Jistgħu l-Ħabsin Tassew Jirranġaw Ħajjithom?
“Ħadd ma jistaʼ jġiegħel lil esseri uman ieħor biex jiġi riabilitat. Il-bidla trid isseħħ fl-individwu minn ġewwau jrid ikun hemm ir-rieda.”—VIVIEN STERN, A SIN AGAINST THE FUTURE—IMPRISONMENT IN THE WORLD.
FATTUR vitali biex il-ħabsin tassew jirranġaw ħajjithom jiffoka fuq l-edukazzjoni u l-bidla fil-valuri u l-ħarsa taʼ dak li jkun. M’hemm l-ebda dubju li jeżistu individwi sinċieri li qed jagħmlu sforzi biex jedukaw u jgħinu lill-priġunieri. Ix-xogħol altruist u mill-aħjar taʼ dawn in-nies huwa tabilħaqq apprezzat minn ħafna priġunieri.
Xi nies iġibu l-argument li s-sistema tal-ħabsijiet b’mod ġenerali m’għandha l-ebda tama li titranġa u li l-priġunieri ma tantx jistgħu jagħmlu bidla f’ambjent bħal dan. Filwaqt li jistaʼ jkun minnu li l-ħabs waħdu ma jnissilx valuri ġodda, it-tagħlim tal-Bibbja għen lil xi wħud biex ibiddlu ħajjithom. Dan juri li huwa possibbli li n-nies jirranġaw ħajjithom fuq bażi individwali.
Illum, permezz t’għajnuna mill-Bibbja, xi ħabsin qed jagħmlu l-bidliet li jipproduċu raġunar u kondotta xierqa. Kif? Billi jagħtu kas il-parir tal-Bibbja: “Timxux max-xejra taʼ din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid taʼ fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x’inhi r-rieda taʼ Alla, x’inhu t-tajjeb li jogħġbu, x’inhu perfett.” (Rumani 12:2) Dan kif isir?
L-Irwol tal-Bibbja
Ħafna nies iħossu li r-reliġjon tistaʼ tilgħab parti importanti f’li tgħin lill-priġunieri biex jindmu minn dak li kienu jagħmlu qabel. M’għandniex xi ngħidu, problema bażika tistaʼ tkun li kwalunkwe bidla fil-karattru li sseħħ fil-ħabs tistaʼ tgħib fix-xejn ladarba l-ħabsi jinħeles. Wieħed ħabsi esprima ruħu b’dan il-mod: “Ħafna nies isibu lil Kristu f’dan il-post—imma meta joħorġu minn hawn, iħallu lil Kristu warajhom!”
L-esperjenza wriet li bidla ġenwina trid isseħħ minn ġewwa—fil-moħħ u l-qalb tal-kriminal—u li l-bażi trid tkun indiema sinċiera għall-ħażen tal-passat. Programm taʼ edukazzjoni mill-Bibbja jistaʼ jgħin lil individwu jsir jaf kif Alla jħossu dwar il-ħażen u għala huwa żbaljat. B’hekk, jistaʼ jkollu raġunijiet sodi għala ma jkunx irid jibqaʼ għaddej f’dik il-ħajja.
Ix-Xhieda taʼ Jehovah qed jikkonduċu dan it-tip taʼ programm taʼ edukazzjoni mill-Bibbja f’diversi ħabsijiet madwar id-dinja, u qed ikollhom riżultati sbieħ ħafna. (Ara paġna 10.) Wieħed priġunier ikkummenta: “Aħna ġejna megħjunin niskopru x’tgħid il-Bibbja dwar l-iskop tal-ħajja u x’barkiet hemm għall-bnedmin fil-futur.” Hu kompla jgħid: “Din hija edukazzjoni taʼ l-għaġeb!” Ħabsi ieħor qal: “Qed nieħdu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-pariri t’Alla. . . . Qed naraw bidliet iseħħu fina. Issa nafu x’inhuma l-prijoritajiet tal-ħajja.”
M’għandniex xi ngħidu, il-bidla ma tinkludix il-ħabsijiet u daqshekk. Is-soluzzjoni vera għall-kriżi tal-ħabsijiet qegħda f’li jitneħħa l-bżonn taʼ ħabsijiet. Waħda mill-veritajiet glorjużi tal-Bibbja li messet il-qlub taʼ ħafna ħabsin tinsab f’din il-wegħda mingħand Alla: “Il-ħżiena jitqaċċtu ’l barra . . . Il-ġusti jirtu l-art, u jgħammru fiha għal dejjem.”—Salm 37:9, 29.
Meta dan iseħħ, se jkun hemm gvern bla korruzzjoni li juri mħabba kif ukoll huwa sod, illi se jara li l-livelli għoljin t’Alla jinżammu. Dan il-gvern huwa s-Saltna t’Alla fis-sema mmexxija minn Kristu—il-gvern li l-Kristjani tgħallmu jitolbu għaliha. (Mattew 6:10) F’dik id-dinja l-ġdida, kull abitant se jirranġa ħajtu billi jitgħallem il-liġijiet superjuri t’Alla. Imbagħad tassew bħal qatt qabel se jseħħ il-kliem li ‘l-art se tkun mimlija bl-għarfien tal-Mulej bħalma l-baħar hu miksi bl-ilmijiet.’ (Isaija 11:9) B’liema riżultat? L-abitanti ubbidjenti fid-dinja l-ġdida ‘se jitgħaxxqu bi sliem kotran.’—Salm 37:11.
