Għallem lil Dawk li Ma Tantx Jafu Jaqraw
1. Liema sfida jistaʼ jkollna fil-ministeru?
1 Waqt li nieħdu sehem fil-ministeru tagħna, aħna kultant ikollna l-isfida li ngħallmu l-verità lil nies li jsibuha diffiċli biex jaqraw. X’nistgħu nagħmlu?
2. Kif u għala nuru rispett lejn min ma tantx jaf jaqra?
2 Irrispetta d-Dinjità Tagħhom: Għal Ġeħova hija importanti l-kundizzjoni tal-qalb taʼ l-individwu, mhux l-edukazzjoni sekulari tiegħu. (1 Sam. 16:7; Prov. 21:2) Għalhekk, lil dawk li ma tantx jafu jaqraw ma nqisuhomx bħala li huma inferjuri. Uħud bħal dawn x’aktarx li se jkunu iktar lesti li jaċċettaw l-għajnuna tagħna meta nuruhom rispett u paċenzja. (1 Pt. 3:15) Dan jistaʼ jinvolvi li ma ninsistux li l-individwu jaqra xi vers jew paragrafu. Hekk kif individwu jagħmel progress f’li jitgħallem veritajiet Bibliċi prezzjużi, hu għandu mnejn isir iktar ħerqan biex itejjeb l-abbiltà tiegħu tal-qari ħalli jesperjenza l-ferħ li jiġi mill-qari tal-Kelma t’Alla u ‘l-meditazzjoni [jew, il-qari minn taħt l-ilsien] lejl u nhar.’—Salm 1:2, 3.
3. Liema metodi taʼ tagħlim jistgħu jintużaw biex ngħallmu lil dawk li ma tantx jafu jaqraw?
3 Metodi taʼ Tagħlim fuq Studji tal-Bibbja: L-istampi huma għodda eċċellenti għat-tagħlim u l-memorja. Għandek mnejn tistaqsi lill-istudent x’josserva hu dwar xi stampa fil-pubblikazzjoni li tkun qed tuża. Imbagħad uża mistoqsijiet speċifiċi biex tgħinu jifhem x’tgħallem l-istampa. Uża l-iskritturi li jgħallmu ċerti punti li trid tenfasizza mill-istampa. L-istampi jistgħu jintużaw ukoll biex tiġi riveduta l-lezzjoni. Tgħaddix wisq materjal f’daqqa. Enfasizza t-tema u l-punti prinċipali tal-lezzjoni, u evita li tiddiskuti punti li m’humiex fil-materjal. Aqra l-iskritturi direttament mill-Bibbja, u uża mistoqsijiet biex tkun ċert li l-istudent jifhem dak li jkun inqara. Dan jistaʼ jżid ix-xewqa tiegħu biex jitjieb fil-qari ħalli jfittex iktar veritajiet Bibliċi waħdu.
4. Kif nistgħu ngħinu lill-istudent tagħna jitjieb fl-abbiltà tiegħu tal-qari?
4 Għajnuniet Għal Titjib fil-Qari: Nies li ma tantx jafu jaqraw jew li ma tantx kellhom opportunità biex jitgħallmu jaqraw b’mod fluwenti għandhom mnejn jifhmu u jiftakru l-informazzjoni tajjeb ħafna. Forsi tistaʼ tinkuraġġixxi lil uħud bħal dawn biex jużaw rekordings fuq l-awdjo tal-pubblikazzjonijiet tagħna jekk huma disponibbli bil-lingwa tagħhom. Jekk jisimgħu bir-reqqa lill-qarrej waqt li jsegwu fil-kopja stampata, saħansitra jirripetu l-kliem minn taħt l-ilsien, se jiġu megħjunin jitjiebu fil-qari. Jistgħu jsibu t’għajnuna wkoll il-browxer Apply Yourself to Reading and Writing. F’xi nħawi, l-anzjani jistgħu wkoll jirranġaw biex ikun hemm klassijiet tal-qari fil-kongregazzjoni. Dawn is-suġġerimenti prattiċi jistgħu jgħinuna ngħinu lil dawk li ma tantx jafu jaqraw biex jifhmu “l-kitba qaddisa,” li tistaʼ tagħmilhom għorrief għas-salvazzjoni.—2 Tim. 3:15.