Agħmel Ħiltek fil-Qari
L-ANNIMALI ma jistgħux jagħmlu dak li qed tagħmel int bħalissa. Wieħed minn kull sitt bnedmin ma tgħallimx jaqra—spiss minħabba nuqqas taʼ opportunità biex jattendi l-iskola—u minn dawk li tgħallmu, ħafna ma jagħmlux dan regolarment. Però, l-abbiltà tiegħek li taqra l-paġna stampata tippermettilek li b’dan il-mezz tivvjaġġa lejn pajjiżi oħrajn, tiltaqaʼ maʼ nies li l-ħajjiet tagħhom jistgħu jsebbħu lil tiegħek, u tikseb għarfien prattiku li se jgħinek tkampa mal-inkwiet tal-ħajja.
Dak li taqra lil uliedek jistaʼ jgħinhom isawru l-personalitajiet tagħhom
L-abbiltà tal-qari teffettwa kemm jibbenefika żagħżugħ mill-edukazzjoni tiegħu fl-iskola. Meta jfittex impjieg, l-abbiltà tiegħu biex jaqra tistaʼ tinfluwenza t-tip taʼ xogħol li jistaʼ jsib u l-ammont taʼ sigħat li jrid jaħdem biex jaqlaʼ l-għajxien. In-nisa tad-dar li jaqraw tajjeb jistgħu jieħdu ħsieb il-familji tagħhom aħjar fejn jidħlu n-nutriment xieraq, l-iġjene, u l-prevenzjoni tal-mard. L-ommijiet li jaqraw tajjeb jistgħu wkoll ikollhom influwenza pożittiva ħafna fuq l-iżvilupp intellettwali taʼ wliedhom.
M’għandniex xi ngħidu, l-aqwa benefiċċju li jiġi mill-qari hu li jippermettilek “issib l-għarfien t’Alla.” (Prov. 2:5) Ħafna mill-modi kif naqdu lil Alla jinvolvu l-abbiltà li naqraw. L-Iskrittura u l-pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-Bibbja jinqraw fil-laqgħat tal-kongregazzjoni. L-effettività tiegħek fil-ministeru tal-għalqa tiddependi bil-kbir mill-mod kif taqra. U l-preparazzjoni għal dawn l-attivitajiet tinvolvi l-qari. Għal din ir-raġuni, il-progress spiritwali tiegħek jiddependi ħafna mid-drawwiet tal-qari tiegħek.
Uża Sew l-Opportunità
Tgħallem kun espressiv bħala qarrej fil-pubbliku
Xi wħud li qed jitgħallmu l-mogħdijiet taʼ Alla għandhom edukazzjoni limitata. Jistaʼ jkollhom il-bżonn li jiġu mgħallmin jaqraw sabiex itejbu l-progress spiritwali tagħhom. Jew għandhom mnejn jeħtieġu għajnuna persunali biex itejbu l-abbiltà tal-qari tagħhom. Fejn ikun hemm bżonn lokali, il-kongregazzjonijiet jistinkaw biex jorganizzaw klassijiet għall-qari u l-kitba. Ħafna eluf ibbenefikaw bil-kbir minn dan il-provvediment. Minħabba l-importanza li wieħed ikun jaf jaqra sew, xi kongregazzjonijiet jorganizzaw klassijiet biex itejbu l-qari, u dawn isiru b’konnessjoni mal-Iskola tal-Ministeru Teokratiku. Anki fejn klassijiet bħal dawn ma jkunux disponibbli, individwu jistaʼ jagħmel ħafna progress billi jieħu ftit ħin kuljum biex jaqra b’leħen għoli u billi jattendi l-iskola u jieħu sehem regolarment fiha.
B’sogħba, il-komiks u t-televixin, fost affarijiet oħrajn, ġiegħlu lil ħafna nies iwarrbu l-qari minn ħajjithom. Il-ħin quddiem it-televixin u l-qari limitat jistgħu jfixklu l-iżvilupp tal-abbiltà tal-qari tal-individwu u l-abbiltà tiegħu li jaħseb u jirraġuna b’mod ċar u jesprimi ruħu sew.
