KAPITLU ERBATAX
Nikbru fl-Età Flimkien
1, 2. (a) Liema bidliet iseħħu waqt li toqrob ix-xjuħija? (b) Irġiel devoti taʼ żminijiet Bibliċi kif sabu sodisfazzjon fix-xjuħija?
ĦAFNA bidliet iseħħu waqt li nikbru fl-età. Id-dgħjufija fiżika tixrobilna l-enerġija. Ħarsa lejn il-mera tirrivela tikmix ġdid u telf bil-mod il-mod fil-kulur tax-xagħar—saħansitra x-xagħar jibda jeħfief. Tistaʼ tibda tonqsilna xi ftit il-memorja. Relazzjonijiet ġodda jiżviluppaw meta t-tfal jiżżewġu, u jerġaʼ meta jaslu t-tfal tat-tfal. Għal xi wħud, li jirtiraw mix-xogħol sekulari jirriżulta f’rutina taʼ ħajja differenti.
2 Attwalment, li wieħed jikber fis-snin jistaʼ jkun żmien taʼ prova. (Koħelet 12:1-8) Xorta waħda, ikkunsidra l-qaddejja t’Alla fi żminijiet Bibliċi. Għalkemm finalment spiċċaw biex mietu, kisbu kemm għerf u kemm fehma, u dan ġabilhom sodisfazzjon kbir fix-xjuħija. (Ġenesi 25:8; 35:29; Ġob 12:12; 42:17) Kif irnexxielhom jixjieħu b’mod hieni? Żgur li dan għamluh billi għexu f’armonija mal-prinċipji li aħna llum insibuhom miktubin fil-Bibbja.—Salm 119:105; 2 Timotju 3:16, 17.
3. Pawlu liema parir ta għal irġiel u nisa ixjeħ?
3 Fl-ittra tiegħu lil Titu, l-appostlu Pawlu offra gwida f’lokha għal dawk li qegħdin jikbru fl-età. Kiteb: “[I]x-xjuħ ikunu rżina, għaqlin, serji, meqjusa, sħaħ fil-fidi u fl-imħabba u fis-sabar. L-istess in-nisa xjuħ; għandhom iġibu ruħhom kif jixraq lil nisa qaddisa; ma jqassux fuq ħaddieħor, anqas ikunu lsiera taʼ l-inbid; għandhom igħallmu t-tajjeb.” (Titu 2:2, 3) Li tagħti kas dan il-kliem jistaʼ jgħinek biex tiffaċċja l-isfidi taʼ li tikber fl-età.
ADDATTA RUĦEK GĦALL-INDIPENDENZA TAʼ WLIEDEK
4, 5. Ħafna ġenituri kif jirreaġixxu meta wliedhom jitilqu mid-dar, u xi wħud kif jaġġustaw ruħhom għas-sitwazzjoni l-ġdida?
4 Rwoli li jinbidlu jirrikjedu li wieħed jaddatta ruħu għalihom. Kemm jagħti prova li huwa veru dan meta tfal adulti jitilqu mid-dar u jiżżewġu! Għal ħafna ġenituri din hija l-ewwel tfakkira li qegħdin jixjieħu. Għalkemm henjin li wliedhom saru adulti, il-ġenituri spiss jinkwetaw dwar jekk għamlux dak kollu li setgħu biex iħejju lit-tfal għal indipendenza. U għandhom mnejn li jimmissjawhom iduru maʼ saqajhom fid-dar.
5 Wieħed jistaʼ jifhem għala l-ġenituri jkomplu jikkonċernaw ruħhom dwar il-benesseri tat-tfal tagħhom, saħansitra wara li t-tfal jitilqu mid-dar. “Mhux li kont nismaʼ mingħandhom spiss, biex inserraħ rasi li jinsabu tajbin—dak kieku jagħmilni hienja,” qalet waħda omm. Missier jirrakkonta: “Meta bintna telqet mid-dar, kien żmien diffiċli ferm. Ħalliet vojt kbir fil-familja tagħna għaliex aħna konna dejjem nagħmlu kollox flimkien.” Dawn il-ġenituri kif kampaw maʼ l-assenza tat-tfal tagħhom? F’ħafna każi, billi wrew tħassib għal nies oħrajn u għenuhom.
