Għala Għandek Taqralhom Tgħajjat lil Uliedek?
“Ġiet ħdejja, telgħet f’ħoġri bi ktieb f’idha bil-kantunieri kollha romblati u l-paġni mtebbgħin . . . bil-butir, u ssuġġerietli . . . ,’ ‘Għinni naqrah, Pa; għinni naqrah.’”
—Dr. Clifford Schimmels, professur taʼ l-edukazzjoni.
IT-TFAL—moħħhom sponża kemm jitgħallmu malajr. Ir-riċerka turi li żvilupp mgħaġġel tal-moħħ iseħħ fi tfal li għandhom inqas minn tliet snin. Attivitajiet li l-ġenituri jagħmlu taʼ kuljum bħalma huma l-qari, il-kant, u t-turija t’affezzjoni jistaʼ jkollhom parti kruċjali fl-iżvilupp normali u progressiv tat-tifel jew tifla. Madankollu, skond studju li sar, huwa biss madwar nofs il-ġenituri kollha li għandhom tfal bejn is-sentejn u t-tmien snin li jaqrawlhom kuljum. Għandek mnejn tistaqsi, ‘Tassew jagħmel differenza jekk naqralhomx lit-tfal tiegħi?’
Nissel Fihom Imħabba għall-Qari
L-esperti jissuġġerixxu li t-tweġiba hija iva. “L-iktar attività importanti biex tibni l-għarfien meħtieġ ħalli iktar ’il quddiem it-tfal ikollhom suċċess fil-qari hija li taqralhom tgħajjat. Dan jgħodd b’mod speċjali matul is-snin qabel ma jibdew l-iskola,” jgħid ir-rapport Becoming a Nation of Readers.
Meta jisimgħu lil xi ħadd jaqralhom storja minn ktieb, it-tfal jitgħallmu minn età żgħira li l-ittri fuq il-paġna huma l-istess bħall-ittri li nużaw fil-kliem li ngħidu. Huma jsiru familjari wkoll maʼ l-istil taʼ kliem li jintuża fil-kotba. “Kull darba li naqraw lit-tfal, inkunu qed nibagħtulhom f’moħħhom messaġġ taʼ ‘pjaċir.’ Tistaʼ anki ssejjaħlu reklam, fis-sens li ddarri lit-tfal jassoċjaw il-kotba u l-kitba mal-pjaċir,” jgħid ktieb dwar il-qari b’leħen għoli. Ġenituri li jnisslu din l-imħabba għall-kotba ġewwa wliedhom ikunu qed iħeġġuhom biex iħobbu l-qari għal għomorhom kollu.
Għinhom Jifhmu d-Dinja taʼ Madwarhom
Ġenituri li jaqraw lil uliedhom b’leħen għoli jkunu qed jagħtuhom rigal siewi—għarfien dwar nies, postijiet, u affarijiet. Bi ftit li xejn spejjeż, huma jistgħu “jduru” d-dinja permezz tal-paġni tal-kotba. Ikkunsidra l-eżempju taʼ Anthony li għandu sentejn. Ommu ilha taqralu minn mindu twieled. Hi tgħid: “L-ewwel darba li mar fi ġnien żooloġiku hu kien qiegħed jerġaʼ jiskopri.” Għala jerġaʼ jiskopri? Għax għalkemm Anthony kien qiegħed jarahom ħajjin iż-żebri, l-iljuni, il-ġiraffi u l-annimali l-oħra għall-ewwel darba f’ħajtu, hu kien diġà jaf bihom dawn l-annimali.
Ommu tkompli tispjega: “Anthony ħa pjaċir jitgħallem dwar għadd kbir taʼ nies, annimali, oġġetti u ideat, kollox permezz tal-kotba, matul l-ewwel sentejn taʼ ħajtu.” Iva, jekk lit-tfal taqralhom tgħajjat meta jkunu għadhom żgħar, tistaʼ tgħinhom ħafna biex jifhmu d-dinja li jgħixu fiha.
Ibni Relazzjoni mill-Qrib
Matul is-snin li fihom ikunu qed jifformaw il-karattru tagħhom, it-tfal żgħar jiżviluppaw attitudnijiet li se jinfluwenzaw l-azzjonijiet tagħhom fis-snin taʼ wara. Għaldaqstant, il-ġenituri jridu jqiegħdu l-pedament għal relazzjoni mill-qrib li tinkludi fiduċja, rispett reċiproku, u fehma. Il-qari jistaʼ jkun parti importanti ħafna f’dan il-proċess.