“L-ilsir leali u għaqli” jipprovdi pubblikazzjonijiet li jgħinuna nifhmu l-Bibbja. Dawn jagħmlulna disponibbli abbundanza taʼ informazzjoni dwar kwistjonijiet spiritwali vitali. (Mt. 24:45; 1 Kor. 2:12, 13) Ukoll, iżommuna informati dwar żviluppi dinjin importanti u t-tifsir tagħhom, jgħinuna nsiru iktar midħla tan-natura, u jgħallmuna modi kif inkampaw maʼ kwistjonijiet li jikkonċernawna. Fuq kollox, jiffokaw fuq kif nistgħu naqdu lil Alla b’mod aċċettabbli u niksbu l-approvazzjoni tiegħu. Qari li jibni bħal dan se jgħinek tiżviluppa bħala persuna spiritwali.
M’għandniex xi ngħidu, l-abbiltà li naqraw sew mhijiex xi virtù fiha nfisha. L-abbiltà trid tintuża b’mod xieraq. Bħal fil-każ tal-ikel, anki fil-qari trid tkun selettiv. Għala għandek tiekol ikel li ma joffri ebda nutriment jew li saħansitra jistaʼ jivvelenak? Bl-istess mod, għala għandek taqra materjal, anki bla ħsieb, li jistaʼ jħassarlek moħħok u qalbek? Il-prinċipji Bibliċi għandhom jipprovdu l-livell li nużaw biex niddeċiedu jekk għandniex naqraw ċertu materjal. Qabel ma tiddeċiedi x’se taqra, żomm f’moħħok skritturi bħal Ekkleżjasti 12:12, 13; Efesin 4:22-24; 5:3, 4; Filippin 4:8; Kolossin 2:8; l-1 Ġwanni 2:15-17; u t-2 Ġwanni 10.
Aqra b’Motiv Xieraq
L-importanza taʼ motiv xieraq fil-qari tidher b’mod ċar meta jiġu eżaminati r-rakkonti tal-Evanġelju. Pereżempju, fl-Evanġelju taʼ Mattew insibu lil Ġesù jistaqsi lill-mexxejja reliġjużi li kienu midħla sew tal-Iskrittura mistoqsijiet bħal “Ma qrajtux?” u “Qatt ma qrajtuh dan?” qabel ma tahom tweġibiet Skritturali għall-mistoqsijiet makakki tagħhom. (Mt. 12:3, 5; 19:4; 21:16, 42; 22:31) Tagħlima waħda li nieħdu minn dan hi li jekk il-motiv tagħna għall-qari ma jkunx xieraq, nistgħu naslu għal konklużjonijiet żbaljati jew ma nifhmux il-punt għalkollox. Il-Fariżej kienu qed jaqraw l-Iskrittura għax ħasbu li permezz tagħha kienu se jiksbu l-ħajja taʼ dejjem. Dan il-premju, bħalma wriehom Ġesù, ma jingħatax lil dawk li ma jħobbux lil Alla u li ma jaċċettawx il-mezz Tiegħu taʼ salvazzjoni. (Ġw. 5:39-43) L-intenzjonijiet tal-Fariżej kienu egoistiċi; għalhekk, ħafna mill-konklużjonijiet tagħhom kienu żbaljati.
L-imħabba għal Ġeħova hi l-iktar motiv pur li jistaʼ jkollna sabiex naqraw il-Kelma tiegħu. Din l-imħabba tqanqalna nitgħallmu r-rieda taʼ Alla, għax l-imħabba “tithenna bil-verità.” (1 Kor. 13:6) Anki jekk fil-passat ma konniex nieħdu gost naqraw, minħabba li nħobbu lil Ġeħova ‘b’moħħna kollu’ niġu mqanqlin nagħmlu ħilitna kollha mentalment biex nieħdu l-għarfien taʼ Alla. (Mt. 22:37) L-imħabba tqanqal l-interess, u l-interess iqanqalna nitgħallmu.