6. X’jgħin biex ir-relazzjonijiet tal-familja jinżammu fil-perspettiva xierqa tagħhom?
6 Meta jiżżewġu t-tfal, l-irwol tal-ġenituri jinbidel. Ġenesi 2:24 jistqarr: “Ir-raġel iħalli lil missieru u lil ommu u jingħaqad maʼ martu u jsiru ġisem wieħed.” (Korsiv tagħna.) Rikonoxximent lejn il-prinċipji divini taʼ l-istat taʼ kap u l-bonordni se jgħin lill-ġenituri biex iżommu l-affarijiet fil-perspettiva xierqa tagħhom.—1 Korintin 11:3; 14:33, 40.
7. Wieħed missier liema attitudni mill-aħjar ikkultiva meta l-bniet tiegħu telqu mid-dar biex jiżżewġu?
7 Wara li ż-żewġt ibniet taʼ koppja żżewġu u telqu mid-dar, il-koppja ħassew bħal vojt fil-ħajjiet tagħhom. Għall-ewwel, ir-raġel ma setax iġerragħ lill-irġiel taʼ wliedu. Imma waqt li rrifletta fuq il-prinċipju taʼ l-istat taʼ kap, hu rrealizza li l-irġiel tal-bniet tiegħu kienu issa responsabbli għall-familji rispettivi tagħhom. Għalhekk, meta l-bniet tiegħu talbuh parir, hu staqsiehom x’kienu jaħsbu żwieġhom, u mbagħad ħa ħsieb li jkun t’appoġġ kemm jistaʼ jkun. L-irġiel taʼ wliedu issa jħarsu lejh bħala ħabib u jilqgħu l-parir tiegħu.
8, 9. Xi ġenituri kif addattaw ruħhom għall-indipendenza tat-tfal kbar tagħhom?
8 X’jiġri jekk uħud li għadhom kif iżżewġu, waqt li ma jagħmlu xejn li mhux skritturali, ma jagħmlux dak li l-ġenituri jaħsbu li huwa l-aħjar? “Dejjem ngħinuhom biex jaraw l-opinjoni taʼ Jehovah,” jispjegaw koppja waħda li għandhom tfal miżżewġin, “imma jekk ma naqblux maʼ xi deċiżjoni li jkunu ħadu, naċċettawha u nagħtuhom l-appoġġ u l-inkuraġġiment tagħna.”
9 F’ċerti pajjiżi Asjatiċi, xi ommijiet isibuha partikolarment diffiċli li jaċċettaw l-indipendenza taʼ wliedhom subjien. Madankollu, jekk jirrispettaw l-ordni u l-istat taʼ kap Kristjani, isibu li n-nuqqas taʼ qbil man-nisa taʼ wliedhom jonqos. Waħda omm Kristjana ssib li t-tluq taʼ wliedha subjien mid-dar kien u għadu “sors taʼ gratitudni li dejjem tiżdied.” Hi tieħu pjaċir ferm b’li tara l-abbiltà tagħhom biex jimmaniġġaw il-familji ġodda tagħhom. Mill-banda l-oħra, dan kien ifisser li t-tagħbija fiżika u mentali li hi u żewġha jkollhom iġorru ħfiefet hekk kif jikbru fl-età.
ISSAĦĦU MILL-ĠDID IR-RABTA TAŻ-ŻWIEĠ TAGĦKOM
Hekk kif tikbru fl-età, affermaw mill-ġdid l-imħabba tagħkom għal xulxin
10, 11. Liema parir Skritturali se jgħin lin-nies jevitaw xi ftit min-nases taʼ l-età medja?
