Kaxxa għall-Mistoqsija
◼ Liema twissijiet irridu nagħtu kas meta nagħtu xiehda lill-priġunieri?
Madwar id-dinja hemm għallinqas tmien miljun priġunier, u xi wħud minnhom urew interess fl-aħbar tajba. (1 Tim. 2:4) Waħda mill-uffiċċji tal-fergħa tirċievi madwar 1,400 ittra kull xahar minn priġunieri u l-membri tal-familja tagħhom li fihom jitolbu letteratura jew xi żjara fuq bażi persunali. Filwaqt li l-interess taʼ ħafna mill-priġunieri huwa sinċier, l-esperjenza turi li xi wħud minnhom taparsi kienu interessati imma fil-fatt, b’mod egoistiku, kienu qed jieħdu vantaġġ mill-poplu t’Alla. Meta nqisu dan, ilkoll kemm aħna għandna nagħtu kas it-twissijiet li ġejjin rigward li nagħtu xiehda lill-priġunieri.
Ħafna drabi, il-priġunieri jingħataw xiehda permezz taʼ ittri. Huwa rikkmandat bil-kbir li l-aħwa nisa ma jiktbux lill-priġunieri rġiel, anki jekk dan isir bit-tir li tingħata għajnuna spiritwali. Din ir-responsabbiltà għandhom jieħdu ħsiebha biss l-aħwa rġiel kwalifikati. Aħwa nisa kwalifikati għandhom mnejn jiġu assenjati biex jiktbu lil priġunieri nisa li jkunu wrew interess sinċier fil-verità tal-Bibbja. Flus jew rigali persunali m’għandhomx jintbagħtu lill-priġunieri, avolja għandhom mnejn jitolbu li jsir dan.
Meta xi ħadd li jkun daħal il-ħabs juri interess, ismu u l-indirizz tiegħu għandhom jingħataw lill-kongregazzjoni taʼ fejn jinsab il-ħabs. Ġeneralment l-aħwa rġiel kwalifikati t’hemmhekk ikunu jafu kif għandhom jittrattaw id-diversi sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu. Jekk ma jkunx magħruf liema kongregazzjoni għandha tieħu ħsieb dan, l-informazzjoni għandha tintbagħat lill-uffiċċju tal-fergħa.
M’hemm l-ebda oġġezzjoni jekk l-aħwa rġiel inkarigati jikkonduċu laqgħat mal-priġunieri sabiex diversi wħud minnhom ikunu jistgħu jistudjaw f’daqqa. Biss, okkażjonijiet speċjali li fihom il-pubblikaturi jassoċjaw liberament mal-priġunieri m’għandhomx jinżammu fil-ħabsijiet. Barra minn hekk, m’huwiex rikkmandat li l-pubblikaturi jaqbdu jżuru l-ħabs u jissieħbu mill-qrib mal-priġunieri.
Jalla nkunu “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem” hekk kif naqsmu l-aħbar tajba mal-priġunieri.—Mt. 10:16.