LIBRERIJA ONLAJN tat-Torri tal-Għassa
LIBRERIJA ONLAJN
tat-Torri tal-Għassa
Malti
@
  • ċ
  • ġ
  • ħ
  • ż
  • à
  • è
  • ò
  • ù
  • ʼ
  • BIBBJA
  • PUBBLIKAZZJONIJIET
  • LAGĦQAT
  • g01 12/8 pp. 23-25
  • Kif Nistaʼ Nittratta maʼ Nies Irrabjati?

M'hawnx video għall-għażla li għamilt.

Jiddispjaċina, kien hemm problema biex jillowdja l-vidjow.

  • Kif Nistaʼ Nittratta maʼ Nies Irrabjati?
  • Stenbaħ!—2001
  • Sottitli
  • Materjal Simili
  • Kif Għandek Twieġeb għar-​Rabja
  • Il-​Ħlewwa​—Debbolezza jew Saħħa?
  • Eżempji Bibliċi taʼ Ħlewwa
  • “Warrab”
  • Abigajl u David
    Il-Ktieb Tiegħi taʼ Stejjer mill-Bibbja
  • Aġixxiet b’Għaqal
    Imita l-Fidi Tagħhom
  • “Id-dehen ta’ bniedem itaffilu r-rabja tiegħu”
    It-Torri tal-Għassa Jħabbar is-Saltna taʼ Ġeħova—2015
  • X’Hemm Ħażin f’li Tivvindika Ruħek?
    Stenbaħ!—2001
Ara Iżjed
Stenbaħ!—2001
g01 12/8 pp. 23-25

Iż-​Żgħażagħ Jistaqsu . . .

Kif Nistaʼ Nittratta maʼ Nies Irrabjati?

“Kellu rabja vjolenti. Forsi minħabba li rani żgħir, ried jaqbad jagħtini. Jien u ninġibed lura, għedtlu: ‘Stenna ftit! Stenna minuta! Stenna minuta! Għala trid taqbad tagħtini? M’għamiltlek xejn. Lanqas biss naf għalfejn int daqshekk irrabjat. Nistgħu nitkellmu ftit?’” ​—David taʼ 16-il sena.

QATT kont il-​mira tar-​rabja taʼ xi bùli? Il-​Bibbja bassret li n-​nies illum kellhom ikunu “kiefra, bla mħabba għat-​tajjeb.” (2 Timotju 3:3) U waqt li tkun għamilt ħiltek kollha biex tevita li tkun “ħabib taʼ min jinkorla, . . . maʼ min jisħon malajr,” ikun hemm drabi meta ma tkunx tistaʼ tevitahom lin-​nies irrabjati. (Proverbji 22:24) Kif għandek taġixxi meta ssib ruħek f’sitwazzjoni bħal din?

Kif Għandek Twieġeb għar-​Rabja

Forsi llum ħafna żgħażagħ iwieġbu b’rabja tagħhom stess. Imma meta jsir dan, il-​ħsara sempliċement tkompli tikber. Barra minn hekk, meta titlef il-​kontroll fuqek innifsek, dan iġibek fl-​istess livell tal-​wieħed li jkun qed jirrabja. Proverbji 26:4 jgħid: “Tweġibx lill-​iblah skond bluhatu, biex ma tkunx bħalu int ukoll.” Iż-​żagħżugħ Jeremy kellu jitgħallem il-​verità taʼ dan il-​kliem b’esperjenza qarsa. Hu jiftakar li kien l-​iskola bil-​qiegħda mal-​mejda taʼ l-​ikel: “Kien hemm grupp taʼ subien li kienu dejjem iwaqqgħu għaċ-​ċajt lil xulxin u lil ħaddieħor. Ħafna drabi kienu jlabalbu fuqi. Ġeneralment, kont ninjorah dak li jgħidu. Madankollu, meta wieħed minnhom beda jlablab fuq ommi, tlift il-​kontroll u qbiżt fuqu b’rabja kbira.” Ir-​riżultat? “Tani xebgħa sew,” jgħid Jeremy.

Il-​Bibbja tagħti din it-​twissija għaqlija: “Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla, kelma iebsa tqajjem l-​għadab.” (Proverbji 15:1) Iva, meta twieġeb għar-​rabja b’“kelma iebsa,” is-​sitwazzjoni tistaʼ biss issir agħar. Madankollu, tweġiba ħelwa tistaʼ taʼ spiss tikkalma u tnaqqas it-​tensjoni tas-​sitwazzjoni.

