Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . .
Kif Jistaʼ Jkolli Relazzjoni Iktar mill-Qrib man-Nanniet Tiegħi?
“Iż-żewġ nanniet irġiel, it-tnejn li huma jħobbu jirrakkontaw l-istejjer. L-istejjer tagħhom jgħinuni nifhem kif inħossni jien stess.”—Joshua.
KIEN hemm żmien meta kien komuni li diversi ġenerazzjonijiet tal-membri tal-familja jgħixu ħdejn xulxin—taʼ spiss fl-istess dar. Kienet ħaġa normali li wieħed jagħmilha ħafna man-nanniet tiegħu.
Illum il-ġurnata, id-distanzi kbar jistgħu jifirdu liż-żgħażagħ min-nanniet tagħhom. Iktar minn hekk, numri li dejjem jiżdiedu taʼ familji tkissru bid-divorzju. Il-gazzetta The Toronto Star irrapportat li “n-nanniet jistgħu jkunu wkoll il-vittmi tad-divorzju u ma jitħallewx jaraw lin-neputijiet li tant iħobbu.” F’każi oħrajn, il-problema hi li ħafna żgħażagħ sempliċement ikollhom ħarsa negattiva dwar ix-xjuħ, billi jqisuhom bħala maqtugħin mid-dinja, bħala li għandhom opinjonijiet, valuri, u interessi li huma differenti ħafna minn tagħhom. Xi jkun ir-riżultat? Ħafna żgħażagħ sempliċement m’għandhomx relazzjoni mill-qrib man-nanniet tagħhom daqskemm jistgħu jkollhom.
Din hija ħasra. Bħalma wera artiklu taʼ qabel f’din is-serje, li wieħed ikollu relazzjoni mill-qrib man-nanniet tiegħu—speċjalment jekk ikollhom il-biżaʼ t’Alla—hija xi ħaġa bnina, taʼ siwi, u pjaċevoli.a Tfajla adolexxenti jisimha Rebekah tgħid dwar in-nanniet tagħha: “Dejjem jirnexxilna nidħqu flimkien.” Żagħżugħ jismu Peter jgħid xi ħaġa simili: “Ma nibżax ngħidilhom kif inħossni jew xi nkun bi ħsiebni nagħmel. Xi kultant inħossni iktar komdu li nitkellem magħhom milli mal-ġenituri tiegħi. Inħossni li nistaʼ nitkellem man-nanniet tiegħi dwar kollox.”
Xi ngħidu dwarek? Forsi meta kont żgħir kellek relazzjoni mill-qrib man-nanniet tiegħek. Imma issa li int adolexxenti, jistaʼ jkun li ma tantx ipprovajt tikkultiva r-relazzjoni tagħkom dan l-aħħar. Fil-każ, il-prinċipju tal-parir Bibliku li nsibu fit-2 Korintin 6:11-13 japplika tajjeb hawn, jiġifieri, li ‘tiftaħ qalbek beraħ’ fl-affezzjonijiet tiegħek lejhom. Tqum il-mistoqsija, Kif?
Ħu l-Inizjattiva
‘Li tiftaħ qalbek beraħ’ jagħtina x’nifhmu li rridu nieħdu l-inizjattiva. Wara kollox, il-Bibbja tgħid: “Min ħaqqu l-ġid tiċħadhulux, meta dan tistaʼ tagħmlu.” (Proverbji 3:27) Meta kont iżgħar, forsi ma ‘stajt’ tagħmel xejn dwar ir-relazzjoni tiegħek man-nanniet. Imma issa li kbirt, u forsi int adult ukoll, tistaʼ ssib li hemm għadd taʼ passi xierqa li tistaʼ tieħu.
