħol li jinbnew mill-ġdid id-djar u s-Swali tas-Saltna. Ġie stabbilit kumitat tal-bini mill-ġdid u appoġġawh ħafna volontieri li bdew ix-xogħol mill-ewwel. Minn dakinhar ’l hawn, reġgħu nbnew iktar minn 270 dar kif ukoll minn taʼ l-inqas ħames Swali tas-Saltna.
Meta bdew jidhru l-ewwel ftit djar li nbnew mix-Xhieda volontieri, in-nies bdew jinnotawhom. Waħda mill-ġirien innotat: ‘Intom tqimu Alla li hu ħaj. Il-qassisin tagħna lanqas biss jiftakru fin-nagħaġ tagħhom li qed ibatu. Madankollu, intom qed tingħataw dawn id-djar sbieħ.’ F’dawn l-inħawi ħafna kienu lesti li jaċċettaw il-messaġġ tas-Saltna pridkat mix-Xhieda taʼ Jehovah, u nbdew diversi studji tal-Bibbja.—Mattew 24:14; Apokalissi 21:3, 4.
Għalkemm ħafna Xhieda tilfu l-affarijiet materjali kollha tagħhom, ħadd minnhom ma tilef il-fidi. Minflok, il-fidi tagħhom f’Alla Jehovah u fis-sħubija taʼ sħabhom fit-twemmin mad-dinja kollha ssaħħet. Huma grati għall-fratellanza internazzjonali tagħhom kollha mħabba, li mill-ewwel ħadet passi f’dan id-diżastru terribbli. Huma esperjenzaw il-ħarsien teneru u l-protezzjoni taʼ Jehovah b’mod persunali, u dejjem se jibqgħu jiftakru l-espressjoni Biblika: “Kbir il-Mulej.”—Salm 48:2 [48:1, NW].
[Stampa f’paġna 24, 25]
L-ilma kollu tajn li għarraq il-belt taʼ Xai-Xai
[Stampa f’paġna 25]
Il-provvisti għall-għajnuna ġew bl-ajru
[Stampa f’paġna 26]
It-tim taʼ Xhieda li marru jagħtu l-għajnuna waqqaf infermerija
[Stampa f’paġna 26]
Għadhom qed jinbnew djar ġodda
[Stampa f’paġna 26]
L-akbar kamp għar-refuġjati kien jesaʼ 100,000 ruħ