10 In-nies jirreaġixxu b’diversi modi għal li jaslu għall-età medja. Xi rġiel jilbsu b’mod differenti biex jippruvaw jidhru iżgħar. Ħafna nisa jinkwetaw dwar il-bidliet li ġġib magħha l-menopawsa. B’sogħba, xi persuni t’età medja jipprovokaw lill-imseħbin tagħhom għal risentiment u għira billi joqogħdu jitkessħu maʼ membri iżgħar tas-sess oppost. Irġiel ixjeħ devoti, iżda, huma “meqjusin,” billi jrażżnu xewqat mhux xierqa. (1 Pietru 4:7) Nisa maturi bl-istess mod jaħdmu biex iżommu l-istabbilità taż-żwiġijiet tagħhom, sforz l-imħabba għal żwieġhom u x-xewqa biex jogħġbu lil Jehovah.
11 Taħt ispirazzjoni, is-Sultan Lemwel niżżel bil-miktub tifħir għall-“mara taʼ ħila” li tippremja lil żewġha b’“riżq tajjeb . . . , u mhux ħażin, il-jiem kollha taʼ ħajjitha.” (Korsiv tagħna.) Raġel Kristjan m’huwiex se jonqos li japprezza kif martu tistinka biex tkampa maʼ kwalunkwe taqlib emozzjonali li ġġarrab matul is-snin taʼ l-età medja tagħha. L-imħabba tiegħu se tqanqlu biex “ifaħħarha.”—Proverbji 31:10, 12, 28.
12. Koppji kif jistgħu jersqu eqreb taʼ xulxin waqt li jgħaddu s-snin?
12 Matul is-snin taʼ taħbit minħabba t-trobbija tat-tfal, it-tnejn li intom forsi kontu kuntenti li twarrbu fil-ġenb ix-xewqat persunali tagħkom biex tieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tat-tfal tagħkom. Wara t-tluq tagħhom ikun il-waqt li l-ħajja tagħkom bħala miżżewġin tiġi ffokata mill-ġdid. “Meta l-bniet tiegħi telqu mid-dar,” jgħid wieħed raġel, “bdejt ninnamra maʼ marti mill-ġdid.” Raġel ieħor jgħid: “Aħna nżommu għajnejna fuq is-saħħa taʼ xulxin u nfakkru lil xulxin dwar il-ħtieġa taʼ l-eżerċizzju.” Sabiex ma jħossuhomx waħedhom, hu u martu juru ospitalità lil membri oħrajn tal-kongregazzjoni. Iva, li wieħed juri interess f’oħrajn iġib barkiet. Iktar minn hekk, dan jogħġob lil Jehovah.—Filippin 2:4; Lhud 13:2, 16.
13. Liema parti għandhom is-sinċerità u l-onestà waqt li koppja jikbru fl-età flimkien?
13 Tħallix li jiżviluppa nuqqas taʼ komunikazzjoni bejnek u bejn il-parti l-oħra. Tkellmu flimkien b’mod sinċier. (Proverbji 17:27) “Aħna nsiru nifhmu iktar lil xulxin billi nagħtu kas u nuru konsiderazzjoni,” jikkummenta wieħed raġel. Martu taqbel, billi tgħid: “Waqt li kbirna fl-età, sirna nieħdu gost nixorbu tazza tè flimkien, nitkellmu, u nikkoperaw maʼ xulxin.” Li tkun sinċier u onest jistaʼ jgħin biex jgħaqqad ir-rabta taż-żwieġ tiegħek, billi jagħtih reżiljenza li se xxejjen l-attakki taʼ Satana, il-wieħed li jfarrak iż-żwiġijiet.
