Kif tistaʼ tgħin lil uħud li jsibuha diffiċli biex jaqraw?
1. Liema sfida tiffaċċja meta tgħallem il-Bibbja lil uħud li jsibuha diffiċli biex jaqraw?
1 Inkwilini li jsibuha diffiċli biex jaqraw jistgħu jkunu interessati f’affarijiet spiritwali, imma jistgħu jaqtgħu qalbhom mill-Bibbja u minn kotba oħrajn. Jekk mill-ewwel toffri l-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem? lil uħud bħal dawn, ma tantx jistaʼ jkollok suċċess. Kif nistgħu ngħinuhom spiritwalment? Staqsejna lil pubblikaturi taʼ esperjenza f’iktar minn 20 pajjiż differenti x’jagħmlu f’każ bħal dan. Nistgħu nsibu s-suġġerimenti tagħhom fil-paragrafi li ġejjin.
2. Liema għodod huma effettivi biex ngħinu lil xi ħadd li jsibha diffiċli biex jaqra?
2 Jekk l-istudent ma tantx jaf jaqra, jew ma jaf xejn affattu, tistaʼ tibda bil-browxers Ismaʼ Minn Alla jew Isma’ Minn Alla u Tgħix Għal Dejjem. Pijunier mill-Istati Uniti juri lill-inkwilin iż-żewġ browxers u jistaqsih liema jippreferi jiddiskuti. L-uffiċċju tal-fergħa fil-Kenja jgħid li dawn l-għodod sabuhom tassew effettivi għax fl-Afrika, is-soltu n-nies jiġu mgħallmin bl-istejjer iktar milli permezz taʼ diskussjoni b’mistoqsijiet u tweġibiet. Filwaqt li persuna taʼ skola tistaʼ faċilment taċċetta li taqra u twieġeb il-mistoqsijiet, dan l-istess metodu jistaʼ jġiegħel lil xi ħadd taʼ ftit skola jħossu skomdu. Jekk l-istudent kapaċi jaqra xi ftit, ħafna pubblikaturi jippreferu jibdew bil-browxers Aħbar Tajba Mingħand Alla! jew Int Tistaʼ Tkun il-Ħabib t’Alla!, jew forsi Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja.
3. X’se jgħinna nkunu effettivi f’li ngħinu lil dawk li ma jafux jaqraw?
3 Faħħarhom: Dawk li ma tgħallmux jaqraw, jistgħu jħossuhom imbarazzati, u ħafna jkollhom stima baxxa tagħhom infushom. Spiss, li tgħinhom iħossuhom komdi jkun l-ewwel pass qabel ma tgħallimhom il-verità. Il-biċċa l-kbira min-nies li ma jafux jaqraw huma intelliġenti u kapaċi jitgħallmu. Urihom rispett, u ttrattahom b’dinjità. (1 Pt. 3:15) Se jkunu motivati biex ikomplu jistudjaw jekk iħossu li qed jagħmlu progress spiritwali u l-isforzi tagħhom mhumiex għalxejn. Għalhekk, iżżommx lura milli tfaħħarhom mill-qalb.
Dawk li ma tgħallmux jaqraw, jistgħu jħossuhom imbarazzati, u ħafna jkollhom stima baxxa tagħhom infushom. Spiss, li tgħinhom iħossuhom komdi jkun l-ewwel pass qabel ma tgħallimhom il-verità
4. Kif nistgħu ninkuraġġixxu lil uħud li ma tantx jafu jaqraw biex jippreparaw għall-istudju?
4 Anke jekk l-istudent ma tantx jaf jaqra, inkuraġġih biex jipprepara għall-istudju tiegħu. Xi pubblikaturi fl-Afrika t’Isfel, jinkuraġġixxu l-istudenti tagħhom biex jistaqsu lil xi membru tal-familja jew ħabib li jaf jaqra sew biex jgħinhom. Pubblikatur fil-Britannja jimmotiva l-istudenti tiegħu biex jippreparaw billi jħallihom jużaw il-ktieb tiegħu għal xi ftit paragrafi matul l-istudju, sabiex huma jkunu jistgħu jaraw kemm hu iktar faċli li ssib it-tweġibiet meta jkunu mmarkati. Ħu fl-Indja jħeġġeġ l-istudenti tiegħu biex jeżaminaw l-istampi għall-istudju tal-ġimgħa taʼ wara u jaħsbu fuqhom bil-quddiem.
5. Kif nistgħu nuru l-paċenzja meta nikkonduċu studju tal-Bibbja?
5 Kun paċenzjuż: Tuża liema pubblikazzjoni tuża, iffoka fuq il-punti prinċipali, u għin l-istudent tiegħek biex jifhimhom sew. Għall-ewwel, forsi jkun aħjar li d-diskussjoni ddum bejn 10 u 15-il minuta. Tipprovax tkopri ħafna materjal f’daqqa. Minflok tistaʼ tgħaddi xi ftit paragrafi kull darba. Kun paċenzjuż jekk l-istudent jaqra bil-mod. X’aktarx li se jkun immotivat biex itejjeb il-qari tiegħu hekk kif ikabbar l-apprezzament tiegħu lejn Ġeħova. Biex tgħin l-istudent tiegħek jagħmel dan, ikun tajjeb li tistiednu għal-laqgħat mill-ewwel.
6. Kif nistgħu ngħinu individwi jitgħallmu jaqraw?
6 Jekk l-istudenti tal-Bibbja jitgħallmu jaqraw, huma se jagħmlu progress spiritwali iktar malajr. (Salm 1:1-3) Ħafna għenu lill-istudenti tagħhom billi fl-aħħar taʼ kull studju qattgħu ftit minuti jiffokaw fuq il-qari. Jekk l-istudent jaqtaʼ qalbu, forsi tistaʼ tgħinu jsir iktar kunfidenti jekk tfaħħru għal xi affarijiet li rnexxielu jitgħallem. Assigurah li Ġeħova se jbierek l-isforzi tiegħu, u inkuraġġih biex jitolbu għall-għajnuna. (Prov. 16:3; 1 Ġw. 5:14, 15) Xi pubblikaturi fil-Britannja jinkuraġġixxu lill-istudenti tagħhom biex jagħmlu miri raġunevoli imma progressivi—forsi l-ewwel billi jitgħallmu l-alfabett, imbagħad ifittxu u jaqraw ċerti skritturi, u wara dan, jaqraw pubblikazzjonijiet simplifikati tal-Bibbja. Li tgħin in-nies jitgħallmu jaqraw, spiss jirrikjedi li timmotivahom ikun jridu jitgħallmu, mhux sempliċement tgħidilhom kif.
7. Għala m’għandniex inżommu lura milli nwasslu il-verità lil dawk li jsibuha diffiċli biex jaqraw?
7 Ġeħova ma jqisx lil dawk taʼ ftit edukazzjoni bħala li huma inferjuri. (Ġob 34:19) Hi l-qalb tal-persuna li Ġeħova qed ifittex. (1 Kron. 28:9) Għalhekk, iżżommx lura milli twassal il-verità lil dawk li jsibuha diffiċli biex jaqraw. Għandek diversi għodod siewja li tistaʼ tuża. Eventwalment, tistaʼ taqleb għal fuq il-ktieb Il-Bibbja X’Tgħallem?, u tgħin lill-istudent jifhem l-Iskrittura aħjar.