Per eżempju, jekk in-nanniet tiegħek joqogħdu viċin tiegħek, tistaʼ tiħodha d-drawwa li żżurhom regolarment. Se tiddejjaq? Jistaʼ jkun, jekk toqogħdu bil-qegħda u ma tgħidux kelma. Mela aqbad konversazzjoni! Fuqiex tistaʼ titkellem? Il-prinċipju Bibliku f’Filippin 2:4 huwa t’għajnuna f’dan. Jgħidilna biex ‘ma nfittxux li jaqblilna, imma li jaqbel lil ħaddieħor.’ Fi kliem ieħor, uri interess fin-nanniet tiegħek. Ġagħalhom jitkellmu dwar l-affarijiet li jinteressawhom. Kif iħossuhom? X’qegħdin jagħmlu bħalissa? Forsi jħobbu jitkellmu dwar l-imgħoddi. Allura staqsihom kif kienet il-ħajja meta kienu żgħar. Jew kif kienu missierek jew ommok meta kienu żgħar? Jekk in-nanniet huma Kristjani, staqsihom x’kien li ġibidhom lejn il-veritajiet tal-Bibbja.
In-nanniet taʼ spiss ikollhom ħażna kbira taʼ informazzjoni dwar il-passat tal-familja, u probabbilment ikunu ħerqanin li joqogħdu jirrakkontawlek ħafna stejjer sbieħ. Fil-fatt, il-ħin li tqattaʼ magħhom tistaʼ tbiddlu fi proġett taʼ gost. Ipprova intervista lin-nanniet tiegħek, forsi billi tieħu n-noti jew tirrekordjahom fuq it-tejp jew il-vidjo. Jekk ma tkunx taf x’se taqbad tistaqsihom, staqsi lill-ġenituri tiegħek biex jgħinuk taħseb f’mistoqsijiet addattati. X’aktarx li se titgħallem ħafna affarijiet li se jgħinuk tifhem iktar kemm lin-nanniet tiegħek, kemm lill-ġenituri, kif ukoll lilek innifsek. “Iż-żewġ nanniet irġiel, it-tnejn li huma jħobbu jirrakkontaw l-istejjer,” jgħid Joshua. “L-istejjer tagħhom jgħinuni nifhem kif inħossni jien stess.”
Iżda tinsiex li n-nanniet tiegħek huma interessati wkoll fik u f’dak li tagħmel. Meta tgħidilhom x’qed tagħmel tkun qed tistidinhom ikunu parti minn ħajtek. Dan żgur se jressaqkom eqreb taʼ xulxin. Żagħżugħ fi Franza jismu Igor jgħid: “Jien u nannti nħobbu nieħdu tazza te flimkien f’ħanut tal-kafè, u noqogħdu nitkellmu dwar xi nkunu għaddejna minnu dan l-aħħar.”
X’Nistgħu Nagħmlu Flimkien?
Meta tkunu bdejtu titkellmu flimkien, forsi tistaʼ tagħmel pass ieħor ’il quddiem u tibdew tagħmlu xi affarijiet flimkien. Bi ftit ħsieb minn qabel, tistaʼ ssib ħafna tipi t’attivitajiet li tistgħu tieħdu sehem fihom flimkien. Iż-żagħżugħa Dara tiftakar: “Iż-żewġ nanniet nisa, it-tnejn li huma għallmuni nsajjar, nippreserva l-ikel, naħmi, nikkultiva l-pjanti, u nieħu ħsieb il-ġnien.” Amy kienet tmur man-nanniet tagħha meta l-membri tal-familja kienu jiltaqgħu flimkien jew meta kienu jmorru vaganza. Xi nanniet, skond l-età li jkollhom, ikunu attivi mhux ħażin. Aaron iħobb jilgħab il-golf maʼ nanntu. Joshua jħobb jistad maʼ nannu wieħed u man-nannu l-ieħor jieħu pjaċir jagħmel xi biċċa xogħol fid-dar.
Jekk in-nanniet tiegħek iqimu lil Jehovah, tistaʼ tieħu gost b’mod partikulari li tieħu sehem magħhom f’aspetti tal-qima lil Jehovah, bħal li titkellmu m’oħrajn dwar il-Bibbja. Igor mar maʼ nanntu għal laqgħa internazzjonali tax-Xhieda taʼ Jehovah fil-Polonja. “Kienet esperjenza li qsamna flimkien li ma ninsewha qatt, u għadna nieħdu gost nitkellmu fuqha,” jgħid hu. Veru, mhux għan-nanniet kollha jkun faċli li jmorru minn post għall-ieħor. Xorta waħda, jiswa li tqattaʼ l-ħin magħhom.