Meta l-ġenituri jieħdu l-ħin biex jerfgħu lil uliedhom f’ħoġorhom u jaqrawlhom, il-messaġġ li jagħtuhom ikun ċar: “Inħobbok.” Phoebe, omm fil-Kanada, tgħid hekk dwar il-qari lil binha li għandu tmien snin: “Jien u żewġi nħossu li bis-saħħa t’hekk Nathan iħossu qrib ħafna tagħna. Hu jiftaħ qalbu magħna u taʼ spiss jgħidilna xi jkun qiegħed iħoss. Dan ħoloq ġibda speċjali bejnietna.”
Cindy għamlitha drawwa li taqra tgħajjat lil bintha minn mindu din kellha sena u kienet kapaċi toqgħod bil-qiegħda u tismaʼ għal madwar minuta jew tnejn. Kienu vallapena l-ħin u l-isforz li investiet? Cindy tosserva: “Taʼ spiss, l-ambjent trankwill u taʼ ħbiberija li jinħoloq meta naqraw flimkien ikun biżżejjed biex iqanqal lil Abigail tiftaħ qalbha u tgħidilna dwar xi ħaġa li tkun ġrat l-iskola jew xi problema li jkollha maʼ xi ħabiba. Liema ġenitur ma jixtieqx li wliedu jagħmlu hekk?” M’hemmx dubju li l-qari b’leħen għoli jistaʼ jwassal għal relazzjoni mill-qrib bejn il-ġenituri u t-tfal.
Rawwem Fihom Abbiltajiet Importanti u Meħtieġa fil-Ħajja
“Illum uliedna tant idaħħlu imbarazz f’moħħhom, mit-televixin u minn sorsi oħra, li, iktar minn qatt qabel, għandhom bżonn xi tip taʼ nutriment mentali, raġunar bis-sens, għerf, u xi tip taʼ ankra mentali li jgħinuhom jgħixu fi qbil mal-valuri li għandhom u jkollhom ħarsa xierqa lejn ħajjithom,” jgħid il-ktieb 3 Steps to a Strong Family. Il-ġenituri jinsabu fl-aħjar pożizzjoni biex ikunu taʼ influwenza pożittiva u bnina fuq uliedhom.
Meta t-tfal jiltaqgħu maʼ sentenzi kumplessi u mibnijin sew fil-kotba li jaqraw, permezz tagħhom huma jkunu jistgħu jitgħallmu kif jesprimu ruħhom kemm bil-kliem u kemm bil-kitba. Dorothy Butler, fil-ktieb tagħha Babies Need Books, tgħid li l-kwalità tal-ħsibijiet taʼ individwu tiddependi mill-kwalità tal-kliem li juża. Tgħid li l-lingwaġġ huwa tabilħaqq essenzjali fejn għandhom x’jaqsmu t-tagħlim u l-intelliġenza. L-abbiltà li tikkomunika sew hija vitali biex ikollok relazzjoni tajba maʼ ħaddieħor.
Il-qari minn kotba addattati jistaʼ wkoll isaħħaħ il-morali u l-valuri tajbin. Il-ġenituri li jaqraw u jirraġunaw maʼ wliedhom jistgħu jgħinuhom jiżviluppaw l-abbiltajiet meħtieġa biex isolvu l-problemi li jinqalgħu fil-ħajja. Hekk kif Cindy kienet taqra maʼ bintha Abigail, hi kienet tosserva bil-għaqal kif tirreaġixxi Abigail għal sitwazzjonijiet preżentati fl-istejjer. “Bħala ġenituri, nistgħu nitgħallmu iktar dwar tendenzi sottili fil-karattru tagħha, u b’hekk nittamaw li nneħħulha kwalunkwe ħsieb mhux xieraq minn kmieni ħafna.” Tabilħaqq, il-qari b’leħen għoli mat-tfal jistaʼ jeduka kemm il-moħħ kif ukoll il-qalb.