Ftakar f’David, li ssemma fil-​bidu taʼ dan l-​artiklu. Hu kien kapaċi jġiegħel lill-​bùli jispjegalu għala kien irrabjat. Xi ħadd kien seraqlu l-​ħobż, u għalhekk il-​bùli kien sempliċement qed jisfoga l-​frustrazzjoni tiegħu maʼ l-​ewwel persuna li ġiet quddiemu. “Billi taqbad tagħtini m’intix se ġġib lura l-​ħobż tiegħek,” irraġuna miegħu David. Hu mbagħad issuġġerixxa li t-​tnejn flimkien imorru fil-​kafetterija. “Peress li kont naf lil min kien jaħdem hemm,” jiftakar David, “Stajt nirranġalu biex xorta jkollu x’jiekol. Ħadli b’idi, u wara dan tgħidx kemm sirna ħbieb.” Qed tinnota kemm hu b’saħħtu l-​kliem ħelu? Bħalma jispjega proverbju wieħed, “ilsien ħelu nnifsu jistaʼ jkisser għadma.”​—Proverbji 25:15, NW.

Il-​Ħlewwa​—Debbolezza jew Saħħa?

Forsi l-​idea li jkollok “ilsien ħelu” ma tantx tinstemaʼ sabiħa. Għandek mnejn tidher iktar b’saħħtek jew maskili jekk tirbaħ ir-​rabja bir-​rabja. Forsi tistaʼ tibżaʼ wkoll li jekk taġixxi b’mod ħelu, oħrajn jistgħu jaħsbu li int veru dgħajjef. Imma xi jfisser sewwa sew li tkun ħelu? Skond xogħol taʼ referenza, li tkun ħelu jfisser li tkun ġentili. Madankollu, din l-​istess referenza żżid, “Wara l-​ġentilezza hemm saħħa taʼ l-​azzar.” Għalhekk, minflok ma hi sinjal taʼ dgħjufija, il-​ħlewwa tistaʼ tkun sinjal taʼ saħħa. Kif?

Sewwa, raġuni waħda hi li bniedem li jaġixxi bil-​ħlewwa għandu kontroll u ma jitlifx il-​bilanċ malajr. Mill-​banda l-​oħra, bniedem li għandu nuqqas taʼ ħlewwa jidher li ma tantx għandu sigurtà, ikun frustrat, jew saħansitra ddisprat. Ikun nieqes ukoll mill-​kontroll fuqu nnifsu. Minħabba li ma jkunx jistaʼ jikkontrolla l-​emozzjonijiet tiegħu, x’aktarx li hu jsib li taʼ spiss ikollu xi jgħid maʼ ħaddieħor. Iva, “bħal belt miftuħa u bla ħitan, hekk hu l-​bniedem li ma jitrażżanx.” (Proverbji 25:28) Għalhekk, mela, il-​bniedem li jaġixxi bil-​ħlewwa huwa dak li hu b’saħħtu!

Eżempji Bibliċi taʼ Ħlewwa

Ikkunsidra lil Ġesù Kristu. Hu ddeskriva lilu nifsu bħala li hu “taʼ qalb ħelwa u umli.” (Mattew 11:29) Qatt ma kien aħrax jew mhux raġunevoli, billi jpatti l-​ħażin bil-​ħażin. Infatti, l-​appostlu Pietru, ħabib persunali taʼ Ġesù, irrapporta: “Meta għajjruh [lil Ġesù] ma weġibx bit-​tagħjir; meta bata ma heddidx imma ħalla f’idejn l-​Imħallef ġust.” (1 Pietru 2:23) Iżda, ftakar ukoll li dan l-​istess Ġesù “daħal fit-​tempju, qabad ikeċċi ’l barra l-​bejjiegħa u x-​xerrejja kollha.” (Mattew 21:12) U jekk qatt kellu bżonn taʼ l-​għajnuna divina, Ġesù setaʼ talab għal “aktar minn tnax-il leġjun taʼ anġli”! (Mattew 26:53) Le, hu ma kienx xi raġel debboli.

Ikkunsidra wkoll l-​eżempju taʼ l-​Imħallef Gidgħon, bħalma nsibu fi Mħallfin 8:1-3. Wara rebħa kbira militari, xi suldati mit-​tribù taʼ Efrajm ħadu għalihom għaliex ħassew li ma kinux ngħataw ċans biex jieħdu sehem fil-​glorja tal-​battalja. “Għaliex għamiltilna hekk, li ma sejjaħtilniex meta mort titqabad mal-​Midjanin?” huma sfidaw. “U tlewwmu miegħu bl-​aħrax.” Issa Gidgħon kien “raġel qalbieni.” (Mħallfin 6:12) Kien ikun faċli għalih li kieku wieġeb għall-​provokazzjoni tagħhom bil-​vjolenza. Minflok, hu ta tweġiba ħelwa li kkalmat lil dawk li kienu rashom sħuna. “X’għamilt jien ħdejkom?” staqsa Gidgħon. X’kien ir-​riżultat għal din l-​azzjoni modesta? “Birdet is-​saħna li kellhom għalih.”