GAWDI T-TFAL TAT-TFAL TIEGĦEK
14. In-nanna taʼ Timotju liema parti kellha b’mod evidenti f’li hu jitrabba bħala Kristjan?
14 It-tfal tat-tfal huma “l-ġieħ” tax-xjuħ. (Proverbji 17:6) Il-kumpanija tat-tfal tat-tfal tistaʼ tkun verament t’għaxqa—fuq ruħha u rifreskanti. Il-Bibbja titkellem tajjeb dwar Lojs, nanna li flimkien maʼ bintha Ewnike qasmet it-twemmin tagħha maʼ Timotju, it-tarbija tifel taʼ bintha. Dan iż-żagħżugħ waqt li kien qiegħed jikber kien jaf li kemm ommu u kemm nanntu apprezzaw il-verità tal-Bibbja.—2 Timotju 1:5, KŻ; 3:14, 15.
15. Rigward it-tfal tat-tfal, in-nanniet liema kontribut siewi jistgħu jagħtu, imma x’għandhom jevitaw?
15 Hawnhekk, allura, hawn aspett speċjali li fih in-nanniet jistgħu jagħtu kontribut siewi ferm. Nanniet, intom diġà qsamtu l-għarfien tagħkom dwar l-iskopijiet taʼ Jehovah mat-tfal tagħkom. Issa tistgħu tagħmlu l-istess ħaġa jerġaʼ maʼ ġenerazzjoni oħra! Ħafna tfal żgħar jitgħaxxqu jisimgħu lin-nanniet tagħhom jirrakkontaw stejjer mill-Bibbja. M’għandniex xi ngħidu, m’intomx se tieħdu f’idejkom ir-responsabbiltà tal-missier li jdaħħal sewwa l-veritajiet tal-Bibbja f’moħħ it-tfal tiegħu. (Dewteronomju 6:7) Minflok, intom tgħinu f’dan. Jalla t-talba tagħkom tkun dik tas-salmista: “Imqar meta nixjieħ u jibjad xagħri, la tinsinix, o Alla; sakemm inxandar egħmil idejk lil kull nisel, il-qawwa tiegħek lil kull min għad jiġi.”—Salm 71:18; 78:5, 6.
16. In-nanniet kif jistgħu jevitaw li jkunu l-kaġun li tiżviluppa tensjoni fil-familja tagħhom?
16 B’sogħba, xi nanniet tant ifissdu liċ-ċkejknin li jiżviluppaw tensjonijiet bejn in-nanniet u t-tfal kbar tagħhom. Madankollu, il-qalb tajba sinċiera tagħkom tistaʼ forsi tagħmilha faċli għat-tfal tat-tfal tagħkom biex jiftħu qalbhom magħkom meta ma jħossuhomx inklinati li jirrivelaw l-affarijiet lill-ġenituri tagħhom. Kultant iż-żgħażagħ jittamaw li n-nanniet indulġenti tagħhom se jżommu magħhom kontra l-ġenituri tagħhom. X’jiġri mbagħad? Eżerċitaw l-għerf u inkuraġġixxu lit-tfal tat-tfal tagħkom biex ikunu sinċieri mal-ġenituri tagħhom. Tistgħu tispjegaw li dan jogħġob lil Jehovah. (Efesin 6:1-3) Jekk ikun neċessarju, tistgħu tivvolontarjaw biex twittu t-triq għaż-żgħażagħ billi titkellmu intom l-ewwel mal-ġenituri tagħhom. Kunu sinċieri mat-tfal tat-tfal tagħkom dwar dak li tgħallimtu matul is-snin. L-onestà u s-sinċerità tagħkom jistgħu jibbenefikawhom.