Ikkunsidra l-Pass
Il-qari jmur id f’id mal-għarfien. Anki bħalissa, int u taqra qed tagħraf il-kliem u tiftakar it-tifsir tiegħu. Tistaʼ żżid il-pass tat-tagħlim tiegħek jekk tkabbar l-għarfien tiegħek. Minflok ma tieqaf f’kull kelma, ipprova ħares lejn ammont taʼ kliem kull darba. Hekk kif tiżviluppa din l-abbiltà, se ssib li tibda tifhem iktar aħjar dak li tkun qed taqra.
Il-membri tal-familja jersqu eqreb lejn xulxin meta jaqraw flimkien
Madankollu, meta taqra materjal iktar profond dak li tikseb mill-isforzi tiegħek jistaʼ jiżdied billi tuża metodu differenti. Meta ta parir lil Ġożwè dwar il-qari tiegħu tal-Iskrittura, Ġeħova qal: “Dan il-ktieb tal-liġi m’għandux jitbiegħed minn fommok, u trid taqrah u timmedita fuqu [jew, “u trid taqra minn taħt l-ilsien”].” (Ġoż. 1:8, nota taʼ taħt) Ġeneralment nitkellmu minn taħt l-ilsien meta nkunu qed nirriflettu. Għalhekk, it-terminu Ebrajk li jiġi tradott “taqra minn taħt l-ilsien” jiġi tradott ukoll ‘timmedita.’ (Salm 63:6; 77:12; 143:5) Meta jkun qed jimmedita, individwu jaħseb fil-fond; ma jgħaġġilx. Jekk noqogħdu nikkontemplaw meta naqraw, inħallu l-Kelma taʼ Alla jkollha effett iktar qawwi fuq moħħna u qalbna. Il-Bibbja fiha profeziji, pariri, proverbji, poeżiji, dikjarazzjonijiet taʼ ġudizzju divin, dettalji dwar l-iskop taʼ Ġeħova, u abbundanza taʼ eżempji reali—ilkoll taʼ valur għal dawk li jridu jimxu fil-mogħdijiet taʼ Ġeħova. Kemm hu taʼ benefiċċju li naqraw il-Bibbja b’tali mod li jippermetti li titnaqqax sew f’moħħna u f’qalbna!
Tgħallem Ikkonċentra
Id-drawwiet tal-qari tiegħek jinfluwenzaw il-progress spiritwali tiegħek
Int u taqra, poġġi lilek innifsek f’kull xena li tiġi deskritta. Ipprova ara l-karattri fl-immaġinazzjoni tiegħek, u immaġina s-sentimenti involuti fl-esperjenzi li jseħħu f’ħajjithom. Dan mhuwiex diffiċli meta taqra xi rakkont bħal dak dwar David u Gulija, imniżżel fl-1 Samwel kapitlu 17. Imma anki d-dettalji f’Eżodu u Levitiku dwar il-bini tat-tabernaklu jew il-ħatra tas-saċerdozju se jsiru iktar reali meta timmaġina l-qisien u l-materjali jew timmaġina r-riħa tal-inċens, il-qmuħ inkaljati, u l-annimali jiġu preżentati bħala offerti tal-ħruq. Aħseb dwar kemm setaʼ kien tal-għaġeb li wieħed iwettaq is-servizzi taʼ qassis! (Lq. 1:8-10) Jekk tinvolvi s-sensi u l-emozzjonijiet tiegħek b’dan il-mod tiġi megħjun tifhem is-sinifikat taʼ dak li tkun qed taqra u dan iservi bħala għajnuna għall-memorja tiegħek.