Wirt Spiritwali
Fi żminijiet Bibliċi mara jisimha Lojd kellha rwol importanti f’li tgħin lin-neputi tagħha Timotju, biex isir raġel t’Alla li jispikka. (2 Timotju 1:5) Mhux taʼ b’xejn li ħafna nanniet Kristjani għandhom irwol simili llum. Joshua jgħid dwar in-nanniet tiegħu: “Ilhom jaqdu lil Jehovah iktar minn kemm ili neżisti jien, u għalhekk għandi rispett profond lejhom, mhux biss għax huma n-nanniet tiegħi imma għax huma nies taʼ integrità.” Amy tgħid: “In-nanniet tiegħi dejjem jgħidu kemm iħossuhom inkuraġġiti u ferħanin li jarawni naqdi fedelment lil Jehovah. Madankollu, meta nara l-eżempju mill-aqwa u ż-żelu tagħhom għal Jehovah bħala pijunieri [evanġelizzaturi full-time] ninkuraġġixxi ruħi biex nibqaʼ fis-servizz tiegħi taʼ pijunier.”
Chris isejjaħ lil nanntu bħala “l-persuna li l-iktar li mmotivatni biex nistudja u nagħmel progress.” Hu jżid: “Qatt ma ninsieha meta qalet li ‘għal Jehovah rridu nagħtu l-aħjar tagħna.’” In-nanniet taʼ Pedro kellhom irwol kbir b’mod speċjali fl-iżvilupp spiritwali tiegħu. Hu jgħid: “L-esperjenza tagħhom għenitni ħafna. In-nanniet tiegħi dejjem ħaduni nippriedka magħhom, u dan napprezzah ħafna.” Iva, li jkollok relazzjoni mill-qrib man-nanniet li għandhom il-biżaʼ t’Alla jistaʼ jgħinek taqdi lil Alla iktar bis-sħiħ.
Nanniet li Joqogħdu ’l Bogħod
Xi ngħidu jekk in-nanniet tiegħek joqogħdu ’l bogħod? Jekk inhu possibbli, ipprova żurhom b’mod regulari. Bejn darba u oħra, agħmel li tistaʼ biex tibqaʼ f’kuntatt magħhom. Hornan jara lin-nanniet tiegħu tliet darbiet biss fis-sena, imma hu jgħid: “Kull nhar taʼ Ħadd inċemplilhom.” Dara, li wkoll toqgħod ’il bogħod min-nanniet tagħha, tgħid: “Jieħdu interess fija, u aħna nċemplu u nibagħtu messaġġi bl-E-mail lil xulxin kważi kull ġimgħa.” L-E-mail u t-telefonati għandhom posthom, imma taħsibx li ittra miktuba minnek stess m’għandhiex effett qawwi. Ħafna żgħażagħ jibqgħu skantati meta jsiru jafu li n-nanniet tagħhom ikunu żammew kull ittra li bagħtulhom minn meta kienu għadhom tfal. L-ittri jistgħu jinqraw darba wara l-oħra, u huma għeżież. Għalhekk kun ċert li tikteb l-ittri!
In-nanniet taʼ spiss ikollhom imħabba speċjali għan-neputijiet tagħhom. (Proverbji 17:6) Hemm ħafna modi kif tistaʼ tibni u żżomm relazzjoni mill-qrib man-nanniet tiegħek, sew jekk jgħixu viċin u sew jekk jgħixu ’l bogħod. Jekk jogħġbok, ipprova agħmel l-isforz kollu li tistaʼ.
[Nota taʼ taħt]
a Ara l-artiklu “Iż-Żgħażagħ Jistaqsu . . . Għala Għandi Nsir Naf lin-Nanniet Tiegħi?” fil-ħarġa tagħna tat-8 taʼ Mejju, 2001.