AĠĠUSTA RUĦEK WAQT LI TIXJIEĦ
17. Kristjani li qegħdin jixjieħu liema determinazzjoni tas-salmista għandhom jimitaw?
17 Hekk kif igerbbu s-snin, se ssib li ma tistax tagħmel dak kollu li kont tagħmel jew dak kollu li trid tagħmel. Wieħed kif jistaʼ jaċċettah il-proċess tax-xjuħija? F’moħħok għandek mnejn tħossok taʼ 30 sena, imma titwila fil-mera tirrivela realtà differenti. Tiskuraġġix ruħek. Is-salmista talab bil-ħniena lil Jehovah: “Twarrabnix meta nasal għax-xjuħija; titlaqnix meta tħallini saħħti.” Agħmel riżoluzzjoni biex timita d-determinazzjoni tas-salmista. Hu qal: “Jien nibqaʼ dejjem nittama, u nkattar it-tifħir kollu tiegħek.”—Salm 71:9, 14.
18. Kristjan matur kif jistaʼ jagħmel użu siewi mill-irtirar tiegħu mix-xogħol?
18 Ħafna ppreparaw bil-quddiem biex iżidu t-tifħir tagħhom lil Jehovah wara li jirtiraw mix-xogħol sekulari. “Jien ippjanajt minn qabel x’kont se nagħmel meta bintna tispiċċa mill-iskola,” jispjega wieħed missier li hu issa rtirat. “Ħadt id-deċiżjoni li nibda fil-ministeru taʼ l-ippridkar full-time, u begħt in-negozju tiegħi sabiex inkun ħieles biex naqdi lil Jehovah iktar bis-sħiħ. Tlabt għad-direzzjoni t’Alla.” Jekk qiegħed toqrob lejn l-età taʼ l-irtirar, ikseb faraġ mid-dikjarazzjoni tal-Ħallieq Grandjuż tagħna: “Sa xjuħitkom jien dejjem hu, sa meta jibjad xagħarkom nibqaʼ nġorrkom.”—Isaija 46:4.
19. Liema parir huwa mogħti għal dawk li qegħdin jixjieħu?
19 Li taddatta ruħek għall-irtirar mix-xogħol sekulari għandu mnejn ma jkunx faċli. L-appostlu Pawlu ta parir lil irġiel xjuħ biex ikunu “rżina.” Dan jirrikjedi rażna ġenerali, li wieħed ma jċedix għall-inklinazzjoni biex ifittex ħajja komda. Wara li tirtira jistaʼ jkun hemm bżonn saħansitra akbar taʼ rutina u dixxiplina fuqek innifsek milli kien hemm qabel. Ħa jkollok ħafna x’tagħmel, allura, billi ‘tgħaddi dejjem ’il quddiem fix-xogħol tal-Mulej, billi taf li t-taħbit tiegħek ma jkunx taʼ xejn fil-Mulej.’ (1 Korintin 15:58, KŻ) Wessaʼ l-attivitajiet tiegħek biex tgħin lil oħrajn. (2 Korintin 6:13) Ħafna Kristjani jagħmlu dan billi jippridkaw b’mod żeluż l-aħbar tajba b’pass aġġustat. Waqt li tikber fl-età, kun ‘sħiħ fil-fidi u fl-imħabba u fis-sabar.’—Titu 2:2.
TITTRATTA MAT-TELFA TAL-PARTI L-OĦRA
20, 21. (a) Fis-sistema preżenti t’affarijiet, liema ħaġa trid eventwalment tifred lil koppja miżżewġa? (b) Anna kif tipprovdi eżempju mill-aħjar għal miżżewġin imnikktin?
20 Huwa fatt taʼ swied il-qalb imma veru li, fis-sistema preżenti t’affarijiet, koppji miżżewġin eventwalment jiġu mifrudin permezz tal-mewt. Miżżewġin Kristjani mnikktin jafu li l-maħbubin tagħhom huma issa reqdin, u huma fiduċjużi li se jarawhom mill-ġdid. (Ġwann 11:11, 25) Imma t-telfa xorta waħda hija taʼ niket. Kif tistaʼ l-parti li tibqaʼ ħajja tittratta magħha?a
21 Se jkun t’għajnuna li żżomm f’moħħok x’għamlet ċerta karattru fil-Bibbja. Anna romlot wara biss sebaʼ snin taʼ żwieġ, u meta naqraw dwarha, kellha 84 sena. Nistgħu nkunu żguri li tnikktet meta tilfet lil żewġha. Kif kampat? Tat servizz sagru lil Alla Jehovah fit-tempju lejl u nhar. (Luqa 2:36-38) Il-ħajja t’Anna taʼ servizz bit-talb kienet bla dubju rimedju kbir għas-sogħba u s-solitudni li ħasset bħala armla.