Imma jekk ma toqgħodx attent, meta tipprova taqra, jistaʼ jkun li tibda taljena rasek. Għajnejk jibdew iħarsu lejn il-paġna, imma moħħok ikun band’oħra. Hemm il-mużika? It-televixin mixgħul? Qed jitkellmu l-membri tal-familja? Jekk inhu possibbli, ikun aħjar li taqra f’post għall-kwiet. Madankollu, jistaʼ jkun li t-tfixkil toħolqu int stess. Forsi kellek ġurnata mimlija. M’għandniex xi ngħidu, huwa tassew faċli li toqgħod taħseb dwar l-attivitajiet tal-ġurnata! Żgur li huwa tajjeb li tirrivedi l-ġrajjiet tal-ġurnata—imma mhux meta tkun qed taqra. Forsi tibda billi jkollok moħħok iffokat, jew inkella tistaʼ saħansitra tgħid talba qabel tibda taqra. Imma mbagħad, int u taqra moħħok jibda jmur band’oħra. Erġaʼ pprova. Iddixxiplina lilek innifsek biex iżżomm moħħok iffokat fuq il-materjal li tkun qed taqra. Bil-mod il-mod, se tara li qed titjieb.
X’tagħmel jekk issib kelma li ma tifhimhiex? Xi kliem mhux familjari jistaʼ jkun spjegat jew diskuss fl-artiklu. Jew forsi tkun tistaʼ tifhem it-tifsir mill-kuntest. Jekk le, ħu l-ħin biex tfittex il-kelma f’dizzjunarju jekk ikollok wieħed, jew immarka l-kelma ħalli iktar tard tistaqsi lil xi ħadd xi tfisser. Dan se jkabbar il-vokabolarju tiegħek u jgħinek tifhem dak li taqra.
Qari fil-Pubbliku
Kompli agħmel ħiltek fil-qari pubbliku
Meta l-appostlu Pawlu qal lil Timotju biex ikompli jagħti ruħu għall-qari, Pawlu kien qed jirreferi b’mod speċifiku għall-qari għall-benefiċċju taʼ oħrajn. (1 Tim. 4:13) Qari pubbliku effettiv jinvolvi iktar milli sempliċement taqra l-kliem minn paġna. Il-qarrej irid jifhem it-tifsir tal-kliem u jagħraf il-ħsibijiet li jesprimi. Huwa biss meta jagħmel hekk li jistaʼ jwassal il-ħsibijiet b’mod korrett u jerġaʼ jipproduċi l-emozzjonijiet b’eżattezza. M’għandniex xi ngħidu, dan jeħtieġ il-preparazzjoni u l-prattika. Għalhekk, l-appostlu Pawlu ħeġġeġ: “Kompli agħti ruħek għall-qari pubbliku.” Se tirċievi taħriġ taʼ valur f’din l-abbiltà fl-Iskola tal-Ministeru Teokratiku.
Agħmel il-Ħin għall-Qari
“Il-pjanijiet tal-ħabrieki żgur li jkunu taʼ vantaġġ għalih, imma kulmin jgħaġġel żgur li jiġi fil-bżonn.” (Prov. 21:5) Kemm hu minnu dan meta niġu għax-xewqa tagħna li naqraw! Biex ikun taʼ “vantaġġ” għalina, irridu nippjanaw b’mod ħabrieki ħalli attivitajiet oħrajn ma jiħdux post il-qari tagħna.
Meta taqra? Tibbenefika meta taqra kmieni filgħodu? Jew tkun iżjed attent iktar tard fil-ġurnata? Anki jekk twarrab 15 jew 20 minuta kuljum biex tagħmel ftit qari, tiskanta kemm jirnexxilek taqra. Huwa importanti li tkun regulari.
Ġeħova għala għażel li l-iskopijiet grandjużi tiegħu jinkitbu fi ktieb? Ħalli n-nies ikunu jistgħu jduru għall-Kelma miktuba tiegħu. Dan jippermettilhom jikkunsidraw l-għemejjel tal-għaġeb taʼ Ġeħova, jgħidu lil uliedhom dwarhom, u jibqgħu jiftakru x’għamel Alla. (Salm 78:5-7) L-apprezzament tagħna għall-ġenerożità taʼ Ġeħova f’din il-kwistjoni jintwera l-iżjed mill-mod kif nagħmlu ħilitna biex naqraw il-Kelma tiegħu li tagħti l-ħajja.