Agħmel il-Qari Xi Ħaġa taʼ Pjaċir
Aqra b’ton ħelu mingħajr ma toħloq pressjoni, u żomm l-atmosfera rilassata, informali, u pjaċevoli. Ġenituri li għandhom id-dehen jafu meta għandhom jieqfu jaqraw. Lena tgħid: “Xi kultant Andrew, li għandu sentejn, ikun għajjien ħafna u ma joqgħodx bi kwietu għal tul taʼ ħin. Allura nqassru l-iskeda tal-qari tagħna skond il-burdata li jkollu. Ma rridux li Andrew jibda jdejqu l-qari, u għalhekk ma nisforzawhx iktar milli jiflaħ.”
Il-qari b’leħen għoli jinvolvi ħafna iktar milli sempliċement tlissen dak li jkun hemm miktub. Trid tkun taf meta għandek iddawwar il-paġna taʼ ktieb bl-istampi ħalli toħloq eċċitament għall-paġna taʼ wara. Addatta l-pass tal-qari skond dak li tkun qed taqra. It-ton tal-leħen u l-enfasi fuq ċertu kliem jistgħu wkoll jagħtu l-ħajja lill-istorja. It-ton ħelu taʼ leħnek jistaʼ jnissel sens taʼ sigurtà f’uliedek.
Il-benefiċċji jiżdiedu l-iktar meta t-tfal jieħdu sehem attiv fir-rakkont taʼ l-istorja. Kull tant ħin ieqaf, u staqsi lit-tfal mistoqsijiet li jwiġbuhom spirtu pront. Kompli żid mat-tweġibiet taʼ wliedek billi toffri suġġerimenti oħra maʼ dak li jkunu qalu.
Kun Selettiv fil-Kotba li Tagħżel
Iżda, forsi l-iktar fattur importanti huwa li tagħżel kotba tajbin. Dan jirrikjedi ftit xogħol min-naħa tiegħek. Iflihom sew il-kotba, u uża biss dawk li jkollhom messaġġ pożittiv jew istruttiv u li tkun tistaʼ toħroġ tagħlima prattika minnhom. Agħti ħarsa sew lejn il-qoxra taʼ barra, l-istampi, u l-istil ġenerali tal-kitba. Agħżel kotba li jkunu interessanti kemm għall-ġenituri u kemm għat-tfal. Taʼ spiss, it-tfal ikunu jridu li terġaʼ taqralhom l-istess storja darba wara l-oħra.
Ġenituri minn madwar id-dinja apprezzaw b’mod speċjali Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.a Dan ġie pubblikat bil-ħsieb li l-ġenituri jaqrawh flimkien maʼ wliedhom iż-żgħar, u jistaʼ jgħin mhux biss lit-tfal biex isiru qarrejja tajbin imma wkoll iqanqlilhom l-interess fil-Bibbja.
Ġenituri li jaqraw jgħajtu lil uliedhom jistgħu jrawmu fihom drawwiet tajbin tal-qari, u dan jistaʼ jgħinhom b’diversi modi siewja matul ħajjithom. JoAnne qalet hekk dwar bintha: “Jennifer mhux talli tgħallmet taqra u tikteb qabel ma bdiet l-iskola u saret tħobb il-qari, imma talli iktar importanti minn hekk, żviluppat imħabba lejn il-Ħallieq Grandjuż tagħna, Jehovah. Jennifer tgħallmet tistrieħ fuq il-Kelma miktuba tiegħu, il-Bibbja, sabiex tiggwidaha fid-deċiżjonijiet kollha tagħha.” Verament, il-fatt li tgħin lil uliedek biex iħobbu xi ħaġa jistaʼ jkun ħafna iktar importanti milli tgħinhom jitgħallmu xi ħaġa.
[Nota taʼ taħt]
a Pubblikat mix-Xhieda taʼ Jehovah.
[Kaxxa/Stampa f’paġna 30]
Meta Taqra lit-Tfal Tiegħek
• Ibda minn meta jkunu għadhom żgħar ħafna.
• Agħtihom ċans jikkalmaw u joqogħdu kwieti qabel ma tibda taqra.
• Aqra stejjer li jogħġbu kemm lilek u kemm lilhom.
• Aqralhom kull x’ħin tistaʼ u aqra mill-qalb.
• Involvi lil uliedek billi tistaqsi l-mistoqsijiet.
[Sors taʼ l-Istampa f’paġna 29]
Ritratt meħud mill-Wildlife Conservation Society’s Bronx Zoo