22. Xi rġiel u nisa romol kif kampaw mas-solitudni?
22 “L-akbar sfida għalija kienet li ma kelli ebda sieħeb maʼ min nitkellem,” tispjega mara taʼ 72 sena li romlot għaxar snin ilu. “Żewġi kien semmiegħ tajjeb. Konna nitkellmu dwar il-kongregazzjoni u s-sehem tagħna fil-ministeru Kristjan.” Armla oħra tgħid: “Għalkemm iż-żmien ifejjaq, sibt li huwa iktar eżatt li tgħid illi dak li wieħed jagħmel bil-ħin tiegħu huwa dak li jgħin lil dak li jkun biex ifiq. Tkun f’pożizzjoni aħjar biex tgħin lil oħrajn.” Armel taʼ 67 sena jaqbel, billi jgħid: “Mod taʼ l-għaġeb biex tkampa man-niket huwa li tagħti minnek innifsek biex tfarraġ lil oħrajn.”
STMAT BĦALA PREZZJUŻ MINN ALLA FIX-XJUĦIJA
23, 24. Il-Bibbja liema faraġ kbir tagħti għal uħud xjuħ, partikolarment dawk li jkunu romlu?
23 Għalkemm il-mewt tieħu lil sieħba jew sieħeb maħbub, Jehovah jibqaʼ dejjem leali, dejjem żgur. “Ħaġa waħda tlabt lill-Mulej,” kanta s-Sultan David tal-qedem, “ħaġa waħda nfittex: li ngħammar f’dar il-Mulej tul il-jiem kollha taʼ ħajti; biex nitgħaxxaq bil-ħlewwa tal-Mulej u nbakkar fit-tempju tiegħu.”—Salm 27:4.
24 “Weġġah lir-romol li huma romol tassew,” iħeġġeġ l-appostlu Pawlu. (1 Timotju 5:3) Il-parir li jsegwi din l-istruzzjoni jindika li romol denji mingħajr qraba mill-qrib kellhom mnejn kienu jeħtieġu appoġġ materjali mingħand il-kongregazzjoni. Minkejja dan, is-sens taʼ l-istruzzjoni biex ‘tweġġah’ jinkludi l-idea li tistmahom bħala prezzjużi. X’faraġ jistgħu jieħdu r-romol devoti rġiel u nisa billi jkunu jafu li Jehovah jistmahom bħala prezzjużi u se jsostnihom!—Ġakbu 1:27.
25. Liema għan għad baqgħalhom l-anzjani fl-età?
25 “L-isplendur taʼ l-irġiel xjuħ hija r-ras griża tagħhom,” tiddikjara l-Kelma mnebbħa t’Alla. Hija “kuruna taʼ sbuħija meta tinstab fil-mogħdija tat-tjieba.” (Proverbji 16:31; 20:29, NW) Kompli, allura, kemm jekk miżżewweġ u kemm jekk waħdek mill-ġdid, żomm is-servizz taʼ Jehovah l-ewwel f’ħajtek. Int b’hekk se jkollok isem tajjeb m’Alla issa u l-prospett taʼ ħajja eterna f’dinja fejn l-uġigħ tax-xjuħija mhux se jkun iktar.—Salm 37:3-5; Isaija 65:20.
a Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar dan is-suġġett, ara l-browxer Meta Xi Ħadd Li Tħobb Imut, ippubblikat mill-Watchtower Bible and Tract Society of New York, Inc.