[Kaxxa/Stampi f’paġna 10]
Tama għall-Priġunieri
Għal iktar minn 20 sena, ministri volontiera tax-Xhieda taʼ Jehovah mexxew b’suċċess programm edukattiv ibbażat fuq il-Bibbja fil-penitenzjarju federali f’Atlanta, Ġeorġja, fl-Istati Uniti. Matul dawn l-għoxrin sena, iktar minn 40 ħabsi ġew megħjunin biex isiru ministri mgħammdin tax-Xhieda taʼ Jehovah, u iktar minn 90 ħabsi ieħor ibbenefikaw ukoll minn studji regulari tal-Bibbja.
Dan l-aħħar Stenbaħ! tkellem maʼ diversi għalliema tal-Bibbja li ħadmu bla egoiżmu f’dan il-ħabs.
▪ Għala hija l-edukazzjoni Biblika tant effettiva biex tqanqal lil ċerti ħabsin ibiddlu ħajjithom?
David: Ħafna priġunieri jkunu nies li ma ġewx murijin imħabba, anki fi tfulithom. Allura meta jsiru jafu li Alla jħobbhom u meta jiftħu qalbhom miegħu permezz tat-talb u mbagħad hu jwieġeb it-talb tagħhom, Alla jsir reali għalihom. Ir-riżultat ikun li qalbhom tqanqalhom biex iħobbuh lura.
Ray: Wieħed mill-ħabsin li studjajt miegħu kien jiġi abbużat meta kien għadu tifel. Meta staqsejtu x’kien li ġibdu lejn Jehovah, hu qalli li meta titgħallem il-verità tal-Bibbja, issir taf li Jehovah tassew jifhmek. Dan ġagħlu jrid jitgħallem iktar dwar il-personalità t’Alla li tant jaf iħobb.
▪ Xi wħud jgħidu li l-priġunieri jaqbdu mar-reliġjon għal motivi ulterjuri—biex titnaqqsilhom is-sentenza jew sempliċement biex jimlew il-ħin. L-esperjenza x’urietek?
Fred: Meta l-ħabsin jiġu għall-istudji tagħna, aħna ma nistudjawx magħhom b’mod li nipprovaw inqanqlulhom l-emozzjonijiet tagħhom. Kulma nagħmlu huwa li nistudjaw il-Bibbja magħhom. Huma malajr isiru jafu li se jiġu mgħallmin dwar il-Bibbja u xejn iktar. Ġieli ġew fuqi u talbuni ngħinhom fuq il-każ tagħhom fil-qorti. Jien ma nitkellimx fuq dawn l-affarijiet magħhom. Ir-riżultat huwa li dawk li jattendu l-grupp taʼ l-istudju u jibqgħu jiġu għal perijodu taʼ żmien ikunu jridu verament jitgħallmu dak li tgħid il-Bibbja.
Nick: Ħaġa li ninnota hija l-bidliet li xi ħabsin jagħmlu waqt li jkunu fil-ħabs. Xi wħud minnhom saru ministri mgħammdin u batew ħafna minħabba dak li jagħmlulhom ħabsin oħra. Din hija xi ħaġa iebsa ħafna għalihom. Li kieku l-Bibbja ma missitilhomx qalbhom, ma kienx jirnexxilhom jibqgħu leali taħt dawk iċ-ċirkustanzi.
Israel: Ġeneralment, dawn huma nies b’xewqa kbira li jitgħallmu dwar Jehovah, u dan jesprimuh b’mod li jqanqlek. Tistaʼ tara kif dan ikun ġej minn qalbhom.
Joe: Dawk li jsiru Kristjani veri jifhmu għala l-affarijiet marru ħażin f’ħajjithom. Jifhmu wkoll li għandhom opportunità li jinbidlu—li issa għandhom tama quddiemhom. Issa jistgħu tassew jantiċipaw it-twettiq tal-wegħdi taʼ Jehovah għall-futur.
▪ Is-sistema tal-ħabs waħedha għala m’hijiex biżżejjed biex tbiddel il-kriminali?
Joe: L-iskop tas-sistema penali hija, mhux li tirriabilita, imma li żżomm il-kriminali ’l bogħod mill-bqija tas-soċjetà. Din hija l-qalba tal-problema—il-mentalità li għandha s-sistema tal-ħabsijiet lejn dawn l-irġiel.
Henry: Is-sistema tal-ħabsijiet m’hijiex kapaċi tbiddel il-qalb taʼ min jiżbalja. Il-biċċa l-kbira minn dawn in-nies se jerġgħu jikkommettu l-istess reati malli joħorġu.
[Stampa f’paġna 8, 9]
Għadd taʼ ħabsin ġew megħjunin jitgħallmu l-verità tal-Bibbja