Fl-​aħħarnett ikkunsidra r-​rakkont Bibliku taʼ mara li kien jisimha Abigajl. David kien qed jinħeba bħala wieħed maħrub mill-​għadu tiegħu Sawl, is-​sultan taʼ Iżrael. Għalkemm batew l-​eżilju, l-​irġiel taʼ David spiss kienu qagħdu għassa u pproteġew lill-​imseħbin tagħhom Iżraelin. Wieħed minn dawk li ġew megħjunin kien Nabal, ir-​raġel taʼ Abigajl, li kien sinjur ħafna. Madankollu, Nabal kien “bniedem goff u ħażin f’għemilu.” Meta l-​irġiel taʼ David kellhom bżonn il-​provvisti, huma talbu lil Nabal għal ftit ikel. Minflok ma wera apprezzament għall-​protezzjoni bla ħlas li tatu l-​armata taʼ David, Nabal “għamel” għall-​messaġġiera taʼ David u bagħathom lura b’idejhom vojta.​—1 Samwel 25:​2-11, 14.

Meta semaʼ b’dan, David irrabja u ordna lill-​irġiel tiegħu: “Ħa jitħażżem kulħadd bix-​xabla tiegħu”! David u l-​irġiel tiegħu kienu fi triqithom biex joqtlu lil Nabal u lill-​membri maskili innoċenti kollha taʼ daru meta ndaħlet Abigajl. Hi laqgħet lil David b’rigal ġeneruż taʼ ikel u xorb. Skużat ruħha għall-​kondotta mhix ġustifikata taʼ żewġha u talbet lil David biex ma joqtolx lil dawk il-​ħajjiet innoċenti.​—1 Samwel 25:13, 18-31.

It-talb umli t’Abigajl taffa r-​rabja li kellu David. Tabilħaqq, meta rrealizza kemm kienet saret taʼ periklu r-​rabja li kellu, David qal: “Mbierek il-​Mulej, Alla taʼ Iżrael, li bagħtek illum tiltaqaʼ miegħi. Mbierek l-​għaqal tiegħek, u mbierka int li ma ħallejtnix illum inxerred id-​demm u nitħallas b’idejja.” (1 Samwel 25:32-35) Iva, f’ħafna każi “tweġiba ħelwa” tistaʼ twarrab il-​korla taʼ ħaddieħor. Madankollu, x’jiġri jekk it-​tweġiba ħelwa tiegħek ma jkollhiex effett?

“Warrab”

Tistaʼ tevita li titfaʼ l-​ħatab lin-​nar billi sempliċement titlaq minfejn tkun. “Jekk ma jkunx hemm ħatab, jintefa n-​nar,” tgħid il-​Bibbja. Tagħti l-​parir ukoll: “Warrab qabel tibda xi ġlieda.” (Proverbji 17:14; 26:20) “Ġuvni popolari fl-​iskola ġie fuqi u ried ikellimni,” tgħid Merissa, li għandha 17-il sena. “Qalli li kont ħelwa. F’ħakka t’għajn, l-​għarusa tiegħu ġiet fuqi b’rabja kbira. Akkużatni li kont qed nitkessaħ maʼ l-​għarus tagħha u riedet taqbad tagħtini! Ipprovajt nispjegalha x’kien ġara, imma ma riditx tismaʼ. Wara l-​iskola ġiet lura maʼ xi tfajliet oħra biex jagħtuni xebgħa! Malajr malajr mort ġibt lill-​uffiċjal inkarigat mis-​sigurtà, u spjegajt lit-​tfajla rrabjata li jien ma niġġilidtx u li kien l-​għarus tagħha li ġie jaqbad miegħi. Wara dan tlaqt minn hemm.” Merissa ma ċedietx għall-​emozzjonijiet tagħha. Hi mhux biss warrbet mill-​ġlieda imma ħadet passi biex tipproteġi ruħha. Bħalma jgħid Proverbji 17:27, “min għandu l-​għerf kliemu meqjus, min għandu l-​għaqal moħħu kalm.”

Imma, xi ngħidu jekk int ħati għax ġagħalt lil xi ħadd jirrabja​—forsi mhux għax ridt? Skuża ruħek, u agħmel dan malajr! Dan jistaʼ jkun dak kollu li jkun hemm bżonn biex tneħħi r-​rabja taʼ dik il-​persuna. Dawn huma żminijiet mimlijin pressjoni, u ħafna nies jitlgħalhom malajr. Imma jekk tapplika l-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​ħajja tiegħek taʼ kuljum, wisq probabbli se tkun tistaʼ tevita li ssir vittma tar-​rabja taʼ xi ħadd.

[Stampi f’paġna 24]

“Tweġiba ħelwa ttaffi l-​korla”

[Stampa f’paġna 25]

Kultant ikollok sempliċement titlaq minfejn tkun

    Pubblikazzjonijiet bil-Malti (1990-2025)
    Oħroġ
    Illoggja
    • Malti
    • Ixxerja
    • Preferenzi
    • Copyright © 2025 Watch Tower Bible and Tract Society of Pennsylvania
    • Kundizzjonijiet għall-Użu
    • Privacy Policy
    • Privacy Settings
    • JW.ORG
    • Illoggja
    Ixxerja